Showing posts with label ambjent. Show all posts
Showing posts with label ambjent. Show all posts

Sep 7, 2011

Programm ambjentali konsolidat

L-abbozz dwar il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent li ghadu kif gie mnhiedi ghal konsultazzjoni pubblika jirriaffirma tlett aspetti mportanti li dwarhom xtaqt naqsam ftit hsibijiet. L-ewwel punt hu li l-ambjent ‘dejjem irid’. Fil-programm ta’ finanzjament mill-UE ghas-snin 2007-2013, il-Gvern ikkommetta terz mit-800 miljun ewro f’infrastruttura ambjentali. L-ippjanar ta’ dan l-investiment beda fiz-zmien l-amministrazzjoni precedenti u llum qed nahsdu l-frott. L-impjant ghat-trattament tal-iskart solidu f’M’Scala, it-tisfija tad-drenagg, il-firxa ta’ restawr, l-investimenti fl-irziezet tal-annimali halli jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent, huma kollha passi favur ambjent ahjar f’pajjizna. Minkejja dan, l-ambizzjoni ghall-politika ambjentali ta’ dan il-Gvern ma tistrieh qatt.

It-tieni punt hu li minkejja l-isfidi kbar li ghelibna halli nwettqu numru ta’ progetti fil-passat ghad baqa’ progetti li huma sensittivi u li nispera li bir-rizultati miksuba sa llum il-poplu Malti jaf li dan il-Gvern ta’ min jafdah meta jigi sabiex jalloka spazji ghall-investimenti ambjentali. Dan il-Gvern ghandu l-gid komuni fil-mira tieghu bhalma wera bic-car bir-rizultati ambjentali miksuba sa llum. Hemm bzonn anqas biza u aktar realizmu biex nallokaw spazzju ghal impjanti godda bhal per ezempju sistemi ta’ turbini tar-rih halli jghinuna nilhqu l-miri stabbiliti fuq energija nadifa.

It-tielet u l-ahhar punt. Bis-sahha ta’ dan id-dokument issa qed nigbru f’dokument wiehed l-inizzjattivi ambjentali tad-diversi Ministeri halli jkollna strategija konsolidata. Per ezempju, fuq il-kwistjoni tal-ilma ghax-xorb dan il-pjan jenfasizza li ghandna nkomplu ntejbu l-efficjenza fil-produzzjoni tal-ilma helu mir-reverse osmosis, li ghandu jkun hemm aktar kontroll fuq it-tehid tal-ilma tal-pjan minghajr ma nxekklu s-settur agrikolu u li ghandna ninvestu halli l-ilma li gej mit-tisfqija tad-drenagg jitpogga ghall-uzu industrjali u agrikolu. Fuq dan il-Ministeru tieghi qed jahdem id f’id mal-WSC u l-operaturi. U ghalhekk li ghaddejjin bil-process li nwahlu meter ma’ ‘l fuq minn 3000 borehole registrati halli tibda sistema ta’ moniteragg. Fil-frattemp, ghaddejin b’diskussjonijiet fil-fond halli naraw x’investiment hemm bzonn halli l-ilma li gej mit-tisfqija tad-drenagg jibda jigi prodott.

Din l-amministrazzjoni tistenna reazzjonijiet maturi halli din il-vizjoni tkun mera tal-ambizzjonijiet ta’ dan il-poplu fil-qasam ambjentali. Ambizzjonijiet mibnija fuq il-gid nazzjonali, u mhux fuq l-interessi partigjani kif sfortunatament hafna drabi gara fil-passat.

Jun 23, 2011

L-aktar poplu konxju dwar l-ambjent

Ghadu kemm hareg stharrig mill-EuroBarometer li juri li l-Maltin huma l-aktar poplu konxju dwar l-ambjent fl-Unjoni Ewropea. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni. Seħħ b’diversi passi, inkluż bis-saħħa ta’ Gvern li ma xxaħħaħx biex jinvesti fl-ambjent u investiment kbir ukoll fl-għarfien dwar l-ambjent lill-uliedna.

Dan ma sehhx b'kumbinazzjoni. Seħħ għax investejna l-miljuni fl-immaniġġjar tal-iskart. Meta tiftakar fejn konna ! Sa’ April tal-2004 Malta kienet tarmi ż-żibel tagħha fil-Magħtab u ħolqot muntanja ta’ imbarazz u imbarrazzament għaliha u għal kull min iżurha. Illum ghandna facilitajiet moderni li mhux biss qed jitrattaw l-iskart imma jiggeneraw energija nadifa wkoll. Ma bżajniex nieħdu deċiżjonijiet. U l-poplu qed jagħmel il-biċċa tiegħu wkoll. Nieħu gost ninnota, per eżempju, kif Malta hija ‘l fuq mill-medja Ewropea f’dak li hu separazzjoni tal-iskart. Dan qed iseħħ għax ħolqna sistemi li jinċentivaw is-separazzjoni tal-iskart u seħħ ukoll għax ma bżajniex quddiem kritika partiġġjana li ma riditnix nimmodernizzaw l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin.

Sirna l-ewwel pajjiz mill-pajjizi kollha tal-Meditterran li qed nitrattaw id-drenagg kollu qabel dan jintefa fil-bahar. Hloqna postijiet ta' rikreazzjoni komdi u neqsin mit-tniggiz. Ma rridux ninsew li qed nonfqu aktar minn terz tal-850 Miljun Euro fondi tal-Unjoni Ewropea fi progetti favur l-ambjent.

Din il-bidla fil-mentalita' gibniha wkoll għax infaqna l-eluf f’inizjattiva bħalma hi l-EkoSkola fejn eluf ta' tfal mhux biss jitghallmu fuq l-ambjent imma qed jigu stimulati jagixxu b'mod konkrett favur l-ambjent. Bdejna b'6 skejjel u llum ghandna t-tfal ta' 'l fuq minn 110 skejjel f'pajjizna jippartecipaw f'dan il-programm. Kollha entuzjasti biex jaghtu l-kontribut taghhom. Flimkien ma' NGO bhal Nature Trust irnexxielna nibnu generazzjoni gdida lesta li timpenja ruha favur ambjent ahjar.

