Nov 11, 2011

Hajja gdida lill-arlogg ta' Pinto

Sa ftit tas-snin ilu, tlett affarijiet kienu jdejquni sew jien u dieħel il-Parlament: l-istat ta’ Piazza San Gorg, l-arloġġ tal-Mainguard dejjem wieqaf u l-arlogg tat-Torri ta’ Pinto tal-Palazz ukoll wieqaf. Issa rrangati u jiffunzjonaw kollha. Il-bieraħ żort ix-xogħlijiet ta’ restawr li l-Ministeru tiegħi għadu kemm lesta kemm fuq l-istruttura tal-gebel tat-Torri, fuq il-mekkaniżmu tal-arloġġ nnifsu kif ukoll fuq l-istatwi u l-kniepen li jinsabu fuq it-torri li jinsab f’waħda miż-żewġ btieħi tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Kapitali tagħna.

Dan l-arloġġ li nbena fl-1745 mill-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca, huwa wieħed mill- isbaħ arloġġi li għandna hawn Malta izda sfortunatament kien ilu snin twal ma jahdem minhabba l-hsarat. Il-mekkaniżmu tal-arloġġ kien magħmul minn Gaetano Vella, arluġġar rinomat li ddisinja arloġġi f’diversi knejjes hawn Malta. Dan l-arloġġ jikkonsisti f’erba’ statwi tal-bronż, magħrufa bħala jacquemarts, li jduru minn qaddhom biex idoqqu l-qniepen. Huwa maħsub li dawn l-istatwi jissimbolizzaw skjavi Torok.

Ix-xogħol tmexxa minn grupp t’esperti fil-qasam tar-restawr mill-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u minn Heritage Malta. Ir-restawr tal-istruttura tal-ġebel sar mill-ħaddiema tar-restawr taħt it-tmexxija tal-Perit Mireille Fsadni. Fuq il-mekkaniżmu tar-arlogg ħadem is-Sur Stephen Zammit, li litteralment żarma, sewwa u rema mill-ġdid l-arloġġ bicca bicca. Minn naha l-oħra s-Sur Kenneth Cauchi ħa ħsieb ir-restawr tal-qniepen u jacquemarts. L-interventi maħdumin b’għaqal reġgħu ħarġu s-sbuħija ta’ erba’ uċuħ tal-arloġġ: tan-nofs turi biss is-siegħa, u t-tlieta l-oħra juru ix-xahar, id-data, u l-fażi tal-qamar. Dan ix-xogħol, ġie jiswa €120,000, kien iffinanzjat minn fondi nazzjonali u nbeda f’April tal-2010. Dan il-proġett jingħaqad mar-restawr l-ieħor tal-faccati tal-Palazz. Hekk kif il-Parlament Malti s-sena d-dieħla jkun trasferit fil-binja l-ġdida, mbagħad jibda x-xogħol ta’ restawr tal-Palazz minn ġewwa halli dan it-tieni l-isbaħ ġojjell tal-Belt Kapitali tagħna jsir il-vetrina tal-kultura tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Biex dan il-ġojjell jitgawda aktar mill-pubbliku nġenerali se ssir open day biex il-pubbliku jkun jista’ japprezza aktar dan ix-xogħol li sar. Din se norganizzawha fid-19 ta’ Novembru bejn id-9am u s-2pm. Kull min hu nteressat li jattendi għandu jirriserva post billi jibgħat email fuq rpo.mrra@gov.mt. Sfortunatament minħabba ċ-ċokon tal-post ma nistgħux niftħu l-bibien għal kulħadd u għalhekk qed nesiġu li min hu nterssat li jżur dan il-proġett ta restawr jirrżerva post.

1 comment:

Unknown said...

i love that clock since i was a little girl i use to go to valletta with my father and grandfather to the greek church every sunday and after mass they use to take me to see the clock and now i am taking my grandkids to see the clock and explain its history which i love very much thank you deeply for fixing it thank you.