Huwa pożittiv li ż-żewġ partiti politiċi prinċipali qed jaqblu li hemm bżonn li l-Kostituzzjoni tagħna tiġi aġġornata. L-isfortuna hija li l-Opposizzjoni kienet iddecidiet li ma tkompliex tippartecipa fil-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kien ingħata r-responsabilita’ li jiddiskuti emendi għall-Kostituzzjoni. Issa mill-paroli hemm bżonn immorru għall-azzjoni biex infaslu dawn l-emendi. It-tliet alternattivi li semma l-President tar-Repubblika ta’ kif jista’ jsir il-process tat-tibdil jeħtieġ jiġu mixtarra u ssir għażla halli jibda l-process. Naqbel li fi process bħal dan ikun involut mhux biss il-Parlament, iżda anke s-soċjeta' ċivili.
Is-socjeta’ ta’ llum hija soċjeta’ totalment differenti mill-1974 meta sar l-aħħar aġġornament sostanzjali tal-Kostituzzjoni tagħna. Għandna pajjiż b’bosta strutturi ta’ kontroll fuq l-operat tal-Eżekuttiv bħall-Ufficcju tal-Ombudsman, Ufficcju tal-Awditur Ġenerali; għandna pajjiż bi pluraliżmu wiesa’ u mifrux inkluż fil-qasam tax-xandir u l-media anke dik diġitali; għandna pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro, għandna socjeta’ kważi multi-kulturali u miftuħa sew. Imma kif qal tajjeb il-President il-Kostituzzjoni trid tibqa strument ħaj li tevolvi skond l-ambjent ta’ madwarha.
Il-bieraħ ukoll onorajna għadd ta' membri tas-soċjeta' ċivili b'unuri ta' Ġieħ ir-Repubblika bħala sinjal ta' gratitudni u rikonoxxenza għas-servizz li dawn taw lin-nazzjon. Nixtieq nieħu din l-opportunita' sabiex nifraħ lil dawk kollha li l-bieraħ naghtaw unur, b’mod specjali imma liż-żagħżugħ Thomas Cremona, li verament kien ħaqqu l-applaws doppju li qala’ minn dawk preżenti. Thomas huwa simbolu tal-perseveranza u l-kuraġġ ta’ persuna li mhux biss iġġieled il-marda kiefra tal-kanċer iżda fittex li jkun ta’ servizz għall-ħaddiehor permezz tal-attivita’ sportiva tal-qdif fejn saħansitra flimkien ma’ numru ta’ żgħażagħ ohra qasam l-Atlantiku f’ħin rekord.
No comments:
Post a Comment