L-ambjent u l-ħarsien tiegħu jiswew il-flus. Hadna decizzjonijiet biex gibna fil-prattika l-principju tal-Polluter Pays. Min ihammeg irid ihallas. Naf li b'mizuri bhal dawk ma ssirx popolari, imma kienu mizuri mehtiega biex kulhadd jifhem li hemm prezz ghan-nuqqas ta' responsabilita' ambjentali. Ambjent aħjar ifisser kwalita’ ta’ ħajja aħjar u aħna determinati li nkomplu naħdmu għal dan il-għan.

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20110622/local/Greening-of-the-Maltese.371773

Jun 3, 2011

Triq Bisazza

Triq Bisazza lesta wkoll! U fully pedestrianized! Sodisfazzjon kbir ghalija. Kont ili s-snin twal nohlom li din it-triq naghtuha dehra gdida u naghmluha aktar safe u nadifa ghal dawk li jigu jixtru minn din it-tieni l-aktar zona kummercjali mportanti ta’ pajjizna wara l-Belt Valletta. Izda bhas-soltu kien hemm minn ghal raguni u ghall-ohra oppona li din it-triq innehhulha t-traffiku minnha. Iżda rebħu l-perseveranza, il-pacenzja u r-raguni. L-ghazla taghna li mmorru ghal full pedestrianization giet msahha bid-decizzjoni kemm tas-Sliema Business Community kif ukoll tal-Kunsill Lokali li t-tnejn ivvotaw b’maggoranza kbira biex din it-triq tinheles mit-traffiku u nipruvawha ghallanqas ghas-sitt xhur li gejjin anke minghajr l-karozzi tal-linja. Anke il-GRTU qablet mal-idea. Wiehed irid jifhem li bin-network gdid tat-trasport pubbliku, konna nispiccaw b’karozza tal-linja tghaddi kull zewg minuti minn Triq Bisazza u dehrilna li dan ma joffrix sens ta’ sigurta’ lil pedestrians. Ovvjament xi opposizzjoni tibqa dejjem. Ammont ta’ biza’ jew interessi jibqa dejjem. Imma m'ghandix dubji li dawn il-bizat jigu meghluba.

Waqt li kienu ghaddejjin ix-xoghlijiet kienu hafna li ghaddewli kummenti kull meta nzilt sa hemm. Imma l-aktar zewg kummenti li laqtuni kienu dawn. Malti li ghandu ufficcju fuq Triq Bisazza qalli “Grazzi. Ghax ghallanqas issa nista’ niftah it-tieqa. Qabel kont nifga.” U kumment simili ta’ persuna barranija li ilu jghix Malta xi 40 sena li gie fuqi u qalli “Thanks, finally we can breathe in this street”. Ambjent nadif li anke ta sens ta’ liberta’ u kumdita’. Hadt gost ninnota lin-nies jaqsmu t-triq u jaghmluha taghhom. Anke l-bankijiet ghamlu taghhom mill-ewwel ghax bdew juzawhom minn kif l-haddiema tal-Works Division installawhom fil-post u kien ghadhom miksija bil-plastic ! Hekk niehu gost jien. Nara lin-nies jokkupaw l-ispazju pubbliku minflok il-karozzi.

Take the longer, faster route kienet tghid tabella kbira li kienet twehhlet fit-tarf ta’ Triq Qui-si-Sana mill-ewwel Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. Dan biex jidderigi t-traffiku lejn Qui-si-Sana minflok jghaddi minn Triq Bisazza. Izda mbaghad din l-kampanja spiccat indifnet. Issa wara hafna snin se nkunu nistghu naghmlu dan fil-prattika anke ghax fix-xhur li ghaddew flimkien mal-Kunsill Lokali wessajna l-promenade ta’ Qui-si-Sana,u t-Transport Malta se jkunu lestew l-access ghat-tunnel ta’ Tigne’. Fil-verita’ kont xtaqt li t-TM lestew l-access ghat-tunnel tal-MIDI qabel halli ma kienx ikollna nghabbu t-traffiku ghax-Xatt minn fuq it-toroq interni ta’ Tigne’ sakemm naghmlu x-xoghol fuq Triq Bisazza izda ghallanqas issa se jkunu lestewh sad-data tal-ftuh ta’ Triq Bisazza.

Nhar it-Tnejn, proprju l-għada ta’Jum l-Ambjent, il-Prim Ministru se jinawgura din it-triq Ix-xoghol fi Triq Bisazza jikkumplimenta t-tisbiħ li diga sar l-aktar permezz tax-xoghlijiet li saru fi Triq it-Torri, Pjazza Sant’ Anna u Triq Manwel Dimech. Ovvjament ma tajniex biss cover gdid izda kellna naqilghu u nbiddlu s-servizzi tal-ilma u tad-drenagg mill-qiegh. Ovvjament fadal progett iehor wara dan, dak tal-upgrade tax-Xatt ta’ Tas-Sliema. Irridu naghmlu qabza ta’ kwalita’ minghajr ma ntellfu l-parking ghall-vetturi. Veru li s-sistema tat-trasport pubbliku se tbiddel l-mod kif nivjaggaw izda zgur ma nistghux innaqqsu l-parking ghal min jiddeciedi li jrid jivvjagga bil-vettura privata tieghu. Diga tlifna numru ta’ parking spaces u ma nistghux nitilfu aktar. Mhux se jkun esercizzju facli biex nilhqu dan il-bilanc izda bhas-soltu ma hemm xejn facli fil-hajja. Kif wasalna b’perseveranza fuq Triq Bisazza naslu wkoll fuq ix-Xatt.

May 26, 2010

It-tfal jghallmuna !

Il-bierah filghodu qattajtu mat-tfal tal-iskejjel f'zewg attivitajiet separati. L-ewwel attivita' haditni fl-iskola sekondarja tas-subien tal-Kullegg San Benedittu f'Hal Safi. Hemmhekk it-tfal holqu challenge biex f'10 minuti joholqu 'l fuq minn 1,000 recipjenti maghmula mill-flixken tal-plastik riciklati. Stajt nara l-entuzjazmu tal-istudenti, tal-ghalliema, tal-genituri u anke ta' studenti amerikani li nghaqdu maghhom f'din l-attivita'. Attivita' originali li definittivament se thalli mpatt posittiv fuq dawn it-tfal sabiex jahsbu aktar dwar l-immanigjar tal-iskart f'pajjizna.

It-tieni attivita' haditni l-Mosta fejn l-Birdlife organizzaw attivita' bl-isem Dear Minister bhala parti mill-programm Dinja Wahda. 'L fuq minn saghtejn ta' Question Time fuq suggetti varji mit-Tibdil fil-Klima, ghal htiega ta' Parks, l-Immanigjar tal-Iskart u problema ta' littering, Tniggiz tal-Bahar, Sostenibilita' tal-Hut u Ghasafar ! Tfal minn diversi skejjel qrawli ittri miktubin tajjeb hafna. Esprimew ruhhom bis-sens u minghajr tidwir ma qaghdu jlaqilqu.

Ippruvajt nwiegeb il-kummenti u l-mistoqsijiet taghhom kemm jista jkun b'lingwagg semplici. Mhux facli hafna drabi tfiehem certi ideat u spjegi teknici b'mod li t-tfal jifhmu. Izda t-tfal kienu attenti u stajt ninduna li qed isegwu. Laqatni l-fatt li l-parti l-kbira minnhom stqarrew li apprezzaw il-hidma li ghamilna fl-ahhar snin fil-qasam ambjentali, imma ma ddejjqu xejn isaqsu ghall-hidma akbar. Xtaqt li kien hemm aktar mill-kollegi tieghi biex anke huma jifhmu x-xewqat li ghandha l-generazzjoni l-gdida. Laqtuni hafna l-kummenti taghhom ghall-impenn favur energija nadifa. It-tfal iridu l-windfarms. U ma jbezzawhomx.

Din il-generazzjoni l-gdida taf ezattament xi trid. Tghallimt minghandhom ! U hemm bzonn li nibqghu nisimghuhom u nwiegbu ghax-xewqat u l-ambizzjonijiet taghhom fil-qasam ambjentali, inkella nissugraw li nsiru rrelevanti ghal generazzjoni l-gdida.

Jan 28, 2010

Gurnalizmu ambjentali

Din il-gimgha kelli l-opportunita’ nindirizza lil madwar 100 student li qed jippartecipaw fil-programm Young Reporters for the Environment. L-ghan principali ta’ dan il-programm, sostnut mill-Ministeru u mmexxi minn Nature Trust, hu li jhajjar kitba u gurnalizmu fuq l-ambjent. Fl-opinjoni tieghi hemm erba' punti principali li ghandhom jigwidaw lil dawk kollha li lesti jikkontribwixxu ghall-ambjent permezz tal-pinna taghhom.

L-ewwel: Hemm bzonn li permezz tal-pinna nghinu fl-apprezzament tal-wirt li ghandna, li sfortunatament mhux kulhadd ikun konxju minnu ghax ma kellux l-opportunita’ jifhem. Uzajt l-ezempju ta’ dawk li jwahlu l-madum tac-ceramika mal-faccata ta’ xi dar fil-qalba ta’ rahal. L-intenzjoni tkun tajba, dik li tifranka l-hin biex tnaddaf jew sahansitra biex taghmel il-faccata 'pulita'. Imma fil-fatt dik il-persuna qatt hadd ma jkun fhema li dak il-materjal ma jixraqx mal-materjali tradizzjonali tal-arkitettura tac-centru antic tar-rahal.

It-tieni: Li filwaqt li wiehed jaghmel sew li janalizza sitwazzjoni, mportanti li wiehed jidhol fil-fond tal-problema u mhux sempliciment imiss l-iskorca. Barra hekk ghalkemm hu mportanti li wiehed janalizza u fejn hemm bzonn jikritika b’mod kostruttiv, huwa daqstant importanti li wiehed jimpenja ruhu biex jaghti proposti fejn hu possibli.

It-tielet: Filwaqt li hu tajjeb li nikritikaw fejn mehtieg, jehtieg ikollna l-kuragg ukoll li nsostnu l-inizjattivi li jkunu qed jittiehdu favur bidla, anke jekk din tigi mill-Gvern. Hafna drabi meta l-Gvern jiehu decizzjoni biex iwettaq bidla, jispicca kkritikat minn dawk li ghandhom interess li l-bidla ma ssirx, izda ftit isib appogg fil-miftuh minn dawk li jkunu jaqblu, mis-silent majority. Hekk per ezempju meta jittiehdu inizjattivi favur facilitajiet ghall-immanigjar tal-iskart jew energija nadifa. Hafna drabi johrog b’sahtu n-NIMBY syndrome imma jibqghu siekta dawk li jemmnu fil-gid komuni.

Ir-raba: Jekk persuna tagħżel minn jeddha, li tidħol fix-xena pubblika permezz tal-posizzjonijiet li tiehu bil-pinna taghha, din trid tkun ukoll lesta li taċċetta skrutinju pubbliku għal dak li tikteb u ghal dak li taghmel. Persuna ma tistax tipretendi li tesponi dak li skond hi huma rregolaritajiet ta' haddiehor, izda mbagħad isib diffikulta’ li ssir diskussjoni wkoll fuq l-ghemil taghha.

Oct 16, 2009

Spazju miftuħ ieħor għat-tfal u l-familji

Ħadt gost immens dalgħodu nara t-trasformazzjoni li għaddejja f’Ta’ Qali fejn fi ftit ġimgħat oħra ser niftħu r-raba' estensjoni tal-Park Nazzjonali, dik li qed insejħu bħala Adventure Park. Post li sa’ ftit ilu qabel kien runway u li fl-ahhar snin kien jintuża bħala triq, bil-perikli kollha assoċjati magħha, issa nbidel f’park li joffri l-akbar livelli ta’ sigurta’ għat-tgawdija ta’ uliedna u tal-familji tagħna.

