Jul 17, 2009

Joe Muscat michud

Jekk qatt kien hemm bżonn ta’ konferma fuq il-viżjoni politika zbaljata tal-Kap tal-Oppożizzjoni, kulma wieħed għandu jagħmel hu li jiftakar kif Joe Muscat kien minn ta’ quddiem nett biex ifiehem lill-Islandiżi li posthom mhux fl-Unjoni Ewropea!

Ovvjament, dan kien qabel ma’ Muscat għadda mill-proċess ta’ konverżjoni li llum wasslu biex, għall-konvenjenza, jiftaħar kemm hu favur l-Ewropa. Il-ħidma sfieqa ta’ Muscat kontra l-Unjoni Ewropea wasslitu biex imur lil hinn mill-konfini lokali u pprova jikkonvinċi wkoll lit-320,000 Islandiż biex jirrifjutaw sħubija fl-Unjoni Ewropea. Parir ħażin, li kompla ġie kkonfermat mill-kriżi finanzjarja ta’ bħalissa fejn l-Islanda kienet fost l-aktar pajjiżi milquta ħażin.

Fatt li wassal lill-Gvern Islandiż biex jipproponi sħubija fl-Unjoni Ewropea u għalhekk propju il-bierah il-Parlament Islandiż iddecieda favur li jibda n-negozjati mal-UE u wara n-negozjati jmur ghal Referendum. Ta’ min jgħid li l-Islanda diġa għandha rabtiet mill-qrib mal-Unjoni Ewropea, fosthom fis-settur tas-sajd, fejn permezz ta’ ftehim bilaterali, sajjieda mill-Unjoni Ewropea u mill-Islanda jistgħu jwettqu dak li jissejjaħ Exchange of Fishing Possibilities.

Il-Gvern Islandiż qed jaghmel dan il-pass anke ghax ghadda minn l-akbar maltempata ekonomika fl-aħħar għexieren ta’ snin. Ironija meta tiftakar li kien hemm min tahom parir biex jibqgħu barra. L-istess persuna li llum qed taspira li tagħti pariri lill-poplu Malti dwar kif jista’ jibqa’ jimxi ‘l quddiem.

Jul 15, 2009

It-Torri tal-Gharghur restawrat

Verament niehu gost meta tara post li kien zdingat jerga jiehu r-ruh. Hekk ghamilt nhar il-Ħadd li għadda meta kont preżenti għal ftuħ mill-ġdid tat-torri Semaforu fil-Għargħur wara li saru fuqu restawr estensiv mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru bl-appoġġ finanzjarju wkoll tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur.

Dan it-Torri li jinsab eżattament fid-daħla tal-lokalita’, hu wieħed minn sensiela ta’ torrijiet madwar Malta u Għawdex li kienu jintużaw sabiex jasal messaġġ minn naħa għall-oħra tal-gżejjer Maltin, permezz ta’ paletti kbar bħala indikazzjoni li kien ġej l-għadu. Għalhekk dan it-torri li nbena fis-sena 1848, kellu rwol importanti ħafna fid-difiża tal-pajjiż. Kienet ħaġa sabiħa li waqt l-attivita tal-inawgurazzjoni tar-restawr ta’ dan it-torri kien hemm re-enactment u wirja ta’ oġġetti relatati mad-difiza ta' pajjizna mill-Malta Command Group .

Fil-gimghat li gejjin se nibdew xoghlijiet ohra ta' restawr fir-rahal pittoresk tal-Gharghur. Hekk kif tghaddi l-festa se jsir xoghol fuq ir-recint taz-zuntier tal-Knisja Parrokjali kif ukoll tkomplija ta' xoghol ta' restawr fuq il-ħitan tal-Victoria Lines li hemm bejn il-Għargħur u n-Naxxar.

Jul 12, 2009

Lenti sensittiva

Sensittivita' umana. Dik hija l-frazi li tiddeskrivi l-ahjar il-wirja tal-ġurnalist fotografiku Darren Zammit Lupi, wirja intitolata "The Presence Of Absence" li f'dawn il-ġranet qed tittella' fl-Universita' l-Antika, il-Belt Valletta. Ir-ritratti li kollha ġew meħuda f'temp ta' 48 siegħa jaqbdu l-aspett uman tal-poplu tar-reġjun tal-Abruzzo li bit-terremot tas-6 t'April fi ftit sigħat tilef dak kollu li n-nies kienu bnew matul ħajjithom. Komunitajiet li wara t-terremot, mhux biss tilfu madwar 300 persuna minn fosthom imma spiccaw jghixu fit-tined, fil-kju biex jiddubbaw l-elementi l-aktar basici, bhal l-ikel u l-ħwejjeġ.

Skond Darren il-viċinanza ta' l'Aquila u l-ħbiberija tal-poplu Taljan ma' pajjiżna jagħmel t-traġedja tar-reġjun tal-Abruzzo waħda aktar b'saħħitha. Fir-ritratti ta' Darren wieħed jista' jara d-dinjita' umana fl-aktar mument fraġli tagħha imma fl-istess waqt wiehed jista jara ukoll d-determinazzjoni ta' dan il-poplu li jerġa' jibni ħajtu mill-ġdid.

L-aktar tlett ritratti li laqtuni kienu: 1. haddiema tat-tifi tan-nar imdendlin minn crane, jixxabtu halli jorbtu dak li fadal minn parti minn knisja halli ma tkompliex tiggarraf, 2. tifla tiskanta fil-vojt qalb it-tined waqt li niezla x-xita, 3. patri bil-qorq iterraq qalb it-tined sabiex jikkonsla lill-vittmi ta' din it-tragedja. Naghtik parir tmur tarha din il-wirja li tibqa ghaddejja sas-6 t'Awwissu. Il-wirja tiftah kuljum matul il-gimgha bejn il-5.00 u t-8.00 p.m.

Jul 10, 2009

Servizz ta' Animal Ambulance

Nistqarr li wieħed mis-setturi li l-aktar li jtuni sodisfazzjon bix-xogħol li qed inwettqu fih huwa dak tal-animal welfare. Settur li kulma jmur qed isir dejjem aktar importanti u ta’ attwalita’, grazzi ukoll għall-hidma ta’ voluntiera u l-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern.

Illum għaddejna ambulanza oħra lil Noah’s Ark biex ikompli jissaħħaħ is-servizz li beda bi prova fl-ewwel ta’ Gunju ta’ din is-sena. Illum ukoll, f’isem il-Gvern, iffirmajt ftehim mal-NGO Noah’s Ark li qegħda tmexxi dan is-servizz ta’ 24 siegħa kuljum imħallas mill-Gvern.

Matul dan ix-xahar ta’ prova daħlu ‘l fuq min 100 każ ta’ emergenza minbarra diversi każi oħra ta’ klieb u qtates li kienu abbandunati f’toroq traffikużi u li anke bl-għajnuna tad-Dipartiment għat-Tratament Xieraq tal-Annimali ġew miġbura f’ħin f’waqtu biex b’ hekk ġie evitat li dawn l-annimali jispiċċaw milquta mill-karozzi.

Din is-sistema tal-ambulanza taħdem billi kull min irid jirrapurta każ ta’ annimali abbandunati jew mweġġa għandu jċempel id-depot tal-pulizija fuq in-numru 21224001 u tkun il-pulizija li ssejjaħ għall-ambulanza. Permezz ta’ żewġ ambulanzi f’Malta u oħra f’Għawdex mmexija mill-Gozo SPCA qed tingħata attenzjoni veterinarja immedejata lil dawk l-annimali kollha li jkunu sfaw imweġġa fit- triq . L-appell tiegħi hu biex ma jsirx abbuż minn dan is-servizz li hu tant utli.

Jul 8, 2009

Mudell vitwali ta' precissjoni

F'dawn il-granet inbeda x-xoghol ta' laser scanning fuq is-swar tac-Cittadella f’Għawdex biex tithejja d-dokumentazzjoni kollha li fuqhom imbaghad jissawwar il-programm shih ta' restawr tas-swar taċ-Ċittadella u l-konsolidazzjoni tal-blat fraġli taħt dan il-monument imprezzabbli.

Team ta' teknici Taljani taħt is-superviżjoni tal-periti tat-Taqsima tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali qed jipreparaw mudelli virtwali 3-dimenzjonali li fuqhom jiġu ndikati l-materjal kif ukoll il-ħsarat eżistenti. Biex jitwettaq dan il-proġett qegħda tintuża l-aħħar teknoloġija avvanzata li tagħmel użu minn laser scanners bi preċiżjoni għolja ħafna.

Waqt żjara li ghamilt flimkien mal-Ministru Giovanna Debono ġie spjegat lilna x-xoghol li qed isir u dak li hu ppjanat. Impressjonajt ruhi bid-dettall ta' dawn it-3D scans digitali. Kapaci jiffukaw sa area ta' 5cm ! L-informazzjoni kollha migbura mbaghad tintuza halli jigi ppreparat it-tender tax-xoghlijiet ta' restawr li jkun jindika bazikament x'tip ta' intervent irid isir fuq bazikament kull gebla ! 85% ta' dan il-progett huwa ffinanzjati bl-ghajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea.

Nittama li fil-granet li gejjin jkunu organizzati zjajjar anke ghat-tfal tal-iskola halli anke huma japrezzaw dan ix-xoghol li qed isir u b'hekk inxettlu apprezzament akbar lejn il-wirt li ghandna f'pajjizna.

Jul 7, 2009

Messagg socjali qawwi

Qrajt b’interess l-ewwel rapporti dwar l-aħħar enċiklika ta’ Papa Benedittu XVI, 'Caritas in veritate' u rrid ngħid li jien sodisfatt li nara l-Knisja titkellem fuq temi tant attwali u importanti. L-enċiklika tal-Papa fil-fatt titkellem dwar l-etika fl-ekonomija u hija rilevanti b’mod speċjali kemm minħabba l-kriżi finanzjarja preżenti kif ukoll għax qed tiġi pubblikata propju lejliet laqgħa importanti tal-Kapijiet tal-iktar Stati b’saħħithom fid-dinja, magħrufin bħala G8.

Il-Papa jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ etika fit-tħaddim tal-ekonomija u fuq il-prinċipju li l-ekonomija tkun imsawra fuq il-bniedem u fuq it-tkattir tal-ġid komuni. L-etika fl-ekonomija hija karba ta’ mexxej spiritwali li fehem kif din l-akbar kriżi finanzjarja waslet ukoll minħabba sistema li ma baqgħetx sostenibbli, sistema li minħabba l-aġir tal-ftit spiċċat biex faqqret lil ħafna. Sistema li fuq kollox, wasslet biex ħolqot kullana ta’ problemi li llum wasslu għal din il-kriżi.

Fl-enciclika l-Papa jikkundanna "l-isfruttament u l-faqar", "in-nuqqas ta' garanziji socjali" u "d-dghajfin tal-unions tal-haddiema" fl-era tal-globalizazzjoni. Minn naha l-ohra jinsisti fuq id-dritt ta' xoghol "dicenti" ghal kull persuna umana.

Tagħmel tajjeb il-Knisja li tiffoka fuq dawn it-temi u hu l-ħsieb tiegħi li fil-jiem li ġejjin naqra din l-enċiklika. Il-valuri fit-tħaddim tal-ekonomija mhuwiex biss id-dmir tan-nisrani imma ta’ kull min hu involut fid-diversi sferi tal-ekonomija madwar id-dinja. Nittama li l-appell tal-Papa ma jaqax fuq widnejn torox.

Jul 2, 2009

The new green generation

L-ahhar granet tawni opportunita' mill-isbah biex immiss b'idejja l-entuzjazmu lejn l-ambjent tal-generazzjoni l-gdida. Nhar it-Tlieta attendejt flimkien ma' hafna tfal il-helsien mill-gdid fil-bahar ta' 11-il fekruna tal-bahar gewwa l-bajja ta' Ghajn Tuffieha. Din l-okkazzjoni saret issa parti mill-kalendarju. Ghoxejt nara lit-tfal jentuzjazmaw ruhhom b'dawn il-fkieren li jkunu gew ikkurati fic-Centru ta' San Lucjan wara li jkunu ġew salvati minn NGO’s u mis-sajjieda.

It-tfal gew armati b'posters b'messaggi. Kontra l-uzu tal-basktijiet tal-plastik li sfortunatament jispiccaw go l-bahar u jispiccaw jittieklu mill-fkieren ghax jahsbuhom bram. Uhud mit-tfal kien ghoddhom qabzu il-bahar mal-fkieren ! Hadt gost nara ukoll lill-ghalliema jentuzjazmaw ruhhom. F'kull okkazjoni bhal din jolqtuni zewg affarijiet: l-ewwel li hekk kif il-fkieren ihossu l-bahar ikunu jridu jaqbzu 'l barra mill-kontenituri li jingiebu fihom u t-tieni l-qawwa tal-qadfa ta' dawn il-fkieren hekk kif jibdew jghumu mill-gdid.

It-tieni event kien dak tal-bierah meta attendejt ghal ghoti tal-premijiet lit-tfal bhala parti mill-kampanja ta' batteries, liema kampanja giet organizzata mill-WasteServ u ffinanzjata mill-Fimbank. F'xahar wiehed it-tfal gabru 5,200 kilo ta' pencil batteries. Gabru fil-fatt f'xahar dak li normalment il-WasteServ tigbor f'6 xhur ! Ippartecipaw madwar 170 skola. Wahda mit-tfal Kirstin Abela Caruana mill-iskola ta' St.Catherine's gabret wahedha 'l fuq minn 7,200 battery. Inkredibbli ! Belhithom lill-ghalliema meta gurnata minnhom marret l-iskola bi 13-il basket kbir mimlijin batteriji. Samaryah Sammut ta' 12-il sena mill-istess skola gabret mal-2,000 batterija.

Dawn it-tfal huma ezempji ta' din il-generazzjoni l-gdida ta' gwardjani tal-ambjent li rnexxielna nikkultvaw f'pajjizna. Illum ghandna kwazi 80 skola li jippartecipaw fil-programm EkoSkola. Hames snin ilu meta bdejnieh, flimkien man-Nature Trust, kellna biss 6 skejjel. Huwa l-entuzjazmu ta' dawn it-tfal u l-hegga taghhom ghall-azzjoni posittiva li hafna drabi timmotivani biex inkompli bil-hidma tieghi f'mumenti meta nkun se nibda naqta qalbi quddiem l-indifferenza tal-generazzjoni aktar "matura".