Showing posts with label sajjieda. Show all posts
Showing posts with label sajjieda. Show all posts

May 14, 2012

Il-futur tal-akwakultura

L-akwakultura f’Malta bdiet 22 sena ilu meta nfetaħ iċ-Ċentru tal-Akwakultura fit-Torri San Luċjan f’Marsaxlokk. Nirringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan iċ-ċentru u li proprju s-Sibt li għaddha organizzaw Open Day fejn kull minn attenda seta’ japrezza aktar il-ħidma li qed issir. Lejn tmiem is-snin tmenin il-Gvern kellu viżjoni u fehem l-importanza ta’ settur li kien ineżistenti. Dan kien segwit mill-iżvilupp tal-irziezet tal-awrat u l-ispnott.  L-akwakultura f’Malta ħadet żvolta oħra meta fis-sena 2000 beda jitkabbar fil-gaġeġ it-tonn.

L-industrija li bdiet fl-1990, illum tikkonsisti minn sitt operaturi li joperaw minn disa siti differenti. Sadanittant għaddejja ricerka fuq speci oħra. Malta qegħda l-ewwel fil-Mediterran fir-riċerka tat-tfaqqis tal-aċċjol u fil-fatt nittamaw li dalwaqt mmorru għall-fażi kummercjali ta’ din l-ispeci.  Għaddejja ricerka wkoll fuq il-gurbell u tonn. Fil-fatt qed nippartecipaw f’consortium ewropew fuq it-tifqis tat-tonn.

Mix-xejn illum għandna ndustrija li tikkontribwixxi b’valur ta’ €12-il miljun fis-sena.  Sa ftit tas-snin ilu l-attivita’ kienet anke tikkontribwixxi mat-€30 miljun iżda l-ammont naqas minħabba li qed jinqabad ferm anqas tonn u allura qed jitkabbar ferm anqas fil-gaġeġ f’pajjiżna. Imma fejn se mmorru minn issa ‘l quddiem biex inkabbru l-attivita’ u fl-istess ħin nirrispettaw l-ambjent ? Kien għalhekk li tlabna li titfassal startegija nazzjonali ghal din l-attivita’, liema abbozz tal-istrateġija tħejja mill-Universita’ Skocciża ta’ Sterling u li l-ġimgħa għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuqu.

Minn din l-istrategija johrog li din l-industrija ghandha potenzjal li tipprovdi sa 2,000 impjieg diretti u indiretti. Jintqal ukoll li għandha potenzjal li tipprovdi sa €120m fi Gross Value Added ghall-ekonomija Maltija.  Ta’ min jinnota li filwaqt li meta ġiet introdotta din l-attivita’ is-sajjieda kienu xettici anzi opponewha, illum huma minn ta’ quddiem biex jimbuttaw process ta’ żvilupp f’dan il-qasam.  Għarfu li din l-attivita’ tħalli qliegħ anke lilhom u qed jgħarfu li hija għodda mportanti għad-diversifikazzjoni tagħhom, meta għall-raġunijiet ambjentali is-sajd konvenzjonali qed jiġi aktar ristrett.

Dec 22, 2011

Protesta qabel proposti ?

Ikolli nistqarr li ma nistax nifhem preċiz għaliex f’dawn il-ġranet numru ta’ sajjieda ħarġu jipprotestaw. F'laqgħa li kelli maż-żewġ koperattivi tas-Sajd il-ġimgħa l-oħra tkellimna fuq numru ta' punti iżda ma kien hemm xejn konkrett minn naħa tagħhom, tant li fi tmiem dik il-laqgħa tlabt proposti konkreti. Flok irċevejna l-proposti il-koperattivi għażlu li jibgħatu ittra mimlija misinformazzjoni lis-sajjieda u tħeġġiġhom jattendu għal protesta.

Ta’ l-inqas mal-protesta l-koperattivi ġabu magħhom il-proposti. Issa nevalwaw il-proposti u f’Jannar nagħtu r-reazzjonijiet tagħna. Aħna konna għadna u nibqgħu disposti li niddiskutu ma’ kulħadd tant hu hekk li l-bieraħ stess wara nofs in-nhar saret laqgħa oħra bejn uffiċjali tal-Gvern u l-Koperattivi tas-Sajjieda dwar is-sajd għat-tonn, li kienet diġa skedata minn xi ġranet ilu.

Irrid ngħid li l-Gvern dejjem kien konsistenti fuq is-sostenibilita’ tas-Sajd. Aħna anke meta konna weħidna f’fora internazzjonali dejjem insistejna li s-sajd għandu jitkompla meta kien hemm provi xjentifici li kienu juru li dak is-sajd ma kienx qed jhedded dik l-ispeċi. Minn naħa l-oħra irridu nkunu responsabli u ngħarfu li rridu nillimitaw is-sajd fuq speċi li huma mhedda. Dan biex nissalvagwardjaw kemm l-ispeċi kif ukoll l-attivita' ekonomika tas-sajjieda mhux biss tal-lum iżda wkoll ta’ għada.

Ta’ min ifakkar li minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 Malta se tkun tat lis-settur tas-sajd b’kollox mal-€15-il miljun li jinkludu €11-il miljun minn fondi Ewropej u €4 miljuni minn fondi nazzjonali. Dawn minbarra l-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro mogħtija minn fondi nazzjonali direttament lis-settur taħt skemi ta’ State Aid jew skemi ta’ qabel ma’ Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Irrid nirrimarka li dan l-aħħar wettaqna tibdil fit-tmexxija tad-Dipartiment tas-Sajd biex dan ikun jista’ jaħdem aktar mill-viċin mas-sajjieda. Nittama li din il-protesta li saret m’hix instigate biex tipprova ddgħajjef din it-tmexxija l-ġdida tad-Dipartiment. Nawgura li flimkien b’għaqal u b’serjeta naslu biex inkomplu niddiskutu fi spirtu pożittiv madwar mejda ħalli nkomplu naħdmu flimkien għal-ġid tas-settur.

May 11, 2011

Tahrig ta' Health & Safety ghas-sajjieda

Matul l-aħħar xhur aktar minn 950 sajjied ingħataw taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Kors li sar gewwa l-International Safety Training Centre ta’ Hal-Far b’investiment ta’ madwar €230,000 b'kofinanzjament ta' 75% mill-Unjoni Ewropea u 25% minn fondi Nazzjonali. It-taħrig sar skont l-Standards of Training, Certification and Watchkeeping (STCW) kompilati mill-International Maritime Organization (IMO).


Kien interesanti l-fatt li s-sajjieda ma ngħatawx biss tagħlim teoretiku iżda wkoll prattiku bħal survival assimilation training f’kaz li jispiccaw fil-baħar. Dan it-taħriġ kopra wkoll first aid u tifi tan-nar. Uħud mill-għar mumenti fil-karriera politika tiegħi kemm ili responsabbli mis-settur tas-sajd kien meta kelli nattendi għal funerali tat-tlett persuni tilfu ħajjithom fil-kaz tas-Simshar.




L-organizzaturi ta’ dan il-kors spjegawli kif fil-bidu tal-kors beda numru ta’ sajieda kienu xettitċi fuq il-htiega tieghu. Speci “m’ghandniex bzonnu ghax nafu kollox”. Ħafna drabi din hi l-atitudni riflessa f’kulħadd ghax nahsbu li m’ghandniex bzonn tahrig bhal dan. Biss wara ftit hafna minn dawn is-sajjieda rrealizzaw l-utilita’ u spiccaw jippartecipaw b’mod haj fis-17-il sessjoni tal-kors. Wiehed mis-sajjieda li tkellimt mieghu l-bierah spjegali kemm sab utli b’mod specjali s-sessjoni ta’ tahrig li ghamlu go smoke chamber biex tigi assimilata sitwazzjoni ta’ hruq go engine room, fejn tant ikun hemm foga li lanqas tkun tista tara.




Ovvjament fuq il-bahar wiehed irid jaghti ferm aktar attenzjoni ghax hemm barra tkun maqtugh ghalik u l-ghajnuna mhux facli tasal f’qasir zmien. Sadanittant qed nipjanaw li fix-xhur li gejjin naghmlu kors ta’ tahrig aktar avvanzat ghas-sajjieda. Irrid nrodd hajr lir-raprezentanti tal-koperattivi tas-sajjieda li gharfu l-htiega u taw l-appogg taghhom ghal dan it-tahrig.

Jun 16, 2009

Opportunizmu

Għal darb’oħra, l-Partit Laburista jieħu pożizzjoni rresponsabbli li tkompli tikkonferma l-politika tal-opportuniżmu politiku tal-Oppożizzjoni. Issa kien imiss lis-sajjieda tat-tonn ! L-Opposizzjoni permezz tal-kelliemi taghha tas-Sajd harget tikkundanna lil Gvern ghax ghalaq l-istagun tas-sajd tat-tonn. Il-fatti huma li l-istaġun tat-tonn inghalaq il-gimgha l-ohra biex ikun żgurat li nibqgħu fil-limitu tal-kwota nazzjonali kif stabbilita mill-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna) li Malta hija membru taghha.

Din il-Kummissjoni qablet fuq programm mifrux fuq numru ta’ snin li permezz tiegħu l-ispeċi tat-tonn tkun imħarsa u mgħejjuna tirpilja wara snin sħaħ li fihom din l-ispeċi sfat taħt theddida minn sajd fi kwantitajiet kbar u mhux ikkontrollati.

Il-kontroll u s-sotenbbilita’ ta’ din l-ispeċi jibbenefika l-aktar minnhom is-sajjied innifsu li jkun jista’ jserraħ moħħu li jkun jista’ jibqa’ jistad għal din l-ispeċi fis-snin li ġejjin. Dan wassal lill-Gvern biex, bi qbil mal-Koperattivi tas-Sajjieda Maltin, ifassal skema ta’ allokazzjoni tal-kwota nazzjonali b’mod li minnha jibbenefika kulħadd.

Wieħed jistenna li d-diversi għaqdiet, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li dejjem ħadmu għal miżuri favur is-sostenibbilta’ ta’ din l-ispeċi, issa jieħdu nota tal-istqarrija tal-Oppożizzjoni u huma wkoll jifhmu b’liema politika ta’ opportuniżmu timxi biha l-Oppożizzjoni.

Aug 11, 2008

Ezempju ta' solidarjeta'

It-traġedja li laqtet lill-persuni li kienu fuq il-lanċa tas-sajd Simshar għadha fuq fomm kulħadd. Disgrazzja kbira li ħalliet ferita fost il-familjari tal-vittmi ta’ din id-disgrazzja kif ukoll fost il-komunita’ ta’ sajjieda Xlukkajri.

Kif diġa kelli okkazjoni ngħid, minn din it-traġedja hemm x’wieħed jitgħallem, mhux l-anqas l-ezempju ta’ solidarjeta’ li taw is-sajjieda hekk kif ġew iffaċjati b’dizgrazzja kbira. B’sodisfazzjon ngħid li issa li għaddew ftit jiem mhux ħazin minn din id-dizgrazzja, dawn l-atti ta’ solidarjeta’ għadhom ma ntemmux u kien ta’ pjaċir għalija li l-bierah filgħodu zort lil wieħed mis-sajjieda veterani f’Marsaxlokk, Toni Carabott li kien għaddej b’maratona ta’ rbit ta’ snanar bl-iskop li jinġabru fondi għall-familjari tal-vittmi tas-Simshar. Wara li zort lil Toni, mort ukoll inzur lil Simon Bugeja li qed jirkupra d-dar.

Irrid infakkar li l-Ministeru, flimkien maz-zewġ Koperattivi tas-Sajd ewlenin, niehda fond fejn wieħed jista’ jgħin lill-familjari tal-vittmi ta’ din id-dizgrazzja. Il-kontijiet bankarji huma kif ġej:
Bank of Valletta plc Numru tal-Kont 40017401487; u
HSBC Bank Malta plc Numru tal-Kont 089020028050.

Il-ġest ta’ Toni huwa ta’ min ifaħħru, ghax permezz tieghu ngabru madwar €8,500. Il-Koperattivi tas-Sajjieda diga gabru bejniethom mal-€16,000. Dan hu s-sabiħ tal-poplu Malti. Poplu passjonali, li ma jiddejjaq xejn jargumenta fuq kollox. Pero poplu li f’mument ta’ diffikulta’ ssibu lest li jgħinek u jagħtik minn tiegħu.

Jekk għall-inqas nieħdu dan l-ezempju minn din id-dizgrazzja, nkunu qed naċċertaw li t-traġedja tas-Simshar ma seħħitx għalxejn.