Showing posts with label parlament. Show all posts
Showing posts with label parlament. Show all posts

Mar 21, 2014

Jibzghu mill-mistoqsijiet

Il-progett ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi fil-port ta’ Marsaxlokk mizghud bl-erezijiet u mdallam bil-habi. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern irrezista li jigi quddiem il-Kumitat Parlamentari ghall-Ambjent biex iwiegeb mistoqsijiet fuq l-EIA tal-Powerstation u l-hazna tal-LNG fil-Bajja ta' M'Xlokk ! Iridu monologi u mhux diskussjoni fejn nistghu naghmlu mistoqsijiet u jsir skrutinju serju !  Sinjal car li ghandhom x'jahbu !  
 
Progett simbolu tan-nuqqas ta’ trasparenza ta’ dan il-Gvern, u tal-Partit Laburista nnifsu, ghax dan il-progett tnissel fid-dlam meta kienu ghadhom fl-Opposizzjoni.  Naqbel perfettament ma’ dak li qalet l-Onor.Marlene Farrugia nhar l-Erbgha fil-Parlament meta qalet li “Hadd minna mhu espert, u ghalhekk jaghmel sens li ngibu lill-esperti biex iwiegbu ghall-mistoqsijiet taghna.” Kien proprju ghalhekk li ahna konna ghamilna t-talba biex il-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent jaghmel skrutinju serju tal-EIA tal-progett.  Hasra li Marlene Farrugia waqghet ghall-pressjoni li saritilha biex dan il-Kumitat ma jiddiskuthiex l-EIA. 
 
L-Oppozizzjoni ilha tishaq halli l-Gvern jippubblika l-istudji kollha li wassluh ghal dan il-gennata ta’ progett. Progett mibni fuq il-habi.  Rapporti li hafna minnhom jiddikjaraw l-awturi stess li dawn huma rapport preliminari. Ir-rapport ta’ Papadakis hargu biss partijiet minnu.  Ir-rapport ta’ Papadakis fih anqas dettall mir-rapport ta’ Vaccari !  Hemm pagni shah ta’ input imma xejn dettalji fuq output !  Sempliciment ir-risk contours.  U lanqas dawk mhuma ndikati kollha !  Fuq dawn ridna nsaqsu fil-Kumitat.  Imma ovvjament ma jridux jisimhu mistoqsijiet bhal dawn.  Iridu jistahbew u jridu jahbu ! 
 
Anke r-rapport ta’ Ing.Umberto Maffezzoli li gie kkummissjonat mill-OHSA nzamm mohbi !  Ippublikawh nhar l-Erbgha fis-6.06pm ezatt qabel id-dibattitu fil-Parlament.  U ippublikawh biss wara li l-Erbgha filghodu jien u Therese Comodini Cachia pprezentajna ittra lic-Chairman tal-MEPA fejn ghidnilu li qed ninvokaw id-drittijiet taghna skond il-Freedom of Access to Information on the Environment Regulations tal-2005 biex dan ir-rapport ikun publikat.  Regolamenti marbuta mal-obbligi ta’ pajjizna skond l-Aarhus Convention. 
 
Issa li l-Ministru Konrad Mizzi qed jghid li wara ftit snin inehhi l-vapur u  jaghmel il-pipeline. Fejn huma l-istudji fuq l-options u fuq l-vijabbilita ta’ kull option ?   Fejn hu l-Maritime Risk Assessment ?  Qalilna li ghamlu numru ta’ simulation exercises.  Iva u x’qal dan l-istudju ?  Aghmlu pubbliku !   Ghandha ragun Din l-Art Helwa tghid hekk : Din l-Art Helwa strongly feels that the MEPA board should not be convened to take the decision that will allow the massive floating gas storage in Marsaxlokk bay when some of the risk analysis studies have not yet been completed. The board should not grant a permit until all the necessary studies have been carried out and made available to the public.
 


