Sentejn ilu permezz tal-Ftehim ta’ Copenhagen, tal-Konfernza dwar il-Tibdil fil-Klima il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jipprovdu lill-pajjiżi fi stadju ta’ żvilupp mezzi finanzjarji ‘fast start’ ġodda u oħrajn għall-perjodu 2010-2012.
F’dan il-kuntest il-Gvern Malti ngħaqad mal-kumplament tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex niffinanzjaw proġetti relatati mal-addattazzjoni tat-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, ftit tal-ġranet ilu jien u l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg ppreżentajna €300,000 lill-għaqdiet mhux governattivi lokali li għandhom proġetti maħsuba biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Il-fondi msemmija se jkunu qed jiffinanzjaw sitt proġetti fl-Afrika li jaħsbu biex jiffaċilitaw it-twassil tal-provvista ta’ ilma nadif; impjanti tal-biogass, programm ta’ tħawwil ta’ siġar u installazzjoni ta’ pannelli solari. Dawn il-proġetti se jitwettqu f’dawk il-pajjiżi li huma partikolarment vulnerabbli għall-bdil fil-klima, bħal Ethjopja, Uganda, Tanzanija u Ghana.
No comments:
Post a Comment