Jul 31, 2009

Charity begins at home....for Labour !

Ma nemminx li wieħed għandu jgħix billi jħares lura ‘l ħin kollu. Pero huwa wkoll fatt li f’ħafna ċirkostanzi l-passat joffri wkoll mera tal-present u l-futur. Dak li għaddej bħalissa bi propjeta’ tal-Partit Laburista fis-Siġġiewi huwa prova ta’ kif il-Partit Laburista kien, għadu u jibqa’ partit li jpoggi l-interessi tieghu qabel il-gid komuni.

Illum, li qed noqorbu lejn tmiem il-perjodu ta’ ċens fuq il-propjeta’ li tinsab f’sit ewlieni fil-pjazza tas-Siġġiewi, u minkejja li l-Kunsill Lokali iridha biex jibdilha f’post li jintuża għal day care centre tal-anzjani, l-Partit Laburista ħareġ l-armi kollha biex jiddefendi u jipprova jibqa’ jgawdi l-użu ta’ propjeta’ pubblika għal skopijiet partiġġjani.

L-istorja ta’ dan il-kazin hija skandaluza. Sal-1981 din kienet binja uzata bhala centru civiku uzat minn diversi organizazzjonijiet. Gara izda li lejliet l-elezzjoni tal-1981 tal-Labour hadu parti minnu u mbaghad fl-1983 haduh kollu. Fl-1987, nergghu koppi. Ftit qabel l-elezzjoni ta’ dik is-sena il-Gvern Laburista estenda c-cens ghal 24 sena ohra. Il-veru kaz li ghal Partit Laburista Charity begins at home !

Il-Partit Laburista ma jinbidilx. Jinbidel il-Kap, tinbidel id-dehra pero s-sustanza tibqa’ l-istess. L-ewwel il-Partit, t-tieni l-partitarji, u jekk forsi jifdal xi haga jqasmuha biss wara li jhallu lil kulhadd bil-ghatx ! It-terremot ta’ Muscat s’issa ġab biss tibdil kożmetiku. Fil-mument tal-prova l-Partit Laburista reġa kkonferma li hu l-aqwa difensur tal-interessi tiegħu u xejn ma jinteressah li jpoġġi ‘l quddiem l-interessi tal-komunita’.

Jul 30, 2009

L-ewwel ma tiekol l-għajn

Il-Malti jgħid li l-ewwel ma tiekol l-għajn! Għalhekk irridu nagħmlu kull sforz possibbli sabiex pajjiżna naghmluh jidher dejjem aktar atraenti, l-ewwel u qabel kollox ghalina li ngħixu f’dan il-pajjiż u t-tieni għat-turisti li jżuruna.

Il-bierah żort ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin bejn il-Ministeru tieghi u l-ADT fuq l-Għalqa ta’ Kola fir-Rabat eżattament qabel ma wieħed jidħol fil-Belt tal-Mdina. Din iż-żona li kienet abbandunata u mitluqa issa qed isirilha xogħol ta’ tisbiħ fejn fost l-oħrajn se jsir parkeġġ organizzat u se jigu installati numru ta' hwat b'sigar tac-citru. B’dan il-proġett qed ukoll jitneħħa kull detriment għas-saħħa lir-residenti, ikkaġunat mit-trabijiet li kienu jkunu generati minn dan is-sit.

Matul l-ahhar gimghat ghamilna bosta xoghol biex intejbu l-prodott turistiku. Ghamilna xoghol ta' upgrading qawwi fiz-zona kummercjali u turistika ta' Tas-Sliema. Il-haddiema tal-Maintenance Unit wettqu xoghol qawwi ta' manutenzjoni fiz-zona ta' Bugibba u l-Mellieha. Ghal dak li ghandu x'jaqsam mal-bajjiet dan is-sajf biddilna s-slielen kollha tax-xtajtiet taghna u biddilna l-bins l-antiki b'400 wheelie bin madwar il-bajjiet tagħna sabiex anki l-bajjiet ikunu jistgħu jinżammu nodfa kontinwament. Ziedna l-frekwenza tat-tindif fuq il-bajjiet kif ukoll darba fil-ġimgħa il-bajjiet tar-ramel qiegħed isir sand sifting.
Ma nistax nghid li jien sodisfatt. Fadal hafna x'isir. Anke fil-qasam tal-indafa pubblika. Minkejja dak kollu li ghamilna fil-qasam tal-immanigjar tal-iskart, dan il-pajjiz ghadu mhux nadif bizzejjed. L-iskart ma jaqax mis-sema. Ma joholqux il-gvern. Noholquh ahna. Matul l-ahhar granet il-kelliem tal-Opposizzjoni ghall-Ambjent qal li hemm bzonn aktar infurzar. Veru li hemm bzonn. Li ma qalx hu li hafna mill-infurzar jiddependi ukoll mill-hafna Kunsilli Lokali b'maggoranza tal-PL. Ma qalx ukoll meta hadna l-inizjattiva tal-ekokontribuzzjoni fuq il-basktijiet tal-plastik biex neqirdu dik is-sehta li kienet timla t-toroq ta' pajjizna, ma sibniex l-appogg tal-Opposizzjoni. Bhas-soltu sibnihom idahhlu d-dubji !

Jul 29, 2009

Minn swiedija ghal sbuhija

Il-Kon Katidral ta' San Ġwann u l-Belt Valletta mhux biss huma wirt nazzjonali iżda huma wkoll wirt Ewropew u ghalhekk hu dmir taghna bhala Maltin u Ewropej li nghozzuhom u ntejbuhom. Kien dan il-messagg principali li ghaddejt lill-media waqt żjara li għamilt il-bierah fi tmiem restawr fuq il-faċċati tal-Kon Katidral ta' San Ġwann, fil-Belt Valletta. Ir-restawr fuq il-faċċata fi Triq il-Merkanti beda f'Ġunju tas-sena li għaddiet, imbagħad kien segwit b'dak fi Triq ir-Repubblika. Bħalissa qed isir restawr u konservazzjoni metikoluża fuq il-faċċata fi Triq Santa Luċija.

Ix-xoghol ta' restawr, li qed isir minn ħaddiema mit-Taqsima tar-Restawr fil-Ministeru tieghi, hu ħolqa minn katina ta' proġetti li qed isiru fil-Belt Valletta. Bħalissa qed isir restawr, fost oħrajn fuq il-faċċata tal-Berġa ta' Kastilja u fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President. Sar ukoll xogħol fuq il-Biblijoteka Nazzjonali u bħalissa qed isir xogħol fuq is-saqaf tagħha. Dan minbarra x-xoghol li ghaddejja bhalissa fuq Piazza San Gorg biex minn cimiterju ta' karozzi nitrasformawha fl-ikbar piazza ghal poplu. Dawn l-interventi kollha ta' restawr u proġetti ġodda qed isiru biex il-Belt Valletta tkun ġojjell aktar ileqq għall-Maltin u għat-turisti li jżuruna.

Jien u ndur mal-perita inkarigata mix-xoghol Jean Frendo stajt nammira x-xoghol ta' lavur fuq il-bini barokk, liema lavur kont bilkemm tarah bis-swiedija li kellu ! Impressjonajt ruhi bil-lavur ta' tmintax-il saljatura, skolpiti b'ħila artistika kbira, tal-gallerija principali li taghti fuq Triq il-Merkanti. Verament xoghol sabih. Fil-granet li gejjin behsiebna inhabru inizjattiva ohra ghal din it-triq fil-Belt Valletta.
http://www.timesofmalta.com/articles/view/20090728/local/cathedral-facades-being-restored

Jul 24, 2009

Anqas chargers

Fil-granet li ghaddew thabbar li l-EU rnexxielha tikkonvinci lill-manifatturi ewlenin tal-mobile phones biex dawn jaslu fi ftehim biex mill-aktar fis halli jiżviluppaw flimkien sistema fejn iċ-chargers tal-mobile phones ikunu universali, jiġifieri jaqblu għall-mudelli l-aktar importanti li hawn fis-suq. Din hija biċċa aħbar tajba, għaliex kif nafu lkoll, spiss tispiċċa jkollok tarmi charger li jkun għadu tajjeb għax ma jkunx jaqbel ma’ xi mudell ġdid ta’ mobile phone li tkun xtrajt.

Dan il-ftehim, li għalissa se jkun wieħed volontarju, għandu jqieħged is-sisien biex fil-futur qarib, nimmassimizzaw iktar l-użu taċ-chargers, bil-konsegwenza li narmu anqas minn dawn l-aċċessorji tant importanti fil-ħajja taħgna ta’ kuljum. Il-manifatturi li qablu ma’ dan il-pass bħalissa jirrapreżentaw madwar 90% tad-domanda tas-suq u għalhekk pass bħal dan għandu jagħmel differenza kbira.

Ningħaqad mal-awgurju tal-Kummissarju Verheugen li qal li jittama li l-użu taċ-charger għandu jibqa’ jkun żviluppat biex l-istess aċċessorju jkun jista’ jintuża f’apparat ieħor bħalma huma laptops u kameras tar-ritratti. Nistennew u naraw kif nistgħu inkomplu nużaw it-teknoloġija għas-servizz tagħna u tal-ambjent.

Jul 17, 2009

Joe Muscat michud

Jekk qatt kien hemm bżonn ta’ konferma fuq il-viżjoni politika zbaljata tal-Kap tal-Oppożizzjoni, kulma wieħed għandu jagħmel hu li jiftakar kif Joe Muscat kien minn ta’ quddiem nett biex ifiehem lill-Islandiżi li posthom mhux fl-Unjoni Ewropea!

Ovvjament, dan kien qabel ma’ Muscat għadda mill-proċess ta’ konverżjoni li llum wasslu biex, għall-konvenjenza, jiftaħar kemm hu favur l-Ewropa. Il-ħidma sfieqa ta’ Muscat kontra l-Unjoni Ewropea wasslitu biex imur lil hinn mill-konfini lokali u pprova jikkonvinċi wkoll lit-320,000 Islandiż biex jirrifjutaw sħubija fl-Unjoni Ewropea. Parir ħażin, li kompla ġie kkonfermat mill-kriżi finanzjarja ta’ bħalissa fejn l-Islanda kienet fost l-aktar pajjiżi milquta ħażin.

Fatt li wassal lill-Gvern Islandiż biex jipproponi sħubija fl-Unjoni Ewropea u għalhekk propju il-bierah il-Parlament Islandiż iddecieda favur li jibda n-negozjati mal-UE u wara n-negozjati jmur ghal Referendum. Ta’ min jgħid li l-Islanda diġa għandha rabtiet mill-qrib mal-Unjoni Ewropea, fosthom fis-settur tas-sajd, fejn permezz ta’ ftehim bilaterali, sajjieda mill-Unjoni Ewropea u mill-Islanda jistgħu jwettqu dak li jissejjaħ Exchange of Fishing Possibilities.

Il-Gvern Islandiż qed jaghmel dan il-pass anke ghax ghadda minn l-akbar maltempata ekonomika fl-aħħar għexieren ta’ snin. Ironija meta tiftakar li kien hemm min tahom parir biex jibqgħu barra. L-istess persuna li llum qed taspira li tagħti pariri lill-poplu Malti dwar kif jista’ jibqa’ jimxi ‘l quddiem.

Jul 15, 2009

It-Torri tal-Gharghur restawrat

Verament niehu gost meta tara post li kien zdingat jerga jiehu r-ruh. Hekk ghamilt nhar il-Ħadd li għadda meta kont preżenti għal ftuħ mill-ġdid tat-torri Semaforu fil-Għargħur wara li saru fuqu restawr estensiv mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru bl-appoġġ finanzjarju wkoll tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur.

Dan it-Torri li jinsab eżattament fid-daħla tal-lokalita’, hu wieħed minn sensiela ta’ torrijiet madwar Malta u Għawdex li kienu jintużaw sabiex jasal messaġġ minn naħa għall-oħra tal-gżejjer Maltin, permezz ta’ paletti kbar bħala indikazzjoni li kien ġej l-għadu. Għalhekk dan it-torri li nbena fis-sena 1848, kellu rwol importanti ħafna fid-difiża tal-pajjiż. Kienet ħaġa sabiħa li waqt l-attivita tal-inawgurazzjoni tar-restawr ta’ dan it-torri kien hemm re-enactment u wirja ta’ oġġetti relatati mad-difiza ta' pajjizna mill-Malta Command Group .

Fil-gimghat li gejjin se nibdew xoghlijiet ohra ta' restawr fir-rahal pittoresk tal-Gharghur. Hekk kif tghaddi l-festa se jsir xoghol fuq ir-recint taz-zuntier tal-Knisja Parrokjali kif ukoll tkomplija ta' xoghol ta' restawr fuq il-ħitan tal-Victoria Lines li hemm bejn il-Għargħur u n-Naxxar.

Jul 12, 2009

Lenti sensittiva

Sensittivita' umana. Dik hija l-frazi li tiddeskrivi l-ahjar il-wirja tal-ġurnalist fotografiku Darren Zammit Lupi, wirja intitolata "The Presence Of Absence" li f'dawn il-ġranet qed tittella' fl-Universita' l-Antika, il-Belt Valletta. Ir-ritratti li kollha ġew meħuda f'temp ta' 48 siegħa jaqbdu l-aspett uman tal-poplu tar-reġjun tal-Abruzzo li bit-terremot tas-6 t'April fi ftit sigħat tilef dak kollu li n-nies kienu bnew matul ħajjithom. Komunitajiet li wara t-terremot, mhux biss tilfu madwar 300 persuna minn fosthom imma spiccaw jghixu fit-tined, fil-kju biex jiddubbaw l-elementi l-aktar basici, bhal l-ikel u l-ħwejjeġ.

Skond Darren il-viċinanza ta' l'Aquila u l-ħbiberija tal-poplu Taljan ma' pajjiżna jagħmel t-traġedja tar-reġjun tal-Abruzzo waħda aktar b'saħħitha. Fir-ritratti ta' Darren wieħed jista' jara d-dinjita' umana fl-aktar mument fraġli tagħha imma fl-istess waqt wiehed jista jara ukoll d-determinazzjoni ta' dan il-poplu li jerġa' jibni ħajtu mill-ġdid.

L-aktar tlett ritratti li laqtuni kienu: 1. haddiema tat-tifi tan-nar imdendlin minn crane, jixxabtu halli jorbtu dak li fadal minn parti minn knisja halli ma tkompliex tiggarraf, 2. tifla tiskanta fil-vojt qalb it-tined waqt li niezla x-xita, 3. patri bil-qorq iterraq qalb it-tined sabiex jikkonsla lill-vittmi ta' din it-tragedja. Naghtik parir tmur tarha din il-wirja li tibqa ghaddejja sas-6 t'Awwissu. Il-wirja tiftah kuljum matul il-gimgha bejn il-5.00 u t-8.00 p.m.

Jul 10, 2009

Servizz ta' Animal Ambulance

Nistqarr li wieħed mis-setturi li l-aktar li jtuni sodisfazzjon bix-xogħol li qed inwettqu fih huwa dak tal-animal welfare. Settur li kulma jmur qed isir dejjem aktar importanti u ta’ attwalita’, grazzi ukoll għall-hidma ta’ voluntiera u l-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern.

Illum għaddejna ambulanza oħra lil Noah’s Ark biex ikompli jissaħħaħ is-servizz li beda bi prova fl-ewwel ta’ Gunju ta’ din is-sena. Illum ukoll, f’isem il-Gvern, iffirmajt ftehim mal-NGO Noah’s Ark li qegħda tmexxi dan is-servizz ta’ 24 siegħa kuljum imħallas mill-Gvern.

