It-Times of Malta ftit tal-granet ilu għalqet 75 sena mill-ewwel edizzjoni tagħha. It-Times bdiet ftit snin biss qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Hadt pjaċir nara s-suppliment li ħarġet għall-okkażjoni u li ta ħarsa ġenerali lejn l-edizzjonijiet ewlenin tat-Times li mmarkaw l-istorja ta’ pajjiżna, tal-Ewropa u tad-dinja, ħafna drabi magħġunin it-tlieta flimkien. It-Times illum hi istituzzjoni tal-ġurnaliżmu fil-pajjiż u saret istituzzjoni għax għaddiet minn ġrajjiet li sawru l-istorja ta’ pajjiżna - uħud sbieħ ferm, oħrajn koroh.
L-aktar ġrajja li għaddiet minnha t-Times li hi minquxa fil-memorja ta’ nies li għandhom bejn wieħed u ieħor l-eta’ tiegħi hi meta konna teenagers u niftakru t-Times tinħaraq mill-marmalja tal-Partit Laburista li hadd ma kien jikkontrolla. Minkejja dan, it-Times tibqa’ l-gazzetta li la l-gwerra u lanqas il-ħruq ma tellfuha edizzjoni mqar waħda għax f’Ottubru 1979 ġiet stampata xorta fl-Istamperija Indipendenza.
It-Times għelbet l-aggressur minn barra fil-passat u jien ċert li tegħleb ukoll l-aggressur li llum xorta hemm qed jhedded il-media kollha minn ġewwa, jiġifieri l-mod kif ħafna mezzi ġurnalistiċi - kemm f’Malta kif ukoll barra - qed isiru donnhom il-mezzi fil-kampanji personali ta’ ġurnalisti individwali aktar milli sors ta’ fatti u kummenti li t-tnejn ikunu separati sew u li jirrispettaw lill-qarrejja. Imbaghad hemm zewg theddidiet oħra: it-tentazzjoni tal-populiżmu u s-superfiċjalita’, kif ukoll it-tentazzjoni li jitpinġa kollox ikrah bl-idea tat-tabloids li bad news sells.
Kif għedt, m’għandix dubju li t-Times mhux biss tegħleb dawn it-theddidiet ta’ żmienna imma wkoll tkun ta' eżempju għal oħrajn. Nawgura ħafna lit-Times, lid-diriġenti, lill-ħaddiema, lill-ġurnalisti, lill-opinjonisti u lill-qarrejja kollha tagħha. J’alla jibqghu jkunu ta’ servizz ghal gid komuni ta’ pajjizna.
No comments:
Post a Comment