L-għan tagħna hu li x-xogħol jibqa’ għaddej b’ritmu mgħaġġel u sostnut bil-ħsieb li l-park ikun tlesta għal żmien il-vaganzi tal-Milied u dan biex it-tfal ikollhom post ieħor fejn jiddevertu u jqattgħu ħin liberu fil-miftuħ u f’ambjent bla perikli.

L-Adventure Park se jkun maqsum fi tnejn – parti immirata lejn tfal ta’ eta bejn 6-12 il sena li se jkollhom logħob adattat, inkluz play equipment ghal persuni bi bzonnijiet specjali, u parti oħra li se jkun fiha dawk li jissejħu rope courses li fihom jistgħu jsiru diversi eżerċizzji. L-Adventure Park se jkollu fih 5 water features, uhud minnhom inter-attivi.

Irrid nirringrazzja lill-Bank of Valletta u lill-Ambaxxata Amerikana f’Malta li qed jassistuna finanzjarjament fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Bejniethom hallsu ghal ftit nqas minn terz mill-ispiza. Il-Park se jigi jqum mal-1.3 Miljun Euro. Ringrazzjament partikolari jmur lid-Dipartiment tal-Parks u lill-ħaddiema kollha, mill-kbir saż-żgħir, li qed wettqu dan il-proġett.
http://www.timesofmalta.com/articles/view/20091016/local/adventure-park-being-set-up-at-taqali

Oct 14, 2009

Nefqa favur l-ambjent

Nisimgħu spiss dwar emissjonijiet, tniġġiż, miri li għandu pajjiżna u affarijiet relatati. Sfortunatament, ħafna drabi nispiċċaw ma nirrealizzawx biżejjed il-piż finanzjarju li jkollu jinġarr biex jiġu indirizzati dawn l-issues daqstant importanti.

Smajna kif il-Korporazzjoni Enemalta se tniehdi modifiki għall-boilers tal-power station li mistennija jiswew mal-€20 miljun. Dawn il-modifiki, li mistennija jitlestew sal-2011, huma neċessarji biex jonqsu l-emissjonijiet, specjalment ta' nitrogen oxides, minn dawn il-boilers. L-Enemalta ħabbret ukoll li qed tlesti applikazzjoni għal fondi Ewropej biex tkopri din in-nefqa.

Ta’ min jgħid li l-Gvern diġa kien ħa passi biex jindirizza l-problema tal-emissjonijiet, fosthom bl-introduzzjoni tal-użu ta’ żejt b’livelli ta’ kubrit baxxi (low sulphur content). Dan it-tip ta’ żejt żied in-nefqa għall-Gvern konsiderevolment, xejn anqas minn €7 miljun fis-sena bhala average, pero dan kien neċessarju biex niżguraw li l-impjanti tagħna qed jikkonformaw ma’ dak li hu mitlub minnhom.

Għal ħafna, l-ambjent jista’ jfisser biss xi ħaġa astratta. Effettivament, l-ambjent jinħtieġ investiment kbir kif jixhdu dawn iċ-ċifri. Il-Gvern huwa impenjat li jkollu faċilitajiet konformi mad-Direttivi Ewropej, pero kulħadd irid japprezza li hemm piż finanzjarju x’jinġarr.

Jul 24, 2009

Anqas chargers

Fil-granet li ghaddew thabbar li l-EU rnexxielha tikkonvinci lill-manifatturi ewlenin tal-mobile phones biex dawn jaslu fi ftehim biex mill-aktar fis halli jiżviluppaw flimkien sistema fejn iċ-chargers tal-mobile phones ikunu universali, jiġifieri jaqblu għall-mudelli l-aktar importanti li hawn fis-suq. Din hija biċċa aħbar tajba, għaliex kif nafu lkoll, spiss tispiċċa jkollok tarmi charger li jkun għadu tajjeb għax ma jkunx jaqbel ma’ xi mudell ġdid ta’ mobile phone li tkun xtrajt.

Dan il-ftehim, li għalissa se jkun wieħed volontarju, għandu jqieħged is-sisien biex fil-futur qarib, nimmassimizzaw iktar l-użu taċ-chargers, bil-konsegwenza li narmu anqas minn dawn l-aċċessorji tant importanti fil-ħajja taħgna ta’ kuljum. Il-manifatturi li qablu ma’ dan il-pass bħalissa jirrapreżentaw madwar 90% tad-domanda tas-suq u għalhekk pass bħal dan għandu jagħmel differenza kbira.

Ningħaqad mal-awgurju tal-Kummissarju Verheugen li qal li jittama li l-użu taċ-charger għandu jibqa’ jkun żviluppat biex l-istess aċċessorju jkun jista’ jintuża f’apparat ieħor bħalma huma laptops u kameras tar-ritratti. Nistennew u naraw kif nistgħu inkomplu nużaw it-teknoloġija għas-servizz tagħna u tal-ambjent.

Mar 8, 2009

Kids Eco Summit

Il-bierah ħadt qattejt bosta sieghat mat-tfal li hadu sehem fl-ewwel Kids Eco Summit li organizza l-Ministeru flimkien mal-organizzaturi tal-Programm Eko-Skola. Riedna nuzaw din l-opportunita' biex nisimghu minghand it-tfal dak li jahsbu huma fuq iz-zewg strategiji dik tat-Tibdil fil-Klima u l-ohra dwar l-Immanigjar tal-Iskart li bhalissa qeghdin ghal konsultazzjoni pubblika.

Ikolli nghid li kemm jien kif ukoll il-Prim Ministru, li gie jitkellem mat-tfal waqt li kienu ghaddejjin il-workshops, l-veru mpressjonajna ruhna bl-entuzjazmu u l-ideat tat-tfal. Jgħiduhielek kif iħossuha, u mingħajr ħafna tidwir mal-lewża! Hafna minnhom tkellmu b'sahha favur l-EkoKontribuzzjoni fuq basktijiet tal-plastic anzi ssuggerew li naghmlu wahda ukoll fuq boroz tal-karti ! Meta staqsejt ghaliex qaluli: Ghax anke jekk ma jaghmlux hsara lill-ambjent iziedu l-ammont ta' skart !

Nieħu gost ninnota kemm it-tfal tagħna saru konxji minn temi li sa’ ftit ilu bilkemm kienu jissemmew f’pajjiżna. Ta’ dan ħaqqhom prosit għaqdiet bħan-Nature Trust u individwi bħal Paul Pace li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli permezz tal-EkoSkola.

Tieħu gost tisma’ tfal jagħmlulek argument imżewwaq bi proposti konkreti ta’ x’għandu jsir! Spiss nitkellmu dwar il-ġenerazzjonijiet futuri – il-bierah ħadt gost nara lil dawn il-ġenerazzjonijiet jiddiskutu huma stess il-futur tagħhom. Ħadd daqshom m’għandu interess li jaċċerta li dan ikun futur mill-aqwa! Is-sena d-diehla naghmlu Kids-Eko-Summit iehor zgur.

Nov 3, 2008

Budget '09 - Responsabilita' u Sostenibilita'

Ftit tal-ħin ilu l-Ministru Tonio Fenech temm jipprezenta l-budget għas-sena d-dieħla, budget li hu l-ewwel wieħed għalih u l-ewwel wieħed għal din il-leġislatura. Budget li sa ċertu punt huwa wieħed straordinarju meta tqis il-kuntest ta’ krizi internazzjonali li għaddejja bħalissa madwar id-dinja kollha. Proprju llum il-Kummissarju Ewropew, Almunia, ddeskriva s-sena d-dieħla bħala waħda ‘b’orizzont skur ħafna’.

Budget li fost affarijiet ohra fih incentivi favur energija nadifa u tnaqqis fil-hela tal-energija. Pakkett finanzjarju li jinkludi ukoll mizuri li jkomplu jintroducu fil-pajjiz il-principju ta' "min ihammeg ihallas".

Fost l-oħrajn il-Gvern zamm mal-weghda elettorali li ghamel u niehda skema ta’ bozoz energy saving b’xejn ghal kull familja. Barra hekk hemm incentivi kemm ghall-familji kif ukoll ghall-industrija biex tiggenera energija nadifa, inkluz permezz ta' solar water heaters u photovoltaic panels. Din l-inizjattiva ser tkun ikkumplimentata bit-tahrig ta’ numru ta’ nies li ser izuru d-djar taghna jedukaw lir-residenti fuq l-uzu aktar ghaqli tal-energija.

Minn naha l-ohra hemm eko kontribuzzjoni fuq it-tqassim ta' leaflets u materjal kummercjali li sar idejjaq lin-nies, kuljum bil-letterbox mimlija. Kif ukoll mizura biex nkomplu nindirizzaw
l-uzu esagerat tal-basktijiet tal-plastik. Ser ikun hemm prezz ta’ 15-il ewro cent fuq kull basket. Hwienet li jinqabdu ma jzommux flus ghal xi baskett tal-plastikk mogħti minn fuq il-bank ser ikunu immultati €500.

B'hekk ghal darb'ohra urejna li l-ambjent huwa pilastru mportanti tal-politika taghna lejn zvilupp sostenibbli ghal pajjizna. Zvilupp li filwaqt li jistimula attivita' ekonomika fl-istess waqt ihares lejn titjib ambjentali.

Oct 25, 2008

Clean-up bil-fjuri

Matul l-ahhar tlett ijiem kellna Clean-Up madwar Malta u Ghawdex. B'kollox ippartecipaw madwar 2,400 persuna f'dawn it-tlett ijiem. L-idea kienet li ngeghlu lill-pubbliku jiprotesta kontra it-tfiegh ta' skart billi jaghmel azzjoni posittiva. Hadu sehem diversi gruppi, minn girl guides u scouts sa abseilers, minn haddiema klerikali tal-MEPA sa haddiema tal-id tat-Taqsima tax-Xoghlijiet, minn sewwieqa tal-go-karts ghal divers. Kollha taw semhom.

L-attivita' tat-tindif li l-aktar impressjonatni kienet dik tal-bierah fejn haddiema tat-Taqsima tax-Xoghlijiet naddfu area kbira bejn Zonqor Point, M'scala u x-Xaghra. Kien hemm minn kollox ! TVs, washing machines, injam, pipes, madum tal-kmamar tal-banju u sahansitra sinks u toilets ! Tal-misthija kif nies irrendew din il-parti tant sabiha tal-kosta tan-naha t'isfel ta' Malta. Ma nistax nifhem xi htiega hemm li persuna tarmi oggetti hawn meta ghandna s-servizz tal-bulky refuse collection jew tal-facilitajiet tal-iskart goff (CAS).

Wiehed mill-attivitajiet l-aktar interessanti kienet dik ta' madwar 16-il girl guide li dalghodu marru fi Triq ir-Republika u lil kull min qabdu jitfa xi haga fl-art tawh fjura b'messagg "Ghandna bzonnok...titfax affarijiet fl-art". Messagg posittiv minflok citazzjoni. Ghal llum biss. Minn ghada min ma jismax bis-sewwa ikollu jisma bid-dnewwa !

Jun 13, 2008

Tlett sieghat tal-genn mat-tfal !

Il-bierah ghaddejt tlett sieghat veru sbieh mat-tfal f'attivita' tal-Birdlife bl-isem Dear Minister bhala parti mill-programm Dinja Wahda. Tlett sieghat ta' Question Time ! Tfal minn diversi skejjel qrawli madwar 20 ittra. Ittri miktubin tajjeb hafna. Esprimew ruhhom bis-sens u minghajr tidwir mal-lewza !

Minn naha tieghi qghadt attent li nwiegeb il-kummenti u l-mistoqsijiet taghhom kemm jista jkun b'lingwagg semplici. Mhux facli hafna drabi tfiehem certi ideat u spjegi teknici b'mod li t-tfal jifhmu. Izda t-tfal kienu attenti u stajt ninduna li qed isegwu. Biex inzomm l-attenzjoni taghhom tfajtilhom xi zewg battuti u cajtiet.

Laqatni l-fatt li l-parti l-kbira minnhom stqarrew li apprezzaw il-hidma li ghamilna fl-ahhar snin fil-qasam ambjentali, imma ma ddejjqu xejn isaqsu ghall-impenn akbar. Xtaqt li kien hemm aktar mill-kollegi tieghi biex anke huma jifhmu x-xewqat li ghandha l-generazzjoni l-gdida.

