F’kelmtejn li ghamilt waqt riċeviment zghir ta’ ringrazzjament, jien għidt li dak li kien probabilment trasferiment vendikattiv spicca kien trasferiment providenzjali. Vince Magri ma qagħadtx lura milli jagħmel ħiltu biex illum dan il-qasam għadda, u għadu għaddej, minn rivoluzzjoni drastika. Ma nlumx lil min jiftakar fil-muntanja tal-Magħtab bhala s-simbolu tal-istraġi li kellna fil-qasam tal-iskart f’pajjiżna. F’dawn il-ġranet stess ngħatajt preżentazzjoni fuq kif se tkompli tinbidel il-Magħtab f’post ta’ rikreazzjoni issa li nbeda x-xogħol fuq fażi ohra tar-riabilizzjoni ta’ din il-miżbla, liema xogħol se jiswa mal-4 Miljun Ewro. Id-difett fi proġetti bħal dawn hu li l-effett viżiv idum ma jirranka pero x-xogħol fuq il-Magħtab għaddej kuljum u miexi mal-pjan.
Vince kien pern ewlien fir-rivoluzzjoni li wettaqna fl-immaniġġjar tal-iskart. Hu, flimkien mat-tim ta’ ħaddiema tal-WasteServ, kienu strumentali biex bnejna infrastruttura li fuqha nistgħu nkomplu nibnu, kif ukoll iddaħħlet mentalita’ differenti fejn in-nies wieġbu bi ħġarhom. Vince mexxa l-WasteServ u ma qatax qalbu lanqas quddiem kampanji sħaħ ta’ miżinformazzjoni kif ġara fil-każ tal-immodernizzar tal-impjant ta’ Sant’Antnin. Minkejja t-tfixkil kollu, Vince kompla miexi biex llum wasalna fejn wasalna. Lil Vince insellimlu u nirringrazzjah. Mill-2003 meta nghatajt ir-responsabilita’ tal-immaniġjar tal-iskart sibt fih habib u kolonna. Nittama li l-ispirtu ta’ dedikazzjoni u impenn bla limitu tiegħu jibqgħu jigwidaw il-management u l-ħaddiema tal-WasteServ fix-xhur u s-snin li ġejjin.
No comments:
Post a Comment