Wieħed mill-eserċizzji li kellhom kien li jagħmlu mudell ta’ dak li jixtiequ jaraw fil-park li se nagħmlu fuq il-miżbla riabilitata tal-Magħtab. Dawn huma tfal li mhux biss jitkellmu fuq l-immaniġjar tal-iskart imma qed jagħtu semhom. Mhux biss jiproduċu l-kompost mill-iskart biodegredabli, imma saħansitra għamlu Civic Amenity Site żgħira biex naqsu b’mod konsiderevoli l-volum ta’ skart li jarmu.
Minn hemm bqajt sejjer f’għalqa vicin ir-Rabat fejn kien għaddej il-proċess ta’ installazzjoni tal-ewwel meter ma’ borehole għal użu agrikolu. Pass importanti ħafna fl-azzjoni konkreta tagħna favur il-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan. Spjegajt lill-ġurnalisti li jridu jkunu nstallati madwar 3,500 meter ma’ boreholes tal-bdiewa. Dawn il-meters qed jiġu nstallati mingħajr ħlas mill-bdiewa għax irnexxielna nġibu €2 miljun fondi mill-UE biex ma ngħabbux piż fuq il-bidwi. Il-Gvern qed jgħin ukoll billi raħħas bin-nofs il-kirja li l-bidwi u r-raħħal irid iħallas fuq il-meters tad-dawl u tal-ilma.
Wara l-installazzjoni tal-meters irid isir perjodu ta’ moniteraġġ tal-kwantità tal-ilma li jintuża fis-setturi kollha biex tinġabar stampa reali ta’ x’jiġi estratt mill-ilma tal-pjan. Dan se jservi biex fil-każ ta’ sorsi li jintużaw għall-agrikultura jinħadmu kwoti biex il-bdiewa tinħadmilhom kwota ta’ ilma bla ħlas għall-bżonnijiet tagħhom. B’wiċna minn quddiem nistgħu ngħidu li diġa wasalna biex nieħdu passi li ħafna pajjiżi ewropej fil-meditterran sabu diffikulta jimplimentaw. Qed nagħmlu dan anke għax nagħrfu r-responsabilitajiet li għandna lejn it-tfal ta’ llum li rridu niggarantulhom ilma fi kwantita’ u kwalita’ li jixirqilhom.
No comments:
Post a Comment