Tkellmu fuq firxa wiesgha ta' temi li jmissu mal-ambjent. Mill-hitan tas-sejjiegh ghal htiega li ma nahlux l-ilma. Tkellmu fuq il-htiega ta' aktar harsien ghall-annimali, l-uzu ta' energija nadifa, l-impatt tal-barrieri tal-gebel, il-kacca u l-qbid tal-hut. Ma kienux tlett sieghat facli, imma l-veru hadt gost. Din il-generazzjoni l-gdida taf ezattament xi trid. Tghallimt minghandhom !

Mar 5, 2008

L-ewwel Adventure Park

Il-bierah jien u Tonio Fenech spjegajna lill-media l-progett il-gdid ta' l-ewwel Adventure Park f'pajjizna. Dan se jissostitwixxi parti konsiderevoli mir-runway li hemm gewwa Ta' Qali u fil-fatt se jkopri madwar 92,500 metru kwadru ta’ art. Din se tkun it-tielet estensjoni ghall-Park Nazzjonali f'Ta' Qali li issa sar aktar popolari mal-familji.

L-Adventure Park ser ikun fiħ facilitajiet għat-tfal zghar, zghazagh u anke adulti li jinkludu high rope courses, low rope courses, climbing tower, track tar-roti, jogging track u facilitajiet ohra. Il-Park ser ikun ta’ attrazzjoni għall-persuni kollha mill-kbar saż-żgħar, u se jkun hemm facilitajiet anke ghal persuni bi bzonnijiet specjali.

Dan huwa proġett ieħor li jixhed kemm il-ħolqien ta’ spazji ta’ rikrejazzjoni ġodda kienet parti integrali mill-viżjoni ambjentali ta’ din l-amministrazzjoni. Il-park hu mistenni li se jiswa madwar 700,000 Euro u se jikkontribwixxi ghalih il-Bank of Valletta, in-National Lotteries Good Causes Fund u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti. Galadarba jitlesta f'Ottubru ta' din is-sena, il-Park se jigi ffirmat management agreement mal-Kumitat Olimpiku Malti.

Mar 2, 2008

Park Nazzjonali Salini

Dalghodu il-Prim Ministru u jien inawgurajna l-Park Nazzjonali tas-Salini li huwa estensjoni ta' Kennedy Grove li issa kabbar din iż-żona b'ħames darbiet dak li kienet originarjament.

Fil-Park tas-Salini tħawlu 11-il elf siġra li ngħataw minn familji, kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra. Is-siġar ġew minn individwi, familji – minn okkażjonijiet speċjali bħal jum l-omm, jum il-missier, u mat-28 kumpannija jew organizzazzjoni li kkontribwew għal din il-kampanja.
Dan huwa li jagħmel minn dan il-park ġdid – park magħmul, mhux mill-Gvern iżda mill-poplu għall-poplu. Izda dan mhux bizzejjed.

Minnufih ser ikunu qed jibdew ix-xogħolijiet fuq it-tieni fażi tal-proġett li ser jinkludu: ir-restawr tal-mafkar ta’ JF Kennedy, l-installazzjoni ta' play area gdida ghat-tfal kif ukoll tigi rrestawrata l-marshland li darba kienet tezisti. It-tieni fazi sejra tiswa madwar €700,000 u mistennija tigi ffinanzjata mill-programme LIFE+ tal-UE.

Imbaghad skond il-Masterplan li thejja tibda t-tielet fazi tal-proġett li ser tkun tinvolvi ir-restawr tas-Salini biex dawn isiru attrazzjoni fihom infushom. Din il-fazi mistennija tiswa madwar 10 Miljun Euro li mistennija jkunu ffinanzjati mill-Fond tal-UE ghall-Izvilupp Rurali.

Insomma niehu gost li ftahna zona ohra f'pajjizna ta' rikreazzjoni ghall-familji Maltin. Fuq il-plakka kommemorattiva ktibna "....dan huwa post ta' mistrieh ghat-tfal, zghazagh, l-familja ta' llum u l-generazzjonijiet li jigu warajna..."

Feb 14, 2008

Irricikla t-Tlieta

Illum jien u Tonio Fenech habbarna sistema ta' gbir materjal ghar-riciklagg minn wara l-bibien tan-nies. Permezz ta' din is-sistema, li se tibda tiġi mplimentata mill-1 t'April li ġej, f'borza specjali li se tinghata wiehed se jkun jista kull nhar ta' Tlieta johrog il-metall, il-karti u l-plastik.

Is-sistema tal-ġbir ta' l-iskart domestiku li nużaw bħalissa se tibqa' fis-seħħ izda magħha se tiżdied kollezzjoni oħra, kull nhar ta' Tlieta fil-każ ta' Malta u kull nhar ta' Tnejn fil-każ ta' Għawdex, ghall-iskart separat. Sa minn nofs Marzu, il-kunsilli lokali se jipprovdu boroż tal-plastik apposta biex il-familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jisseparaw l-iskart. Is-sistema se tiġi amministrata mill-kunsilli lokali.

Matul l-ahhar erba snin kellna success kbir fil-gbir ta' skart separat mill-Bring In Sites tant li filwaqt li fl-2003 gbarna 188tunellata fl-2007 gbarna kwazi 1900 tunellata. M'ghandiex dubju li b'din is-sistema l-pubbliku se jzied il-parteċipazzjoni tieghu fis-seperazzjoni ta' l-iskart u jikkontribwixxi biex anke dan is-servizz ikun suċċess.

Il-pajjiż seta' jieħu dan il-pass għaliex għandu l-Impjant ta' Riċiklaġġ Sant'Antnin. Din is-sistema ġdida hija pass ieħor fit-twettieq ta' l-istrateġija tal-Gvern fl-immaniġġjar ta' l-iskart. Ghal darb'ohra urejna li kapaci naslu biex b'diskussjoni serja mal-partijiet kollha kkoncernati nibnu sistema li tibni fuq dak li diga ghamilna.

Issa ovvjament irridu nfehmu lin-nies u fil-fatt dalwaqt se tinbeda kampanja edukattiva bl-isem "Irricikla t-Tlieta". Ghazilna dan is-slogan ghax il-gabra se ssir kull nhar ta' Tlieta u se jingabru tlett materjali.

Feb 13, 2008

Harsitna 'l quddiem lejn ambjent ahjar

Il-bierah il-Prim Ministru ħabbar numru ta’ proposti li l-PN ser ikun qed iwettaq fil-qasam tal-ambjent ladarba jerġa jingħata mandat mill-poplu nhar it-8 ta’ Marzu.

M’hemmx dubju li l-post li ntgħażel mill-Prim Ministru Gonzi biex jagħmel il-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-bierah kien sinifikanti ħafna għax il-post innifsu huwa xhieda ta’ l-avvanzi kbar li għamilna fil-qasam ta’ l-ambjent fl-aħħar snin. Sa ftit snin ilu, ħadd ma kien jimmaġina li l-miżbla tal-Magħtab qatt kienet ser tilqa’ l-avveniment li kien ser jifrex il-politika tal-PN f’dan il-qasam għall-ħames snin li ġejjin.

Il-punt tat-tluq tal-Prim Ministru kien dak li rnexxielna niksbu fl-aħħar erba snin – ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab, il-kisbiet kbar fl-immaniġġjar ta’ l-iskart, il-ftuħ ta’ inċineratur u l-għeluq ta’ l-inċineraturi antiki, l-edukazzjoni ambjentali u t-trawwim ta’ kuxjenza ambjentali akbar fil-poplu tagħna.

Qal ukoll iżda li għad fadal ħafna xi jsir. Semma żewġ sfidi ewlenin għall-futur: Il-bilanċ li rridu nsibu f’pajjiż tad-daqs tagħna, bejn il-kwalita’ tal-ħajja, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-izvilupp ekonomiku u l-bidla fil-klima li taffettwa lil pajjizna direttament bhala gżira fl-istess ħin li l-prezz dinji taż-żejt qiegħed dejjem jogħla.

Biex nindirizzaw il-bidla fil-klima ħriġna bi proposti bħall-għoti ta’ energy-saving bulbs, l-ħolqien ta’ offshore wind-farm ta’ 100 MW, aktar inċentivi biex il-poplu jinvesti f’sorsi ta’ enerġija rinovabbli, ir-riforma tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għal waħda ibbażata fuq il-polluter-pays principle u l-inizjattiva biex Għawdex tinbidel fi gżira ekoloġika.

Il-Prim Ministru intrabat ukoll li jirriforma l-MEPA biex tiżdied aktar l-effiċjenza skond miri stabbiliti; tkompli tiżdied it-trasparenza u l-accountability; jonqsu l-inkonsistenzi fid-deċiżjonijiet u biex jissaħħaħ l-infurzar. Dr. Gonzi qal li f'legislatura ohra hu se jiehu din l-MEPA taht ir-responsabilita diretta tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Irrid nghid li kont jien stess li ssuggerejtlu jaghmel dan wara 10 snin responsabbli minn din l-Awtorita', fatt li Lawrence Gonzi rrefera ghalih. Jien nemmen li dan huwa mehtieg mhux biss ghax il-MEPA ssir aktar l-ghodda ghal zvilupp sostenibbli f'pajjizna izda ukoll ghax l-ipprocessar ta' applikazzjonijiet ta' zvilupp mill-MEPA jiddependi ukoll fuq l-efficjenza tar-rispons li jaghtu entitajiet u anke Ministeri oħrajn.

Inħossni tassew kburi li dak li wettaqna fl-aħħar erba’ snin f’dan il-qasam qed iservi ta’ pedament sod għall-viżjoni li għandna għall-ġejjieni.

Feb 9, 2008

Nifthu l-ewwel parti mill-impjant ta' Sant'Antnin

Dalghodu kelli x-xorti niftah l-ewwel parti mill-progett ta’ l-upgrading ta’ l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin. L-avveniment tal-lum huwa milestone għall-politika ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart ta’ pajjiżna.

L-ewwel parti tikkonsisti fil-Material Recovery Facility li se titratta 36,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli mill-aktar minn 200 sit tal-kontenituri għall-iskart riċiklabbli (bring-in-sites) kull sena.

B'kollox l-immodernizzar ta’ l-Impjant f’Sant Antnin qed isir b’investiment ta’ €27 miljun, li minnu 70% huma fondi tal-Unjoni Ewropeja. It-30% l-oħra ser jinħarġu mill-Gvern Malti. Ma' dawn il-Gvern qed jinvesti €11 miljun oħra biex isiru ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni meħtieġa.

Il-commissioning ta’ din il-parti ta’ l-Impjant huwa ħolqa kruċjali biex inkomplu inżidu l-ammont ta’ skart li nirriċiklaw. Il-ġimgħa d-dieħla, fil-fatt ser inkunu qed inħabbru id-dettalji ta’ kif ser tibda titħaddem is-sistema ta’ ġbir ta’ skart ta’ l-ippakkjar bieb bieb darba fil-ġimgħa mil-lokalitajiet kollha f’Malta w Għawdex.

Dan l-impjant state-of-the-art huwa prova oħra ta’ kemm il-Gvern ħa dan il-qasam bis-serjetà fl-aħħar snin. Kienet din is-serjetà u d-determinazzjoni tagħna li evitatilna l-problemi serji bħal dawk li qed jiffaċċjaw pajjiżi ġirien tagħna.

Jan 27, 2008

Esperjenza mill-isbah.

Illum wara nofsinhar il-Prim Ministru u jien konna prezenti ghall-event "ESPERJENZA l-Majjistral - Park ta’ Natura u Storja". It-temp habbna u n-nies irrispondew sew. Nies ta' kull eta' li gew hemm igawdu l-ambjent naturali u storiku ta' dan il-park li fih medda ta' art hames darbiet daqs il-Belt Valletta.
Impressjonajt ruhi bil-mijiet ta' nies li gew biex jimxu f'dan il-park, li kif qaluli hafna minnhom kienu ghadhom qatt ma gew fih. Mijiet ippartecipaw f'guided walks, liema mixjiet se jibqghu jkunu organizzati kull Sibt u Hadd.