Matul dan ix-xahar ta’ prova daħlu ‘l fuq min 100 każ ta’ emergenza minbarra diversi każi oħra ta’ klieb u qtates li kienu abbandunati f’toroq traffikużi u li anke bl-għajnuna tad-Dipartiment għat-Tratament Xieraq tal-Annimali ġew miġbura f’ħin f’waqtu biex b’ hekk ġie evitat li dawn l-annimali jispiċċaw milquta mill-karozzi.

Din is-sistema tal-ambulanza taħdem billi kull min irid jirrapurta każ ta’ annimali abbandunati jew mweġġa għandu jċempel id-depot tal-pulizija fuq in-numru 21224001 u tkun il-pulizija li ssejjaħ għall-ambulanza. Permezz ta’ żewġ ambulanzi f’Malta u oħra f’Għawdex mmexija mill-Gozo SPCA qed tingħata attenzjoni veterinarja immedejata lil dawk l-annimali kollha li jkunu sfaw imweġġa fit- triq . L-appell tiegħi hu biex ma jsirx abbuż minn dan is-servizz li hu tant utli.

Jul 8, 2009

Mudell vitwali ta' precissjoni

F'dawn il-granet inbeda x-xoghol ta' laser scanning fuq is-swar tac-Cittadella f’Għawdex biex tithejja d-dokumentazzjoni kollha li fuqhom imbaghad jissawwar il-programm shih ta' restawr tas-swar taċ-Ċittadella u l-konsolidazzjoni tal-blat fraġli taħt dan il-monument imprezzabbli.

Team ta' teknici Taljani taħt is-superviżjoni tal-periti tat-Taqsima tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali qed jipreparaw mudelli virtwali 3-dimenzjonali li fuqhom jiġu ndikati l-materjal kif ukoll il-ħsarat eżistenti. Biex jitwettaq dan il-proġett qegħda tintuża l-aħħar teknoloġija avvanzata li tagħmel użu minn laser scanners bi preċiżjoni għolja ħafna.

Waqt żjara li ghamilt flimkien mal-Ministru Giovanna Debono ġie spjegat lilna x-xoghol li qed isir u dak li hu ppjanat. Impressjonajt ruhi bid-dettall ta' dawn it-3D scans digitali. Kapaci jiffukaw sa area ta' 5cm ! L-informazzjoni kollha migbura mbaghad tintuza halli jigi ppreparat it-tender tax-xoghlijiet ta' restawr li jkun jindika bazikament x'tip ta' intervent irid isir fuq bazikament kull gebla ! 85% ta' dan il-progett huwa ffinanzjati bl-ghajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea.

Nittama li fil-granet li gejjin jkunu organizzati zjajjar anke ghat-tfal tal-iskola halli anke huma japrezzaw dan ix-xoghol li qed isir u b'hekk inxettlu apprezzament akbar lejn il-wirt li ghandna f'pajjizna.

Jul 7, 2009

Messagg socjali qawwi

Qrajt b’interess l-ewwel rapporti dwar l-aħħar enċiklika ta’ Papa Benedittu XVI, 'Caritas in veritate' u rrid ngħid li jien sodisfatt li nara l-Knisja titkellem fuq temi tant attwali u importanti. L-enċiklika tal-Papa fil-fatt titkellem dwar l-etika fl-ekonomija u hija rilevanti b’mod speċjali kemm minħabba l-kriżi finanzjarja preżenti kif ukoll għax qed tiġi pubblikata propju lejliet laqgħa importanti tal-Kapijiet tal-iktar Stati b’saħħithom fid-dinja, magħrufin bħala G8.

Il-Papa jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ etika fit-tħaddim tal-ekonomija u fuq il-prinċipju li l-ekonomija tkun imsawra fuq il-bniedem u fuq it-tkattir tal-ġid komuni. L-etika fl-ekonomija hija karba ta’ mexxej spiritwali li fehem kif din l-akbar kriżi finanzjarja waslet ukoll minħabba sistema li ma baqgħetx sostenibbli, sistema li minħabba l-aġir tal-ftit spiċċat biex faqqret lil ħafna. Sistema li fuq kollox, wasslet biex ħolqot kullana ta’ problemi li llum wasslu għal din il-kriżi.

Fl-enciclika l-Papa jikkundanna "l-isfruttament u l-faqar", "in-nuqqas ta' garanziji socjali" u "d-dghajfin tal-unions tal-haddiema" fl-era tal-globalizazzjoni. Minn naha l-ohra jinsisti fuq id-dritt ta' xoghol "dicenti" ghal kull persuna umana.

Tagħmel tajjeb il-Knisja li tiffoka fuq dawn it-temi u hu l-ħsieb tiegħi li fil-jiem li ġejjin naqra din l-enċiklika. Il-valuri fit-tħaddim tal-ekonomija mhuwiex biss id-dmir tan-nisrani imma ta’ kull min hu involut fid-diversi sferi tal-ekonomija madwar id-dinja. Nittama li l-appell tal-Papa ma jaqax fuq widnejn torox.

Jul 2, 2009

The new green generation

L-ahhar granet tawni opportunita' mill-isbah biex immiss b'idejja l-entuzjazmu lejn l-ambjent tal-generazzjoni l-gdida. Nhar it-Tlieta attendejt flimkien ma' hafna tfal il-helsien mill-gdid fil-bahar ta' 11-il fekruna tal-bahar gewwa l-bajja ta' Ghajn Tuffieha. Din l-okkazzjoni saret issa parti mill-kalendarju. Ghoxejt nara lit-tfal jentuzjazmaw ruhhom b'dawn il-fkieren li jkunu gew ikkurati fic-Centru ta' San Lucjan wara li jkunu ġew salvati minn NGO’s u mis-sajjieda.

It-tfal gew armati b'posters b'messaggi. Kontra l-uzu tal-basktijiet tal-plastik li sfortunatament jispiccaw go l-bahar u jispiccaw jittieklu mill-fkieren ghax jahsbuhom bram. Uhud mit-tfal kien ghoddhom qabzu il-bahar mal-fkieren ! Hadt gost nara ukoll lill-ghalliema jentuzjazmaw ruhhom. F'kull okkazjoni bhal din jolqtuni zewg affarijiet: l-ewwel li hekk kif il-fkieren ihossu l-bahar ikunu jridu jaqbzu 'l barra mill-kontenituri li jingiebu fihom u t-tieni l-qawwa tal-qadfa ta' dawn il-fkieren hekk kif jibdew jghumu mill-gdid.

It-tieni event kien dak tal-bierah meta attendejt ghal ghoti tal-premijiet lit-tfal bhala parti mill-kampanja ta' batteries, liema kampanja giet organizzata mill-WasteServ u ffinanzjata mill-Fimbank. F'xahar wiehed it-tfal gabru 5,200 kilo ta' pencil batteries. Gabru fil-fatt f'xahar dak li normalment il-WasteServ tigbor f'6 xhur ! Ippartecipaw madwar 170 skola. Wahda mit-tfal Kirstin Abela Caruana mill-iskola ta' St.Catherine's gabret wahedha 'l fuq minn 7,200 battery. Inkredibbli ! Belhithom lill-ghalliema meta gurnata minnhom marret l-iskola bi 13-il basket kbir mimlijin batteriji. Samaryah Sammut ta' 12-il sena mill-istess skola gabret mal-2,000 batterija.

Dawn it-tfal huma ezempji ta' din il-generazzjoni l-gdida ta' gwardjani tal-ambjent li rnexxielna nikkultvaw f'pajjizna. Illum ghandna kwazi 80 skola li jippartecipaw fil-programm EkoSkola. Hames snin ilu meta bdejnieh, flimkien man-Nature Trust, kellna biss 6 skejjel. Huwa l-entuzjazmu ta' dawn it-tfal u l-hegga taghhom ghall-azzjoni posittiva li hafna drabi timmotivani biex inkompli bil-hidma tieghi f'mumenti meta nkun se nibda naqta qalbi quddiem l-indifferenza tal-generazzjoni aktar "matura".