 


Apr 4, 2013

Kulhadd isaqsini


Kull fejn immur kulhadd isaqsini:  Allura x’int taghmel bhalissa ?  It-twegiba pronta tieghi: Mort lura ghall-professjoni.  Tajt probabilment l-aqwa 15-il sena ta’ hajti lill-partit u lill-pajjiz.  Imma issa ergajt qbadt nahdem fil-professjoni. Ovvjament mhux facli li wara li tkun ilek 15-il sena ‘l boghod minn ufficcju professjonali terga taqbad.  Li ghandi favur tieghi huwa l-fatt li ghamilt 10 snin vicin il-MEPA, u allura bqajt in touch mal-pjani u l-policies u fl-istess hin l-ahhar 5 snin ghamilthom Ministru tax-xoghlijiet pubblici u allura dejjem nara pjanti u naghti l-input tieghi fuq disinji ta’ progetti, apparti fuq il-lant tax-xoghol.

Qed nghix il-hajja wkoll daqsxejn aktar mal-familja u zidt ftit il-kontribut tieghi fid-dar anke billi f’xi okkazzjonijiet insajjar jien, xi haga li niehu gost naghmel.  Il-hin kollu nara x’se nivvinta. Biex inkun onest jien mhiniex wiehed minn dawk li naf wisq nohodha easy.  Ghadni nqum filghodu fl-istess hin kmieni u ndum hafna biex nidhol norqod.  Nara x’se nivvinta biex inzomm ruhi okkupat il-hin kollu.  Fil-verita’ l-qabza mhijiex wahda facli.  Imma bhal kollox fil-hajja trid taddatta ruhek. U tara l-latt posittiv tal-hajja.  Jien wiehed minn dawk li nemmen li l-hajja hija kollha kapitli u issa bdejt kapitlu gdid.

Ovvjament gearing up ukoll biex naqdi dmiri mill-ahjar bhala raprezentant tal-poplu fil-Parlament bhala parti mill-Opposizzjoni.  Biex naghmel dan behsiebni mhux biss naghti sehmi fil-Parlament imma fuq kollox f’kuntatt man-nies. Qed niprova wkoll nerga naqra ftit aktar milli kont naghmel fl-ahhar 15-il sena, fejn l-aktar li kont naqra kienu memos, emails u dokumenti relatati mal-Ministeru.  Diga bdejt infittex ukoll materjal li jzommuni au courant ta’ certi hsibijiet politici specjalment dawk marbuta mal-izvilupp sostenibbli u l-politika ewropea.

Dec 14, 2011

Ħtieġa li naġġornaw il-Kostituzzjoni

Il-bieraħ il-President ta' Malta waqt ic-cerimonja annwali ta’ Jum ir-Repubblika għamel referenza ghall-ħtieġa ta’ emendi fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Kif qal tajjeb il-President, Dr.George Abela, għalkemm il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna servietna tajjeb għal kważi kważi nofs seklu, wasal iż-żmien li din tiġi aġġornata. Kellna l-ewwel il-Kostituzzjoni li stabbiliet pajjiżna ndipendenti, imbagħad kellna dik tal-1974 li stabbiliet Malta bħala repubblika. Kif nafu bażikament mill-1974 ‘l hawn l-uniku emendi li saru kienu dawk marbuta mas-sistema elettorali biex tiġi assikurat li ma jkollniex riżultat skerz kif kellna fl-1981 u l-emendi li jirreferixxu ghan-newtralita’ ta’ pajjiżna. Hemm bżonn aġġornament biex il-Kostituzzjoni - li hija r-ruħ ta’ kull soċjeta' - tkun tirrifletti verament dak li s-soċjeta' tagħna hi llum.

Huwa pożittiv li ż-żewġ partiti politiċi prinċipali qed jaqblu li hemm bżonn li l-Kostituzzjoni tagħna tiġi aġġornata. L-isfortuna hija li l-Opposizzjoni kienet iddecidiet li ma tkompliex tippartecipa fil-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kien ingħata r-responsabilita’ li jiddiskuti emendi għall-Kostituzzjoni. Issa mill-paroli hemm bżonn immorru għall-azzjoni biex infaslu dawn l-emendi. It-tliet alternattivi li semma l-President tar-Repubblika ta’ kif jista’ jsir il-process tat-tibdil jeħtieġ jiġu mixtarra u ssir għażla halli jibda l-process. Naqbel li fi process bħal dan ikun involut mhux biss il-Parlament, iżda anke s-soċjeta' ċivili.

Is-socjeta’ ta’ llum hija soċjeta’ totalment differenti mill-1974 meta sar l-aħħar aġġornament sostanzjali tal-Kostituzzjoni tagħna. Għandna pajjiż b’bosta strutturi ta’ kontroll fuq l-operat tal-Eżekuttiv bħall-Ufficcju tal-Ombudsman, Ufficcju tal-Awditur Ġenerali; għandna pajjiż bi pluraliżmu wiesa’ u mifrux inkluż fil-qasam tax-xandir u l-media anke dik diġitali; għandna pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro, għandna socjeta’ kważi multi-kulturali u miftuħa sew. Imma kif qal tajjeb il-President il-Kostituzzjoni trid tibqa strument ħaj li tevolvi skond l-ambjent ta’ madwarha.

Il-bieraħ ukoll onorajna għadd ta' membri tas-soċjeta' ċivili b'unuri ta' Ġieħ ir-Repubblika bħala sinjal ta' gratitudni u rikonoxxenza għas-servizz li dawn taw lin-nazzjon. Nixtieq nieħu din l-opportunita' sabiex nifraħ lil dawk kollha li l-bieraħ naghtaw unur, b’mod specjali imma liż-żagħżugħ Thomas Cremona, li verament kien ħaqqu l-applaws doppju li qala’ minn dawk preżenti. Thomas huwa simbolu tal-perseveranza u l-kuraġġ ta’ persuna li mhux biss iġġieled il-marda kiefra tal-kanċer iżda fittex li jkun ta’ servizz għall-ħaddiehor permezz tal-attivita’ sportiva tal-qdif fejn saħansitra flimkien ma’ numru ta’ żgħażagħ ohra qasam l-Atlantiku f’ħin rekord.

Jan 15, 2011

Tghawwig tal-fatti

Dan l-aħħar qamet diskussjoni dwar l-hlas li jieħdu l-Ministri. L-Oppozizzjoni ppruvat taghti l-impressjoni li din inzammet siġrieta. Mhux il-kaz. F’Novembru 2008, aktar minn sentejn ilu, The Malta Today kienet irrapurtat li l-Ministri ma baqghux jitilfu l-onorarja ta’ deputat tal-Parlament. Gimgha wara kienet ghamlet intervista lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Joe Mizzi li qal li jaqbel mal-fatt li l-Ministri ma baqghux jitilfu l-onorarja, “Joe Mizzi said he agreed in principle with the increase in ministers’ wages. Mizzi argued that ministers in developing countries have better salaries than their counterparts in Malta. Personally I think that this decision was unavoidable because it does not make sense that a chairman earns more than the minister who appointed him.” Dak x’qal d-Deputat Laburista Joe Mizzi aktar minn sentejn ilu, meta kienet saret il-bidla !

Mhux vera li l-Ministri kellhom zieda ta’ €600 fil-gimgha fil-paga taghhom ta’ Ministri. Izda l-Ministri bdew jircievu l-paga ta’ deputat tal-Parlament, liema hlas minkejja li huma deputati daqs d-deputati ohra qatt ma kienu jircievu. Huwa gust li Ministru jaghmel xoghol full-time ta’ Ministru u jmur il-Parlament ghas-seduti, izda jircievi paga biss ta’ Ministru izda l-paga ta’ deputat ghas-sieghat li jaghmel fil-Parlament jitlifha? Hu gust li deputat li hu konsulent mal-Gvern jircievi paga ta’ deputat u paga ta’ deputat, izda Ministru le ? Jien nghid li le. U ma nghidx le ghax jien llum Ministru izda bhala cittadin komuni.

Kellna ingustizzja ohra li fis-snin li ghaddew kienet irrangata. Sa tlett snin ilu jekk int kont tahdem mal-Gvern, tohrog ghall-elezzjoni u tigi elett u ssir deputat, ridt taghzel: jew tibqa’ impjegat u tiehu paga izda titlef postok ta’ deputat; jew inkella tiehu l-onorarja ta’ deputat izda titlef l-impjieg u l-paga minn dak l-impjieg. L-ghazla ta’ xi hadd li gie elett kienet tkun li jiehu l-onorarja u jitlef l-impjieg – dan kien ifisser ukoll tnaqqis fid-dhul ghaliex il-paga ta’ deputat hi anqas minn ta’ hafna impjegati tal-Gvern. Din kienet giet irrangata b’mod li d-deputat thalla jibqa’ jahdem mal-Gvern u jiehu l-onorarja u l-paga. Allura jekk dik kienet gustifikata, ghaliex li Ministru jiehu wkoll il-paga ta’ deputat mhux gustifikata?

Minkejja li zdied id-dhul ghal Ministri bi €525 fil-gimgha, hawn xi hadd li ghandu dubju li kieku dawk li huma professjonisti jagtu s-sieghat taghhom fil-professjoni ma jirnexxielhomx idahhlu l-istess dhul ? Hafna minn dawk li jaccettaw li jservu ta’ Ministru ghal numru ta’ snin jitilqu l-professjoni. Meta mbaghad jispiccaw minn Ministri iridu jaraw li jibdew il-hajja professjonali taghhom mill-bidu nett. Mhux facli li taghmel dan meta fl-ghalqa jkunu dahlu professjonisti ohra. Naf mill-esperjenza, deputati mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista li ma baqghux ministri u sabu diffikultajiet kbar biex jidhlu lura f’impjieg. Batew huma u baghtiet il-familja taghhom.

Mhux sew li xi uhud mill-Opposizzjoni , fosthom il-Kap tal-Opposizzjoni, qed jipruvaw jistrumentalizzaw din il-bidla. Nifhem ir-rabja li hemm fost uhud mid-deputati laburisti ghal dak li ghamel il-Kap tal-Partit taghhom stess. Jien nista naghmel bhal Kap tal-Oppozizzjoni u nghid kemm hu s-salarju tieghu bhala Kap tal-Oppozizzjoni biex nipprova nohloq l-ghira, kif qed jaghmel hu. Mhux lest li naghmel l-istess. Il-klassi politika tizbalja bi kbir meta tiprova tkisser lilha nnifisha. Jekk irridu nies validi u onesti jersqu lejn il-politika irridu noffru dhul xieraq lil dawn il-persuni u mhux nipretendu li dawn jaghtu l-aqwa servizz a skapitu ta’ familthom. Kif anki kien qal id-deputat laburista Joe Mizzi id-dhul tal-Ministri f’pajjizna xorta ghadu relattivament baxx hafna hdejn id-dhul ta’ Ministri ohra Ewropej, minkejja li zdied ix-xoghol ghax tnaqqsu n-numru ta’ Ministri. Izda fuq dak li gie ffrankat ghax tnaqqsu l-Ministri u n-nies addetti maghhom fis-segretarjati, fuq dak hadd ma jitkellem.

May 11, 2010

Tal-Misthija ! 2

Nistqarr li dak li għaddej f’dawn il-jiem fil-Parlament tagħna huwa spettaklu xejn dekoruż mill-Oppożizzjoni. Wara x-xenati tal-Ħamis li għadda, l-bieraħ assistejna għal strateġija ta' tfixkil fejn biex napprovaw il-minuti tas-seduta preċedenti ħadna aktar minn seba’ sigħat.

Iva seba’ sigħat nassitu għal numru ta’ Deputati tal-Oppożizzjoni jaraw ma’ fejn se jaqbdu biex itawlu u jtellfu lill-Kamra milli tkompli bix-xogħol importanti li kellha quddiemha l-bierah. Il-bierah suppost li kellna niddiskutu l-approvazzjoni ta' self ta’ flus mill-Gvern Malti lil dal tal-Greċja fil-kuntest tal-ftehim li ntlaħaq mill-Unjoni Ewropea.

Kulhadd jaf kemm is-sitwazzjoni fil-Grecja ghanda mpatt mhux biss fuq il-Grecja imma l-pajjizi ewropej kollha. Kulhadd jaf li l-krizi finanzjarja hemm bzonn tkun indirizzata llum qabel ghada halli titnehha l-incertezza. Kulhadd jaf dan kollu imma l-Opposizzjoni tigi taqa u tqum minn dan kollu. Imma għal-Oppożizzjoni lanqas seduta tant importanti ma kienet biżżejjed biex iġġiegħlhom jiżnu l-aġir tagħhom. Għall-Oppożizzjoni l-importanti l-istorbju u x-xenati, saħansitra aktar importanti mill-impatt fuq l-ekonomija u l-impjiegi.

May 10, 2010

Tal-misthija !

Qed nikteb illum mhux nhar il-Gimgha halli nhares lejn l-avvenimenti li sehhew fil-Parlament nhar il-Hamis bil-lejl b’mod aktar distakkat. X’gara ezattament izda l-Hamis ? Waqt il-votazzjoni dwar il-mozzjoni tal-Opposizzjoni fuq l-estensjoni tal-Power Station tqajjmu dubju dwar il-vot anke ghax l-Onor.Mario Galea kien qal “Iva” meta ried jghid “Le” u fil-fatt qam mill-ewwel biex jiccara l-vot tieghu. L-Onor. Deputat Prim Ministru kien ressaq dubji anke fuq kif kienet ivvutat l-Onor. Justyne Caruana. Hawn il-membri tal-Opposizzjoni rvellaw u bdew jghajtu ghajjat sfrenat u insulti lejn l-iSpeaker biex jiddikjara l-vot. L-iSpeaker, ghalhekk iddikjara li ser jissospendi l-Kamra halli jisma’ r-recordings u jivverifika l-votazzjoni.

F’dan l-istadju n-naha tal-Opposizzjoni, fost hafna storbju, theddid u nsulti harget mill-Kamra. L-iSpeaker issospenda l-Kamra u flimkien mal-Iskrivan tal-Kamra ipprova jivverifika l-voti tal-Membri. Izda billi kwazi l-microphones kollha kienu mitfija waqt il-vot, ma kienx possibbli li wiehed jivverifika sew. Ghaldaqstant, l-iSpeaker, peress li ma setax jigi rizolt bis-smigh tar-recording, ha decizjoni abbazi tal-Ordni Permanenti 86 u talab li jittiehed vot iehor.

Ikolli nistqarr li konna zmien twil, sa mill-famuz sajf tal-1998, ma naraw xena bhal dawk fil-Parlament. L-attegjament tal-Opposizzjoni kien tal-misthija. Ghajjat, tisbit, kliem oxxen u tfiegh ta’ kotba indirizzata lejn in-naha tal-Gvern. Kont nahseb li taht Joseph Muscat dawn it-tip ta’ xenati mhu se narawhom qatt aktar. Izda kelli zball.

Jidher car ukoll li l-Kap tal-Opposizzjoni filwaqt li biex jidher “moderat” kien lest jissekonda n-nomina ta’ Dr.Michael Frendo bhala Speaker, mal-ewwel okkazzjoni ma ddejjaq xejn flimkien ma’ shabu jinsulenta lill-istess Speaker. Aktar ma jghaddi z-zmien aktar qed johrog car li hemm differenza kbira bejn il-mod kif Joseph Muscat jiprova jpingi lilu nnifsu u kif verament jagixxi fil-mument tal-prova.