Il-Prim Ministru u jien assistejna ukoll ghall-iffirmar tal-ftehim bejn il-Gvern u tlett NGOs li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent, Din l-Art Ħelwa, Gaia Foundation, u Nature Trust li se jmexxu flimkien mal-Gvern dan il-Park skond Pjan ta’ Mmaniġġjar li jirregola l-attivitajiet li jsiru fis-sit tal-Park. Il-pjan manigerjali gie diskuss f’diversi laqgħat mal-pubbliku u kien hemm parteċipazzjoni estensiva kemm ma l-għaqdiet mhux governattivi u anke ma’ entitatjiet privati u ohrajn pubblici.

Wara li fil-gimghat li ghaddew sar xogħol ta’ tindif ta’ skart minn fuq is-sit b’medja ta’ erba’ trakkijiet kuljum, f'Settembru l-Bord Manigerjali, taht it-tmexxija ta' Dr.Stanley Zammit, flimkien mal-MEPA u mal-Ministeru tal-Ambjent ssottometta proposta halli jkunu investiti madwar €3.0 milljuni mill-Fondi Strutturali tal-UE fir-riabilitazzjoni tas-sit, l-istabbiliment ta’ Visitors centre, restawr tas-siti arkeologici kollha, restawr ta’ hitan tas-sejjiegh u restawr ta’ ambjenti naturali.
Ghal aktar informazzjoni idhol fuq: www.majjistral.org

Minn miżbla għal park rikreattiv

Is-Sibt wara nofsinhar il-Prim Ministru u jien zorna l-ewwel parti tal-mizbla tal-Maghtab li giet landscaped. Meta nhares lura u nara minn fejn tlaqna bilkemm nista nemmen li wasalna f'dan. Li kieku ma ksibniex progress sostanzjali fir-rijabilitazzjoni tal-miżbla antika tal-Magħtab, kieku llum ma konniex inkunu f’pożizzjoni mmorru hemm biex naraw it-trasformazzoni tal-parti t'isfel tal-mizbla l-antika tal-Maghtab.

Parti importanti mir-rijabilitazzjoni kien it-trattament tal-gassijiet li joħorġu mill-miżbla. Għal dan diġa intefqu €4 miljuni mit-€8.8 miljuni li hemm allokati għal dan il-proġett. Studju reċenti wera li mhux biss mexjin fit-triq it-tajba, iżda li r-riżultati li qed iħalli dan il-proġett huma eċċellenti. S'issa tħaffru aktar minn 90 bir għall-estrazzjoni tal-gass izda fadal madwar 500 ohra x'jithaffru.

Is-sit bħal issa qed jiġi imħawwel b’diversi sigar u arbuxelli indiġeni li jifilħu kemm għar-rh kif ukoll għal-melh fl-arja ta’ dawn l-inħawi. S'issa diġa tħawwlu ma’ l-2,100 arbuxell u ħxejjex oħra. Dawn kollha tkabbru fin-Nursery ta’ Wied Inċita. Diġa ġiet installata sistema ta’ irrigazzjoni biex dawn ikunu jistgħu jibqgħu jissaqqew fis-sajf. Shaun Wallis f'isem l-HSBC offra 30,000 euro ghas-sigar.

Il-holma taghna li din il-mizbla li kienet thamrilna wiccna sa ftit tas-snin ilu nitrasformawha f'zona kbira ta' rikreazzjoni ghall-familja maltija bdiet is-sehh. Biex naghmlu dan hu mistenni li fis-snin li gejjin irridu nonfqu mat-30 Miljun Euro iehor.

Jan 6, 2008

Napli teghreq fl-iskart

Meta tara minn xhix ghaddejja l-belt ta' Napli u r-regjun tal-Campagna fi Sqallija bilfors tasal ghall-istess konkluzzjoni tal-President Taljan, Napolitano, "Mhux biss inhossni nkwetat, inhossni allarmat !".

Sa ftit taz-zmien ilu l-iskart ta' n-naha ta' isfel tal-Italja kien jigi trasportat lejn pajjizi Ewropej ohra jew jintefa f'mizbliet illegali. Issa li dawn il-pajjizi Ewropej ma baqghux jaccettaw l-iskart, Napli u r-regjun spicca jerqghu fl-iskart. Bhas-soltu l-ebda komunita' ma trid il-facilitajiet hdejha u qamu l-protesti. Sfortunatament spiccaw ghaddew is-snin u hadd ma ddecieda.

Inhossni kburi li fl-ahhar erba' snin imxejna kontra l-kurrent biex ma nispiccawx fl-istess sitwazzjoni ta' Napli. F'certi mumenti hassejna ruhna wahedna, izda komplejna ghaddejjin minkejja t-theddid u t-tfixkil. Konna certi li s-soluzzjonijiet li konna qed noffru kienu soluzzjonijiet li ghalkemm mhux popolari kienu mehtiega. U mn'alla ghamilna hekk.

Illum li ghandna engineered landfills, illum li qbadna sew ir-ritmu tar-riabilitazzjoni tal-Maghtab u Wied Fulija, illum li ghandna inceneratur state of the art fil-Marsa, illum li wasalna biex nibdew inhadmu l-impjant ta' Sant'Antnin, bilkemm ma nahsbux li kollox waqa mis-sema.

Problemi ghad ghandna. Izda fil-qasam tal-immanigjar tal-iskart zgur li urejna li kapaci nsibu soluzzjonijiet minghajr terremoti. Pier Ferdinando Casini llum akkuza lill-Ministru tal-Ambjent Taljan, Pecoraro Scanio. li jmexxi ukoll l-Partit tal-Hodor, li s'issa kien biss "il signor no", jghid le ghal kollox. Jekk ghandux ragun jew le Casini ma nafx. Li hu zgur huwa li f'Napli hemm bzonn min jiddeciedi u jimxi kontra l-kurrent inkella se jibqghu jerqghu fl-iskart !