Fil-granet li gejjin se jibda x-xoghol ta’ restawr fuq tliet irziezet li jinsabu ġewwa l-Buskett, li ilhom snin twal imġarrfa. It-tlett irziezet, ir-Razzett tal-Bagħal, ir-Razzett tal-Ispirtu u r-Razzett tal-Bosk kienu nbnew matul il-perijodu (1636-57) fi żmien il-Gran Mastru Lascaris. Ovvjament apparti li jiġu rrestawrati l-iskop tagħna hu dak li dawn l-irziezet jintużaw għal skop specifiku.
Il-Buskett joffri eko-sistema unika li tinkorpora fiha varjeta ta’ habitats u speċi rari. Il-Buskett hu protett b’numru ta’ policies filwaqt li kien skedat bħala Grade 1 fl-1996. Hu għalhekk importanti li n-nies isiru aktar konxji minn dan. Biex jgħinna nwasslu l-informazzjoni lill-pubbliku, ħsibna li r-Razzett tal-Bagħal, li hu l-akbar wieħed minnhom it-tlieta, jservi ta’ Ċentru Interpretattiv għall-Viżitaturi.
Minn naha l-oħra r-Razzett tal-Ispirtu se jservi kemm ta’ bażi għar-rangers li se jkunu qed iħarsu l-park kif ukoll ta’ vetrina għall-prodotti agrikoli lokali. Ir-Razzett tal-Bosk se jservi bħala post fejn gruppi żgħar ta’ nies ikunu jistgħu jorganizzzaw laqgħha dwar il-biodiversita u xjenza rurali.
Il-proġett hu stmat li se jiswa aktar minn nofs miljun ewro, b’90% tal-ispejjeż se jitħallsu mill-fondi Ewropej. L-ewwel razzett mistenni jkun lest lejn l-aħħar kwart tas-sena 2012. B’dan l-investiment mhux biss se nkunu qed nagħtu valur lill-wirt storiku ta’ pajjiżna iżda se nkunu qed nżiedu l-potenzjal turistiku taż-żona.
No comments:
Post a Comment