Wara perjodu ta’ tmien ġimgħat, din il-ġimgħa għalqet il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali bi 87 rakkomandazzjoni ta' miżuri halli nnaqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan l-abbozz ta' Strategija thejja mill-Kumitat ta’ Esperti appuntat mill-Gvern f’Ġunju li għadda.
Kienet konsultazzjoni li wasslet biex irċevejna 38 sottomissjoni li issa ser ikunu analizzati mill-istess Kumitat biex imbagħad il-Gvern ikollu f’idejh strateġija li tkun il-pern li fuqha jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex pajjiżna jilqa’ għal dan il-fenomenu.
Irrid ngħid li għandi sens ta’ diżappunt, pero huwa fatt ukoll li m’iniex sorpriż li wara ġimgħat sħaħ ta’ miżinformazzjoni u politika ta’ opportuniżmu, dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika għalaq mingħajr ma rċevejna s-sottomissjonijiet tal-Partit Laburista. L-ironija hi li l-Partit li tant ftaħar li kien se jressaq xi Abbozz ta’ Liġi b’miżuri konkreti spiċċa biex hu wieħed mill-ftit stakeholders l-aktar ikkonċernati li ma ressaq ebda proposta jew suġġeriment !
Pero s-skiet tal-Oppożiżżjoni huwa messaġġ fih innifsu li hu aqwa minn kwalunkwe diskors li jista’ jsir. Ġara dak li prevedejna, jiġifieri li l-Oppożizzjoni tajba biss għall-gallerija.
Kif ġara fl-imgħoddi, dan mhux se jaqtalna qalbna. Se nimxu ma’ dak li ġa ħabbarna u hekk kif jitlestew l-analiżi tas-sottomissjonijiet immorru l-Parlament. Nittamaw li dik id-diskussjoni twitti t-triq biex dan l-abbozz ta’ Strateġija isir il-Pjan ta’ Ħidma tal-Gvern għas-snin li ġejjin. Hija xewqa taghna li nsibu consensus. Nibqghu nittamaw !
No comments:
Post a Comment