Jun 24, 2009

Neda - l-anglu tal-liberta'

Neda Agha Soltan ta' 27 giet imlaqqma L-Anglu tal-Liberta' wara li sfat maqtula mill-forzi tal-gvern f'wahda mill-protesti li għaddejjin f’dawn il-jiem fl-Iran. Saret is-simbolu tal-glieda tal-opposizzjoni fl-Iran. Pajjiż importanti ħafna fil-kuntest tal-istabbilita’ fid-dinja, specjalment fir-reġjun ferm sensittiv u fraġli tal-Lvant Nofsani.

Pajjiż immexxi minn gwida suprema spiritwali, l-Ayatollah, li hu l-ogħla setgħa fil-pajjiż. Imbagħad jiġi l-President, kariga importanti u li fl-aħħar snin kienet f’idejn Ahmadinejad, bniedem li kien fl-aħbarijiet ħafna drabi għal raġunijiet negattivi jew kontroversjali. Ġimgħatejn ilu saret elezzjoni li ntqal li ntrebhet b’mod konvinċenti mill-President attwali li ġie dikjarat rebbieħ bi 62% tal-voti.

Immedjatament bdiet mewġa popolari ta’ protesti kontra dan ir-riżultat ghax bosta jsostnu li hu rizultat mbaghbas sew. Rajna protesti li ħafna ħasbu li mhux se jerġgħu jaraw f’Teheran wara r-rivoluzzjoni Islamika ta’ Khomeini tal-1979. Iżda l-poplu Iranjan ma beżgħax, minkejja t-theddid, li jesprimi fehemtu. Bdew jaqgħu u jmutu n-nies iżda magħhom beda jixxaqqaq u jaqa’ wkoll il-ħajt ta’ kenn li dejjem kellha t-tmexxija suprema Iranjana.

Aktar ma żdied it-theddid, aktar żdiedet id-determinazzjoni ta’ poplu mweġġa’, li qed juri li xeba’ b’dak li għaddej f’pajjiżu. Il-poplu Iranjan huwa poplu ta’ kultura, attent għal dak li għaddej barra l-konfini ta’ pajjiżu. Poplu li ma jibżax mit-teknoloġija, anzi f’mumenti ta’ oppressjoni sabha bħala mezz utli ta’ kif qed iwassal leħnu. Jista’ jkun li dawn l-irvellijiet jintemmu u t-tmexxija tibqa’ dik li hi llum. Pero l-għajta ta’ weġa’ tal-poplu Iranjan ta’ dawn il-jiem żgur li nstemgħet u se tibqa’ tidwi u tagħmel ħoss fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Sadanittant il-Gvern Iranjan jirritalja u jakkuza gvernijiet barranin b'"Indhil Barrani". Smajniha xi darba f'pajjizna !

Jun 20, 2009

Zebbug

L-attivita' tal-produzzjoni taz-zejt taż-żebbuġa f’Malta ħadet żvolta għall-aħjar f’dawn l-aħħar ħames snin. Il-Ministeru responsabli mill-agrikoltura kien strumentali sabiex din l-industrija tikber u tissaħħaħ. Fil-fatt, illum madwar Malta u Għawdex hawn mal-100,000 siġra taż-żebbuġ.

Ħafna minn dawk li qegħdin ikabbru ż-żebbuġ ġewwa Malta qegħdin jinvestu l-aktar f’żebbuġ li huwa tajjeb għall-produzzjoni taż-żejt. Il-konsumatur Malti qiegħed isir dejjem aktar interessat li jixtri żejt li jkun prodott lokalment. Dan għaliex iż-żebbuġ lokali għandu karatteristiċi aromatiċi u jippossjedi phenols u anti-oxidants li huma tajbin għas-saħħa u li ma ssibhomx f’żebbuġ imkabbar barra minn Malta.

Il-Ministeru waqqaf kumitat ghal promozzjoni tal-prodott frisk lokali li permezz tieghu kull xahar qed norganizzaw attivitajiet li jikkoncentraw fuq prodott partikolari sabiex inheggu l-konsumatur jikkonsma prodotti lokali. Il-kampanja Naturalment Malti qabdet sew issa u hu ppjanat li l-festa taz-zebbug ssir f'Settembru fil-lokalita' taz-Zejtun.

Il-bierah kelli l-opportunita' nqassam ic-certifikati lil madwar 200 persuna li attendew kors, sabiex jitgħallmu kif ikabbru u jikkuraw ahjar ż-żebbuġ. Attendew il-kors nies b'backgrounds differenti mis-socjeta' Maltija. Huma gew imharga ukoll minn esperti Taljani kif issir ż-żabra taż-żebbuġ permezz tal-aħħar teknoloġija.

Jun 18, 2009

Bziezaq mifqugha

Ftit granet wara elezzjoni ghall-Parlament Ewropew qed johrog aktar car kemm il-PL lest li jghid u jaghmel kollox biex imaqdar u jfixkel il-hidma tal-Gvern, l-aqwa li jakwista l-voti. Sadanittant ma tisma l-ebda proposta jew soluzzjoni alternattiva minghandhom.

Kaz tipiku hu dak tal-MEP Louis Grech. Qabel l-elezzjoni ghall-Parlament Ewropew ghamel sensiela ta’ allegazzjonijiet dwar l-inceneratur li team ta' esperti qed jiproponu li ghandu jinbena biswiet il-powerstation ta' Delimara. Louis Grech sahansitra talab lill-Kummissarju Ewropew ghall-Ambjent, Stavros Dimas, biex jintervjeni u jiccensura lill-Gvern Malti. Bghatt anke fuljett f’kull dar f’Marsaxlokk. Izda jumejn ilu l-istess Kummissarju Ewropew faqa’ l-buzzieqa ta’ Louis Grech u tal-PL u ddikjara li ma hemm xejn irregolari jew illegali li l-Gvern jikkonsidra li jaghmel inceneratur.

L-iskart li niggeneraw xi haga rridu naghmlu bih. 20% miz-zibel sejjer ghar-riciklagg. 60% ta’ skart organiku se jmur ghad-digestion. Tinsewx li anke fuq l-impjant tar-riciklagg u tad-digestion ta' Sant'Antnin ghamlulna gwerra ! Jifdal (Refuse Derived Fuels - RDF) mhux tajjeb ghar-riciklagg jew ghad-digestion. Tajjeb biss ghal-landfill jew thermal treatment b’energy recovery. X’hemm hazin li nirkupraw l-energija mill-iskart b’dan il-mod flok nesportaw nordmuha fil-landfill? Louis Grech imissu jaf li l-emissjonijet minn kwalunkwe incineratur huma regolati minn standards ewropej.

Imma l-aktar kaz car huwa dak tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Bhali tiftakru kif ghall-gimghat shah, b’mod specjali matul il-kampanja elettorali, l-PL ta l-impressjoni li jekk ikun fil-poter kien se jrahhas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Izda f’intervista ma' The Sunday Times proprju ftit granet wara din l-elezzjoni, l-mexxej laburista biddel id-diska u qal li ma jistax jikkommetti ruhu !!

Jun 16, 2009

Opportunizmu

Għal darb’oħra, l-Partit Laburista jieħu pożizzjoni rresponsabbli li tkompli tikkonferma l-politika tal-opportuniżmu politiku tal-Oppożizzjoni. Issa kien imiss lis-sajjieda tat-tonn ! L-Opposizzjoni permezz tal-kelliemi taghha tas-Sajd harget tikkundanna lil Gvern ghax ghalaq l-istagun tas-sajd tat-tonn. Il-fatti huma li l-istaġun tat-tonn inghalaq il-gimgha l-ohra biex ikun żgurat li nibqgħu fil-limitu tal-kwota nazzjonali kif stabbilita mill-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna) li Malta hija membru taghha.

Din il-Kummissjoni qablet fuq programm mifrux fuq numru ta’ snin li permezz tiegħu l-ispeċi tat-tonn tkun imħarsa u mgħejjuna tirpilja wara snin sħaħ li fihom din l-ispeċi sfat taħt theddida minn sajd fi kwantitajiet kbar u mhux ikkontrollati.

Il-kontroll u s-sotenbbilita’ ta’ din l-ispeċi jibbenefika l-aktar minnhom is-sajjied innifsu li jkun jista’ jserraħ moħħu li jkun jista’ jibqa’ jistad għal din l-ispeċi fis-snin li ġejjin. Dan wassal lill-Gvern biex, bi qbil mal-Koperattivi tas-Sajjieda Maltin, ifassal skema ta’ allokazzjoni tal-kwota nazzjonali b’mod li minnha jibbenefika kulħadd.

Wieħed jistenna li d-diversi għaqdiet, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li dejjem ħadmu għal miżuri favur is-sostenibbilta’ ta’ din l-ispeċi, issa jieħdu nota tal-istqarrija tal-Oppożizzjoni u huma wkoll jifhmu b’liema politika ta’ opportuniżmu timxi biha l-Oppożizzjoni.

Jun 15, 2009

Fusjoni ta' arti u xjenza

Ħadt gost ħafna dan l-aħħar meta kelli l-opportunita’ li nżur esebizzjoni ta’ pitturi mill-artista żagħżugħa Elisabeth Saguna li ttellgħet fl-Auberge d’Italie, il-Belt Valletta.

Lil Elisabeth ilni ftit żmien nafha San Giljan, pero nammetti li qabel din l-esebizzjoni kont għadni qatt ma rajt ix-xogħol artistiku tagħha. Fl-opinjoni modesta tiegħi, nemmen li Elisabeth turi versatilita’ kbira fil-qasam artistiku b’xenarju figurattiv kif ukoll astratt. Stajt nosserva wkoll kif din l-artista ikkombinat l-esperjenza professjonali taghha bhala xjentista, fix-xoghol artistiku taghha. Irnexxielha tgħaqqad l-arti max-xjenza.

Uħud mix-xogħlijiet tagħha, għalkemm jidhru astratti, huma stampa ta’ strutturi mikroskopiċi u ċelloli li jgħixu madwarna u li l-artista tarahom permezz tal-mikroskopju fix-xoghol taghha ta' kuljum. Permezz tal-mikroskopju, l-artista fetħet dinja ġdida ta’ arti li wieħed ma jista’ qatt jara b’għajnejh biss.

Nieħu gost f’attivitajiet bħal dawn li nara artisti Maltin jesebixxu x-xogħol tagħhom. Huwa pass pożittiv li binjiet pubbliċi, bħalma hi l-Berġa tal-Italja, tintuża wkoll għal dan l-iskop. Bit-talent kbir li għandna, u b’inizjattivi bħal dawn, żgur li l-arti Maltija għandha futur sabiħ quddiemha. Mill-ġdid prosit Elisabeth.

Jun 11, 2009

Messaġġ ta’ poplu

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ghaddiet. Ftit riflessjonijiet: Il-politika hija għodda ta’ kif isservi lill-poplu. Il-poplu huwa sovran u jkun hu li jiġġudikak fuq it-twettiq ta’ dik il-politika. Għalhekk l-elezzjonijiet huma pilastru fundamentali ta’ kwalunkwe demokrazija, fejn il-poplu huwa liberu li jesprimi fehmtu fuq dak li jkun għaddej.

Mhux kull elezzjoni sservi għall-istess għan. M’għandnix xi ngħidu, l-elezzjoni ġenerali hija l-okkazzjoni fejn poplu jiġġudika u jagħżel liema programm ta’ tmexxija jrid, pero f’kull elezzjoni jintbagħtu messaġġi li jridu jiġu mismugħa tajjeb mill-politiċi.

Il-poplu għażel u ta maġġoranza assoluta ta’ voti u ta’ siġġijiet lir-rappreżentanti tal-Partit Laburista. Il-Prim Ministru kien korrett meta qal – jien noqgħod għall-ġudizzju tal-poplu. Għalkemm din qatt ma kellha tkun elezzjoni li tiġġudika fuq programm ta’ ħidma, anke għax saret sena waħda biss f’mandat ta’ ħames snin, niżbaljaw jekk nibgħatu messaġġ li mhux se nagħtu każ ta’ dak li qal l-elettorat. Izda wiehed irid ukoll jaghmel l-analiżi fil-kuntest shih tas-sitwazzjoni.

Huwa faċli li mill-Oppożizzjoni tikkritika, żgur li ferm aktar faċli milli tkun qed tiggverna pajjiż f’nofs taqlib ekonomiku li qatt ma rajna bħalu u li qed iwassal għall-waqa’ ta’ imperi finanzjarji li sa’ ftit ilu konna nqisuhom bħala ġganti. Pero’ l-poplu, li sa’ sena ilu afdana bit-tmun tal-pajjiż, qed jgħidilna li jrid jara ċertu bidliet fl-istil u fil-mod kif nimplimentaw ċertu miżuri. L-istorja tgħallimna li 5 snin ilu konna fl-istess sitwazzjoni, smajna l-messaġġ u irbaħna l-elezzjoni ġenerali. Irridu nfehmu u nikkomunikaw mal-poplu, imbagħad meta jasal jum il-għażla mmorru għand il-poplu u noqħogħdu għall-verdett tiegħu. Sadanittant trid tkompli l-hidma, kemm fl-ufficini kif ukoll fid-djar !

Jun 4, 2009

Ghall-erwieh !

Ghall-erwieħ! Din kienet l-espressjoni li smajt dalghodu minghand mara anzjana meta zort Pjazza Sant'Anna, f'Tas-Sliema. Minn dak li rajt u smajt, huwa evidenti li l-piazza ntoghgbot sew u verament kien hemm stennija ghaliha. Kienet ix-xewqa ta' ħafna li din il-pjazza tingħata lura lin-nies! Waqt l-attivita’ tal-ftuħ ta’ din il-pjazza il-bierah filghaxija esprimejt is-sodisfazzjon kbir tiegħi u ta’ dawk kollha li trabbew f’Tas-Sliema li erġajna qegħdin naraw din il-pjazza terġa tingħata l-ħajja ħalli titgawda mis-Sliemiżi u dawk kollha li jżuru din iż-żona kummerċjali/residenzjali.

It-triq li mxejna sabiex wasalna s’hawn ma kienetx waħda faċli, imma b’determinazzjoni u konvinzjoni tlajna t-tela’. Sa mill-2005 personalment kont tlabt lit-Taqsima tal-Propjeta’ tal-Gvern sabiex ġaladarba jiskadi c-cens ta' l-istabbiliment li okkupa l-pjazza kollha ghal ahhar 30 sena, dan ma jergax jiggedded. Kien għalhekk li apprezzajt hafna l-azzjoni tal-kollega tiegħi s-Segretarju Parlamentari Jason Azzoppardi biex nilliberaw il-pjazza !

Dan il-proġett li tlesta wkoll qabel iż-żmien previst, sar b’investiment ta’ €250,000. Bla dubju ta xejn l-aktar li jispikka f’din il-pjazza huwa l-element tal-ilma. L-ilma li jissimbolizza l-hajja u li qed jiġi nkorporat f’din il-pjazza anke ghax hawn kien hemm monument li kien ifakkar meta s-servizz tal-ilma gie estiz ghal Tas-Sliema fl-1882. Ħadt pjaċir nara dalghodu lit-tfal jilgħabu fil-funtana li għamilna fejn l-ilma jgħola minn l-art. Erħila għalihom lit-tfal biex jieħdu gost jixxarbu! U l-ommijiet nahseb diga bdew jibghatuni nsaqqa l-hass !

Disinn simili bħal din il-funtana se jkun qed ikun inkorporat ukoll fil-proġett ta’ tisbiħ ta’ pjazza ferm importanti f’pajiżna eżatament fil-qalba tal-belt Kapitali tagħna dik ta’ san Ġorġ. Dan il-proġett jibda it-tnejn li ġej wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tas-7 Giugno.

Incentiva f'waqta

Din il-ġimgħa tkellimt fil-Parlament waqt id-dibattitu dwar ir-riforma fil-Kunsilli Lokali. Tkellimt fost l-oħrajn dwar il-ħtieġa li l-Kunsilli Lokali jimpenjaw ruhhom ghal aktar separazzjoni tal-iskart fil-komunitajiet taghhom. Hija ħasra li għad hawn numru ta’ Kunsilli lokali li ma ntroduċewx biżżejjed Bring-In-Sites fil-lokalita’ tagħhom daqs kemm kellhom jagħmlu a bazi tal-popolazzjoni taghhom. U dan minkejja li l-pubbliku qieghed juri bic-car li jrid jippartecipa, tant li l-ammont ta' skart separat migbur fl-2008 kien 3 darbiet dak migbur fl-2007 !

Hu propju għalhekk li l-kunsilli lokali iridu huma wkoll jerfgħu r-responsabilita’ tagħhom u joffru faċilitajiet biżżejjed bħal ma huma l-Bring in Sites fil-lokalitajiet taghhom. Fost il-lista ta’ lokalitajiet li għadhom ma poggewx bizżejjed Bring-In- Sites insibu ammont konsiderevoli ta’ Kunsilli Lokali b’maġġoranza tal-Partit Laburista’. Insibu fuq in-naħa l-oħra Kunsilli serji bħal ma huwa dak tal-lokalita’ ta Birkirkara li din il-ġimgħa ffirma ftehim fejn permezz tiegħu se jżid il-Bring-In-Sites fil-lokalita’ minn 7 li hemm preżantament għal 17, kemm fil-fatt suppost li jkollhom. Barra hekk B'Kara se jżid ġurnata oħra biex fiha jinġabar biss l-iskart isseparat.

Biex il-Kunsilli Lokali jersqu lejn volum akbar ta' skart separat, hemm htiega li naghtu ncentiva. Ghalhekk il-gate fee ta' skart mhux separat se tkun 10 darbiet aktar minn skart separat. B'hekk il-Kunsilli li jnaqqsu il-volum ta' skart imhallat, se jgawdu, ghax se jkunu jistghu jonfqu l-flus li jfaddlu fuq progetti siewja ghal komunita' taghhom.