Apr 23, 2010

Exit Louis, Enter Michael

Fi ftit granet ohra nghidu addio lil Louis Galea bhala Speaker u prattikament johrog mix-xena politika. Definittivament se nimmisjawh. Louis kien dejjem persuna ta’ valuri sodi u persuna b’sens qawwi ta’ lealta’ . Louis huwa wiehed mis-simboli tat-trasformazzjoni tal-PN lejn l-ahhar tas-snin sebghin u l-bidu tas-snin tmenin. Kien hu li flimkien ma’ Eddie hareg aktar fil-berah il-vizzjoni socjali u nkanala l-partit f’moviment popolari spirat mill-hsibijiet Demokratici Kristjani. Louis kien u ghadu persuna ta’ vizjoni u azzjoni. Fil-Kabinett kont nammira l-kapacita’ tieghu fl-analizi tas-sitwazzjoni politika. Kapaci jissintesizza b'Malti mirqum.

Louis Galea kien persuna li halla mpronta qawwija imbaghad bhala Ministru kemm responsabli mill-politika socjali kif ukoll bhala Ministru ghall-edukazzjoni bejn l-1998 u 2008. Bhala Ministru responsabli mill-politika socjali kien il-persuna li stabbilixxi l-kuncett ta’ servizzi personalizzati, sabiex l-enfasi jkun fuq servizz skond il-htigijiet ta’ dik il-persuna. Louis stabbilixxi wkoll l-agenziji ta’ appogg li jaghtu dawn is-servizzi. Bhala Ministru tal-Edukazzjoni saq riforma qawwija fis-settur u kien strumentali biex rega’ gie stabbilit l-Kullegg ghall-Arti u x-Xjenza, l-MCAST.

Jitlaq is-siggu Louis u jidhol Michael Frendo wara decizzjoni unanima tal-Grupp Parlamentari tal-PN il-bierah. Michael huwa wiehed mill-generazzjoni ta’ wara Louis fil-PN u l-generazzjoni ta’ qabli. Ili naf lil Michael ghal snin twal sa minn meta kien attiv fil-politika tal-istudenti fl-Universita’. Michael dahal fil-Parlament fl-1987 u dejjem qeghda dmiru bl-akbar dedikazzjoni. Ghadda minn mumenti difficli meta spicca taht il-mira ta’ kampanja ta’ vjolenza morali. Imma Michael gharaf jikkumbatti anke ghax ghandu karattru mibni fuq principji sodi. M’ghandix dubju li Michael se jirnexxielu jkompli l-hidma li beda Louis bhala Speaker fis-Select Committee kif ukoll se jkattar l-ispirtu ta’ djalogu bejn il-Gvern u l-Opposizzjoni.

Mar 18, 2010

Is-sewwa gie kkonfermat !

Jirriżulta li wara tlett snin ta’ investigazzjonijiet bir-reqqa l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq l-każ dwar l-eżerċizzju tal-għeluq tal-konfini tal-iżvilupp. Liema ezercizzju kien gie approvat mill-Parlament fl-2006. Tajjeb wiehed ifakkar li l-kaz kien inbeda fuq talba tal-Alternattiva Demokratika li kienet talbet lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga ghaliex ma sarx dak li jissejjah Strategic Environmental Assessment.

Ahna dejjem sostnejna li dan ma kienx mehtieg ghax l-ezercizzju tar-revizzjoni tal-konfini tal-izvilupp kienu ilu li nbeda mill-1990 u allura ma kienx hemm htiega li dan isir. Illum il-Kummissjoni tatna ragun u qalet li "there was no sufficient evidence to conclude that the rationalisation exercise was a stand-alone procedure requiring an environmental assessment under the SEA Directive". L-eżerċizzju tal-2006 illum ġie ppruvat għal darb’oħra li kien regolari u skont il-liġijiet eżistenti,

Nispera li dan l-iżvilupp importanti tal-lum iwassal biex jingħalaq perjodu li matulu jien, u l-Gvern, kellna ngħaddu minn baraxx ta’ kritika nġusta li llum jirriżulta li kienet ibbażata fuq premessi żbaljati. Kien żbaljat ukoll minn uża dal-premessi għal skopijiet ta’ politika partiġġjana għax illum infaqgħetlu bużżieqa f’wiċċu.

Din il-ġimgħa stess kelli l-okkazzjoni nfakkar fil-Parlament kif tul il-proċess kollu l-Gvern ma sab l-ebda diffikulta’ jippublika l-informazzjoni kollha relatata ma’ dan l-eżerċizzju, nkluz it-talbiet kollha li kien hemm għal art biex tiddaħħal fiż-żoni ta’ żvilupp. Fil-fatt kienu ntlaqghu biss 10% tat-talbiet kollha li saru.

Id-decizzjoni ta’ llum kienet mistennija minn min, bħali, jaf li tul il-proċess kollu mexa mal-liġi. Illum gie s-sewwa ikkonfermat ! Nirringrazzja lil dawk kollha li f'dawk il-mumenti difficli specjalment meta nfethu fuqi l-kanuni kollha, baqghu jaghtuni l-appogg u jghinuni naghmel l-argumenti biex nispjega, anke jekk kien hemm min ma riedx jisma.

Jan 30, 2009

Staġun ġdid..ta’ prattiċi qodma

Meta’ kien elett bis-slogan ta’ Staġun Ġdid għall-politika Maltija, wieħed seta’ għall-inqas jispera, li Joseph Muscat kien se jagħmel sforz ġenwin li bih juri li lil hinn mill-kliem sabiħ, is-sustanza tal-politika tiegħu hija effettivament ġdida u mhux marbuta mal-imgħoddi riċenti xejn glorjuz tal-Partit Laburista.

L-atteġġjament tal-Gvern fil-konfront tal-Oppozizzjoni, speċjalment bil-ħatra ta’ esponent Laburista fl-ogħla kariga tal-pajjiz messha għamlitha aktar faċli għal Muscat biex iwettaq din il-vizjoni tiegħu fil-prattika. Pero, proprju ftit jiem biss wara l-mossa kuraġġuza tal-Prim Ministru, l-Opposizzjoni permezz tal-Whip Joe Mizzi għazlet li tagħmel kjass fil-Parlament u prattikament issiġilliet l-intransiġenza tal-Oppozizzjoni li tista’ thedded ix-xogħol tal-Parlament.

Wara ftehim fil-Kumitat tal-Kamra dwar kif kellhom jimxu s-seduti Parlamentari, l-Opposizzjoni, riedet li tbiddel il-ftehim biex mozzjoni tagħha tkun diskussa qabel iz-zmien. Dan mhux l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu bzonn Parlament biex ikun jista’ jiffunzjona sew. Lanqas mhu fl-ispirtu ta’ koperazzjoni li wera l-Prim Ministru mal-Kap tal-Oppozizzjoni sa’ issa.

L-aġir tal-Oppozizzjoni wassal lill-Prim Ministru biex jagħti avviz ta’ mozzjoni ta’ proċedura li għandha tbiddel il-mod kif jiffunzjona l-Parlament. Il-Prim Ministru għandu d-dmir li jizgura li x-xogħol tal-Gvern ma jkunx imxekkel b'mossi mmaturi bħalma pprova jagħmel l-Kap tal-Oppozizzjoni. Il-poplu Malti jixraqlu atteġġjament ferm aħjar minn hekk!

Jan 15, 2009

Strategija serja mimlija sfidi

Illum kelli jum ddominat minn attivitajiet marbuta mat-Tibdil fil-Klima. Bdejt il-gurnata meta attendejt ghall-laqgha li fiha Kumitat ta' Esperti pprezenta l-Istrateġija fuq Tibdil fil-Klima lill-Prim Ministru gewwa l-Berga ta' Kastilja. Wara flimkien mal-membri tal-Kumitat tal-Esperti, li jien kont ħtart f’Ġunju tas-sena li għadda, nehdejt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq dan id-dokument waqt konferenza stampa. Il-ġurnata ntemmet b’dibattitu parlamentari dwar is-suppost Private Members Bill tal-Onor.Leo Brincat.

Irrid qabel xejn nirringrazzja lill-esperti, mmexxija minn David Spiteri Gingell, li aċċettaw minnufih li jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ din l-Istrategija tant importanti għal pajjizna. Nirringrazzja wkoll lil kull min għen u ħadem għat-tlestija ta’ din l-Istrategija li fiha 87 proposta konkreta ta’ kif pajjizna għandu jizgura li jilħaq il-miri ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Nappella biex il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jkun tabilħaqq wieħed popolari u li jwassal biex fil-futur qrib, pajjizna jkollu Strateġija Nazzjonali mibnija fuq kunsens wiesa’ li jkun frott ta’ diskussjoni matura bejn dawk kollha kkonċernati. Ma rridux li dan is-suġġett isir ballun politiku. Ikolli nistqarr izda li jien dizilluz b’ċertu atteġġjamenti li rajt sa’ issa, fosthom ta’ min ta l-impressjoni li qed iressaq xi Abbozz ta’ Liġi quddiem il-Parlament, meta kull ma ressaq kienet sempliċi mozzjoni ta' 153 kelma !

Dan hu suġġett li fuqu ma nistgħux, u ma għandniex infallu bhala pajjiz. Għandna dmir kemm lejna nfusna, kif ukoll lejn ġenerazzjonijiet futuri. Illejla fil-Parlament spiccajt id-diskors tieghi hekk : "l-ewwel hemm bzonn li naqblu fuq il-mizuri li ghandna bzonn niehdu biex nilhqu l-miri. Din hi l-vera priorita’ ghal pajjizna fil-mument. Fuq ligi u checks & balances nkomplu nitkellmu wara."

May 10, 2008

Grazzi mill-gdid.

Grazzi. Grazzi li bil-vot taghkom tat-8 ta' Marzu dalghodu stajt niehu l-gurament bhala membru parlamentari. Ghaddew xahrejn minn dakinhar tal-elezzjoni, izda xorta nhossni fid-dmir li nerga nghid grazzi. Stajt niehu l-gurament ta' fedelta' lejn il-kostituzzjoni u l-poplu Malti fic-cerimonja ta' dalghodu ghax intkom urejtu fiducja fija bil-vot taghkom. Ghal darb'ohra tajtuni l-opportunita' naghti l-kontribut tieghi fl-ghola istituzzjoni ta' pajjizna.

Ic-cerimonja kient kemmxejn twila, 4 sieghat b'kollox, imma kienet sinifikanti hafna. Bdejna bil-quddiesa fil-Kon Katidral ta' San Gwann. Laqtitni hafna l-omelija li ghamel l-Arcisqof. Filwaqt li stieden lill-membri parlamentari biex ma jinsew qatt li l-poter li ghandhom gej mill-poplu, fl-istess hin tenna kemm hu mportanti li s-socjeta' tippartecipa u taghti sostenn lil dawk l-inizjattivi posittivi li jkunu fformulaw il-politici.

Wara l-qudddiesa imxejna tul Triq ir-Repubblika lejn il-Parlament. Hemmhekk wara l-hatra ta' Louis Galea bhala Speaker, kull membru parlamentari ha l-gurament. Imbaghad il-President tar-Republika qara l-programm tal-Gvern ghall-hames snin li gejjin. Hekk kif spicca d-diskors ircivejt din l-sms "Tghejja taqrah, ahseb u ara timplimentah dan il-programm !"

Ma naqsux il-battuti helwa waqt ic-cerimonja ta' dalghodu. Ghaddiet battuta helwa lil Charles Mangion meta waqt id-diskors tal-President ntqal hemm bzonn jitwaqqaf laboratorju nazzjonali ghad-DNA. Xi hadd minn naha tal-Gvern lic-Charles Mangion qallu li hu l-aktar persuna adatta biex ikun Direttur ta' dan il-Laboratorju ! Charles hadha b'cajta u wara ahna u hergin spicca jiccajta hu stess fuq dan. Insomma minn issa 'l quddiem tibda l-hidma fil-Parlament, issa nergghu niltaqghu nhar it-Tnejn.