May 17, 2013

Tbaghbis fiz-zejt ?


Fl-aħbarijiet smajna li uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea għamlu tfittxijiet għal għarrieda fl-uffiċċji ta' diversi kumpaniji taż-żejt f'investigazzjoni li għaddejja dwar tbagħbis tas-swieq li jagħmel ħsara lill-konsumatur. 
 
L-allegazzjoni hi li kumpaniji ewlenin taż-żejt bħal BP u Shell u l-kumpanija Platts, li tiffissa l-prezz uffiċjali taż-żejt, ftehmu b'mod illegali biex jiffissaw prezzijiet ogħla li jaqblu lilhom u li ma kenux jirriflettu l-kundizzjonijiet veri tad-domanda u l-provvista taż-żejt li fuqhom suppost ikun stabbilit il-prezz veru. 
 
Għalkemm jiena dejjem emmint li s-swieq ħielsa huma qawwa li ġġib ġid ekonomiku kbir, xorta qatt m'emmint li s-swieq waħedhom u bla superviżjoni huma xi istituzzjoni perfetta.
 
Allegazzjonijiet bħal din dwar il-prezz taż-żejt u oħrajn jixbħuha, bħat-tbagħbis fir-rata ewlenija tal-imgħaxijiet, il-Libor, juru li l-bniedem jibqa' bniedem u jrid ikun hemm istituzzjonijiet pubbliċi li jsusu fuq is-swieq biex dawn jaħdmu tajjeb, ikunu tassew ħielsa għal kull min irid jipparteċipa fihom, u jagħtu informazzjoni reali lil kulħadd, kemm dawk li jkunu qed jieħdu sehem fis-suq kif ukoll dawk li jkunu barra mis-suq u l-konsumaturi. 
 
Hu għalhekk ta' sodisfazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea qed tistinka biex swieq importanti ma jkunux imbagħbsin bi ftehimiet illegali, cartels jew abbużi tal-pożizzjoni dominanti li ftit kumpaniji jkollhom f'ċerti swieq bħal dawk taż-żejt u tas-servizzi finanzjarji.
 

No comments: