Nov 26, 2011

Lestejna wkoll il-Kappella ta' Santa Katerina

Il-proġett estensiv tar-restawr minn ġewwa tal-kappella ta' Santa Katerina ta' Lixandra fil-Belt Valletta issa tlesta u l-bieraħ fil-jum dedikat lill-qaddisa ġie inawgurat. Kappella li nbniet bħala l-kappella tal-Kavallieri Taljani u li llum tintuża mill-komunita’ Taljana f’Malta. Verament ġojjell artistiku li issa ngħata lura d-dinjita' li ħaqqu. Seħħet il-ħolma ta’ Dun Gino Gauci, kappillan tal-komunita’ Taljana f’Malta li tgħodd mat-tlett elef persuna, li ilu snin jistinka biex din il-kappella tiġi trasformata ghas-sbuħija originali taghħa.

Din il-kappella kienet f'kundizzjoni mill-agħar. Sfortunatament kien jidħol kwantita' ta' ilma mill-koppla u li wassal għal ħsarat kbar fil-ġebla u fil-pittura. L-aħħar fażi tal-proġett kienet ikkonċentrata l-iktar fuq il-pittura tal-koppla minn ġewwa, li għaliha kkontribwixxa l-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, permezz tar-Restoration Unit, u l-Bank of Valletta, bil-proġett fl-aħħar xhur jiġi estiż ukoll għall-koppletta u l-pitturi ta' wara l-artal li ġew iffinanzjati wara li l-Ambaxxata Taljana f'Malta sabet sponsors għalihom.

Sar xogħol qawwi ta' riċerka taħt is-superviżżjoni ta’ Giuseppe Mantella. Din il-kappella li nbniet skond id-disinn ta’ Glormu Cassar għandha wkoll it-timbru ta’ Mattia Preti. Il-kwadru titulari huwa xogħol ta’ Mattia Preti, liema pittura kienet ġiet restawrata mill-NSTF fl-2007. Barra hekk anke l-pittura tal-koppla principali, li tirraffigura xeni mill-ħajja ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra hija wkoll xogħol importanti ta’ Preti.

Fid-diskors qasir li għamilt stqarrejt li nħares lejn din il-kappella bħala simbolu tar-rabta bejn Malta u l-Italja. Liema rabta mhijiex biss minħabba l-vicinanza geografika, iżda minħabba r-rabta fuq kollox kulturali u socjali ta’ bejn iż-żewġ popli. Dan il-proġett huwa biss wieħed mill-madwar tletin proġett li dan il-Gvern qed iwettaq fil-Belt Kapitali tagħna sabiex jagħti lil din il-belt il-valur li jixirqilha.

No comments: