Oct 13, 2011

Dipendenza

Spiss nisimgħu li sirna kważi totalment dipendenti fuq it-teknoloġija tal-komunikazzjoni bħal smartphones. Ilkoll nemmnuha pero xi kultant ikollna bżonn episodju biex ifakkarna kemm dan huwa minnu. Dan hu li ġara f’dal-jiem, meta miljuni ta’ persuni minn madwar id-dinja li jużaw il-Blackberry spiċċaw ma jistgħux jużaw emails mill-ismartphone tagħhom.

Laqtuni ferm il-kummenti ta’ xi nies li tkellmu mal-gazzetta The Independent tal-Ingilterra biex jirrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom wara l-problemi tal-Blackberry. Direttur li ħafna mill-ħin jaħdem barra qal li għalih hu kruċjali li jkun jista’ jirċievi l-emails fil-ħin għaliex qed jispiċċa jitlef opportunitajiet ta’ xogħol.

Stilista tax-xahar li jmur jaghti servizz fid-djar, qal li fil-jiem li ilha tippersisti l-problema tilef ħafna xogħol minħabba li hu jkun xogħol fuq barra u l-klijenti tiegħu draw jikkomunikaw miegħu bl-emails. Din hi n-natura ta’ kif qed tinbidel in-natura ta’ ħajjitna. Problema ta’ komunikazzjoni li żviluppat l-Ingilterra, qed teffettwa lil min juża l-mobile l-Indja, l-Iżrael, L-Amerka u Malta ! Tabilħaqq dinja li saret villaġġ wieħed bla fruntieri. Student ieħor qal li ma jistax jikkomunika ma’ sħabu.

Dan hu fenomenu li qed nesperjenzawh hawn Malta wkoll. Biżżejjed nagħti ftit ċifri biex wieħed jifhem aħjar il-livell ta’ penetrazzjoni ta’ komunikazzjoni ċellulari f’pajjiżna. Sa’ Ġunju li għadda kien hawn 491,344 abbonament ta’ servizzi ta’ telefonija ċellulari, aktar mill-popolazzjoni tagħna. Malta hija s-seba’ l-aktar pajjiż minn fost il-membri tal-Unjoni Ewropea li jintbagħtu messaġġi sms bi kważi 143 miljun sms li ntbagħtu f’perjodu ta’ sitt xhur.

Min għal raġuni u min għal oħra, pero kulħadd għandu livell differenti ta’ dipendenza fuq it-teknoloġija. Ma nara xejn ħażin li kulħadd jipprova jieħu vantaġġ mill-iżviluppi fit-teknoloġija, pero dipendenza totali twassal għal każijiet bħal dawn fejn bniedem jispiċċa litteralment maqtugħ mid-dinja mingħajr ebda kontinġenza ta’ kif jista jsib mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni.

No comments: