Aug 11, 2008

Ezempju ta' solidarjeta'

It-traġedja li laqtet lill-persuni li kienu fuq il-lanċa tas-sajd Simshar għadha fuq fomm kulħadd. Disgrazzja kbira li ħalliet ferita fost il-familjari tal-vittmi ta’ din id-disgrazzja kif ukoll fost il-komunita’ ta’ sajjieda Xlukkajri.

Kif diġa kelli okkazjoni ngħid, minn din it-traġedja hemm x’wieħed jitgħallem, mhux l-anqas l-ezempju ta’ solidarjeta’ li taw is-sajjieda hekk kif ġew iffaċjati b’dizgrazzja kbira. B’sodisfazzjon ngħid li issa li għaddew ftit jiem mhux ħazin minn din id-dizgrazzja, dawn l-atti ta’ solidarjeta’ għadhom ma ntemmux u kien ta’ pjaċir għalija li l-bierah filgħodu zort lil wieħed mis-sajjieda veterani f’Marsaxlokk, Toni Carabott li kien għaddej b’maratona ta’ rbit ta’ snanar bl-iskop li jinġabru fondi għall-familjari tal-vittmi tas-Simshar. Wara li zort lil Toni, mort ukoll inzur lil Simon Bugeja li qed jirkupra d-dar.

Irrid infakkar li l-Ministeru, flimkien maz-zewġ Koperattivi tas-Sajd ewlenin, niehda fond fejn wieħed jista’ jgħin lill-familjari tal-vittmi ta’ din id-dizgrazzja. Il-kontijiet bankarji huma kif ġej:
Bank of Valletta plc Numru tal-Kont 40017401487; u
HSBC Bank Malta plc Numru tal-Kont 089020028050.

Il-ġest ta’ Toni huwa ta’ min ifaħħru, ghax permezz tieghu ngabru madwar €8,500. Il-Koperattivi tas-Sajjieda diga gabru bejniethom mal-€16,000. Dan hu s-sabiħ tal-poplu Malti. Poplu passjonali, li ma jiddejjaq xejn jargumenta fuq kollox. Pero poplu li f’mument ta’ diffikulta’ ssibu lest li jgħinek u jagħtik minn tiegħu.

Jekk għall-inqas nieħdu dan l-ezempju minn din id-dizgrazzja, nkunu qed naċċertaw li t-traġedja tas-Simshar ma seħħitx għalxejn.

No comments: