Showing posts with label tonn. Show all posts
Showing posts with label tonn. Show all posts

Jun 4, 2012

Ricetta ġdida: Kawlata a la Sammut !

Id-Deputat Laburista Joe Sammut għamel żmien iservi bħala kelliem tal-Opposizzjoni dwar is-Sajd.  Nifhem li jista’ jkun ma naqblux fuq ċertu punti, pero żgur li nistenna hu li dan id-Deputat għallinqas ikollu għarfien bażiku ta’ ċertu realtajiet fil-qasam tas-sajd.   F’artiklu ppublikat f’L-Orizzont ta’ llum, jagħmel taħwida papali jew kawlata bil-ħut ! Għal darb’oħra jipprova jwebbel b’affarijiet fiergħa lis-sajjieda.  Qabel ma kiteb Sammut messu ċċekkja li l-Konvenzjoni Internazzjonali li tirregola t-tonn jisimha ICCAT, li tfisser International Convention for the Conservation of Atlantic Tuna u mhux ICAD (mhux żball tat-tipa żgur għax ripetut aktar minn darba!), kif kiteb hu.  Dan l-iżball huwa biss preludju għal sensiela mpressjonanti ta’ żbalji oħra li hemm fl-artiklu.

M’huwiex veru li l-Gvern qasam il-kwota nazzjonali tat-tonn bejn longliners u purse-seiners (u mhux perseinors Onor Sammut !).  Kieku sempliċiment staqsa kien ikun jaf li l-Gvern din is-sena, bi qbil mal-koperattivi tas-sajjieda, ħalla jaħdmu biss bastimenti longliners.  

L-istess ħmerijiet  kitibhom ukoll fir-rigward tal-pixxispad.  Hawn m’hawnx kwota u allura m’għandux x’jaqsam xibka jew sunnara. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li l-qbid tal-pixxispad permezz tal-purse-seiner huwa llegali.  Fis-settur tal-pixxispad daħlu regolamenti dwar daqs minimu tal-ħut li jrid jinqabad kif ukoll perjodu ta’ closed season.  Evidenti li l-Onor Sammut lanqas jaf fuq xhiex qed jitkellem f’dan l-artiklu.

Apparti li nixtieq inkun naf jekk il-pożizzjoni tal-Onor Sammut hijiex ukoll il-pożizzjoni uffiċjali tal-Opposizzjoni ?   Jekk tkun fil-Gvern l-Oppożizzjoni beħsiebha tinjora l-obbligi li daħlet għalihom il-komunita’ internazzjonali, mhux biss l-Ewropa, dwar  miżuri ta’ konservazzjoni favur ċertu speċi ta’ ħut u tpoġġi fil-periklu lis-sajjieda għax tesponi s-sajd malti għal sanzjonijiet  ?  Għal darb’oħra qed naraw il-mod dilettantesk u opportunist li fuqu ssawwar il-politika tagħha l-Opposizzjoni anke fuq il-qasam tas-sajd ! Imbasta jippużaw taħt is-slogan Għaqal fit-Tmexxija.  Fil-fatt riedu jgħidu Tbażwir fit-Tmexxija !

Jun 18, 2010

Attakki kontra l-ligi nternazzjonali

Il-lejl li ghadda mort nara fl-isptar liz-zewg sajjieda Maltin li sfaw feruti f’attakk li allegatament sar minn attivisti tas-Sea Shepherd Conservation Society meta dahlu bil-bastiment taghhom Steve Irwin fuq gagga mimlija tonn li kienet qed tigi trasportata minn ibhra Libjani lejn Malta minn operaturi Maltin u Taljani.

Jiddispjacini li l-affarijiet waslu f’din is-sitwazzjoni. Ahna nemmnu li hemm bzonn kontroll fuq operazzjonijiet ta’ qbid ta’ tonn u kien ghalhekk li dejjem appoggjajna l-kontroll legali mill-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) u l-Unjoni Ewropea. Is-sajd li sar kien qed jiġi osservat u spezzjonat mill-ispetturi tal-istess ICCAT u tal-Unjoni Ewropea.

Ahna nistennew li f’dan is-settur tirrenja l-legalita’. Kemm minn dawk li jaqbdu t-tonn kif ukoll minn dawk li jhossu li ghandhom jaghmlu kampanji kontra l-qbid ta’ din l-ispeci. Filwaqt li nistennew li l-operaturi jimxu strettament mar-regoli u jaraw li t-tonn li jgorru jifforma parti mill-kwoti stabbiliti mill-ICCAT, nistennew ukoll li l-attivisti ma jiehdux il-ligi f’idejhom. Jekk josservaw xi allegat qsur tar-regolamenti nistennew li jinfurmaw lill-ispetturi. Certament mhux accettabli li jattakkaw il-gageg u lis-sajjieda kif gara l-bierah u kif gara ukoll aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Green Peace li attakkat gageg oħra. Irrid nirringrazzja lill-membri tal-Forzi Armati ghall-hidma kontinwa’ tagħhom biex ikunu protetti l-operazjonijiet legali tas-sajjieda fl-ahhar granet.

Daqs sena ilu persuna kitbet hekk fuq il-website Ecorazzi: “Sea Shepherd are a bunch of terrorists! Two wrongs don’t make a right. Whaling isn’t right and neither is ramming ships at sea. International law states that Japan can take whales. If someone doesn’t like that, they should work toward getting the laws changed through due process. International maritime law states that: Except in the event of an emergency, it is unlawful for any person to anchor or operate a vessel in a manner that will unreasonably interfere with the navigation of other vessels.”

Sep 10, 2009

Favur is-sostenibbilta’

L-industrija tat-tonn hija waħda importanti għall-ekonomija Maltija u l-Gvern hu favur li jsib il-bilanċ meħtieġ biex jiżgura futur sostenibbli għal din l-ispeċi. Izda huwa obbligu taghna ukoll naraw li din l-attivita’ ekonomika tibqa wahda viabbli u b’sahhitha. Ta’ min jghid li pajjizna appoggja l-Pjan għall-Irkupru tat-Tonn deciz mill-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) s-sena l-ohra. Dan il-Pjan, fost affarijiet ohra, impona aktar restrizzjonijiet u infurzar akbar halli jkunu eliminati kemm jista jkun l-abbuzi.

Jien infurmat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fejn ġie deċiż li b’mod proviżorju taqbel li tappoġġja t-talba tal-Prinċipat ta’ Monako favur l-inklużjoni tal-ispeċi tat-tonn fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni tas-CITES (Convention on International Trade in Endangered Species). Tajjeb nghid li kieku dan kellu jsehh dan ikun ifisser li jieqaf il-kummerc internazzjonali tat-tonn u s-sajjieda jkunu jistghu jaqbdu biss tonn li jinbiegh fis-suq nazzjonali taghhom. B’hekk tieqaf definittivament l-esportazzjoni u l-attivita' ta' tuna farming ghall-esportazzjoni. Pajjizna mhux konvint li hemm htiega ta’ mizura drastika bhal din galadarba ma hemmx informazzjoni xjentifika certa li ssostni dan.

Tajjeb wiehed jghid li din hija biss decizjoni provizorja, tant li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret li d-deċiżjoni finali tagħha tkun imħabbra qabel il-laqgħa tas-CITES li se ssir f’Marzu 2010 wara li tkun evalwat id-data xjentifika. Il-Kummissjoni Ewropea sejra tikkonsulta l-iStati Membri tal-Unjoni Ewropea fuq il-proposta ta’ Monako nhar il-21 ta’ Settembru 2009. Sadanittant se nkomplu bil-laqghat taghna mas-setturi Maltin li jistgħu jiġu affettwati jekk il-proposta ta’ Monako tiġi aċċettata mis-CITES.

Jun 16, 2009

Opportunizmu

Għal darb’oħra, l-Partit Laburista jieħu pożizzjoni rresponsabbli li tkompli tikkonferma l-politika tal-opportuniżmu politiku tal-Oppożizzjoni. Issa kien imiss lis-sajjieda tat-tonn ! L-Opposizzjoni permezz tal-kelliemi taghha tas-Sajd harget tikkundanna lil Gvern ghax ghalaq l-istagun tas-sajd tat-tonn. Il-fatti huma li l-istaġun tat-tonn inghalaq il-gimgha l-ohra biex ikun żgurat li nibqgħu fil-limitu tal-kwota nazzjonali kif stabbilita mill-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna) li Malta hija membru taghha.

Din il-Kummissjoni qablet fuq programm mifrux fuq numru ta’ snin li permezz tiegħu l-ispeċi tat-tonn tkun imħarsa u mgħejjuna tirpilja wara snin sħaħ li fihom din l-ispeċi sfat taħt theddida minn sajd fi kwantitajiet kbar u mhux ikkontrollati.

Il-kontroll u s-sotenbbilita’ ta’ din l-ispeċi jibbenefika l-aktar minnhom is-sajjied innifsu li jkun jista’ jserraħ moħħu li jkun jista’ jibqa’ jistad għal din l-ispeċi fis-snin li ġejjin. Dan wassal lill-Gvern biex, bi qbil mal-Koperattivi tas-Sajjieda Maltin, ifassal skema ta’ allokazzjoni tal-kwota nazzjonali b’mod li minnha jibbenefika kulħadd.

Wieħed jistenna li d-diversi għaqdiet, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li dejjem ħadmu għal miżuri favur is-sostenibbilta’ ta’ din l-ispeċi, issa jieħdu nota tal-istqarrija tal-Oppożizzjoni u huma wkoll jifhmu b’liema politika ta’ opportuniżmu timxi biha l-Oppożizzjoni.