Showing posts with label Belt Valletta. Show all posts
Showing posts with label Belt Valletta. Show all posts

Feb 20, 2013

Valletta u Cortona



Niftakar sew li ħames snin ilu fl-ewwel laqgħa li kelli mal-ufficjali tat-Taqsima tar-Restawr hekk kif inħtart Ministru responsabbli mill-qasam tar-restawr kont esprimejt id-diżappunt tiegħi li f’pajjiżna kien għad ma għandniex centru li fih issib spjega tal-patrimonju kbir ta’ fortifikazzjonijiet li nsibu f’pajjiżna u li kelli x-xewqa li niprovdu centru bħal dan. Niftakar li Dr.Stephen Spiteri kien dlonk intervjena u qalli “Grazzi Ministru għax din ukoll ilha għal ħafna x-xewqa tiegħi !”. Pront weġibtu, “Tajjeb mela jien se nara li nsibu l-post u inti flimkien ma’ sħabek tridu tagħmluh.” Issa dan ic-centru The Fortress Builders għamilnih ukoll. Ircivejt bosta kummenti posittivi mingħand dawk li għoġobhom imorru jarawh sa llum.  
 
Imma dik l-idea stajna nwetquha biss għax sibna l-fondi meħtiega. Facli toħlom proġetti. Imma l-proġetti tista twettaqhom biss jekk ikollok ir-riżorsi finanzjarji. Bid-dħul ta’ pajjiżna fl-UE, ġibna 36 Miljun Euro biex nagħmlu l-akbar proġett ta’ restawr tas-swar li qatt sar f’pajjiżna u ddecidejna li nuzaw ftit ‘l fuq minn 2.3 Miljun Euro anke minnhom biex nagħmlu anke dan ic-centru. Xogħol fuq is-swar tal-Belt Valletta, il-Birgu, l-Imdina u c-Cittadella li ħoloq opportunitajiet ta’ xogħol għal madwar 800 ħaddiem u 50 kuntrattur.  
 
Minn binja mġarrfa u mitluqa dawwarniha f’centru ta’ valur kbir. Ix-xogħol tal-periti u l-ħaddiema diġa ġie aprezzat u anki mgħoti it-2012 Din L-Art Helwa Award for Architectural Heritage ghal 2012. Imma aktar mill-binja nnifisha hija mportanti l-wirja li poġġejna fiha. F'dan ic-centru wieħed mhux biss jista jara mudelli tal-fortifikazzjonijiet ta’pajjiżna, li saru b’tant pacenzja mill-ħaddiema tal-Modelling Unit, izda jista litteralment jesplora is-swar b’mod interattiv permezz ta’ immagini digitali.  
 
Ħsibna li jkun xieraq għalhekk li fl-okkażżjoni tal-ftuħ ta’ dan ic-centru nġibu f’pajjiżna ħames pjanti oriġinali tal-Belt Valletta li kien għamel l-Inġinier Francesco Lapparelli mill-Mużew tal-belt Taljana ta’ Cortona li kienet il-belt tal-familja Lapparelli. Żort din il-Belt sentejn ilu. Belt antika ħafna. Iżda meta kont hemm ħafna qaluli li x-xogħol ta' restawr kien majna ħafna minħabba l-kriżi ekonomika fl-Italja. X'ironija. Filwaqt li aħna għax għandna ekonomija li baqgħet b'saħħitha stajna nsostnu programm ta' restawr li l-Belt Valletta qatt ma kienet rat bħalu sa llum għax apparti l-fondi ewropej infaqna għexieren ta’ miljuni oħra fuq ir-restawr minn fondi tal-istat. Biżżejjed ngħid li c-centru li fih qed ikunu esebiti l-pjanti li ġew minn Cortona huwa wieħed mis-sensiela ta’ 30 proġett ta’ restawr li wettaqna ġewwa l-belt kapitali tagħna.


Dec 15, 2011

Centru ghall-Volontarjat

Hekk kif qed naslu fit-tmiem ta’ din is-sena Ewropea ddedikata għall-Volontarjat, il-Gvern iddeciedi li jaghti jimmarka din is-sena billi jibda l-ħidma tiegħu biex iwaqqaf Centru għall-Volontarjat fil-Belt Kapitali. Il-bieraħ flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaz-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli u s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi ħabbart li dan ic-Centru se jkun proprju fil-bini tal-Biċċerija l-antika fil-Belt li ilu għal snin twal mitluq, dilapitat u abbużat. Binja li qegħda bejn il-Berġa ta’ Baviera u l-Palazz tal-Arcisqof. Din kienet żona ndustrijali fi żmien il-Kavallieri. Issa din iż-żona se nagħtuha injezzjoni ta’ attivita’.

Dan il-proġett li se jiswa mal-miljun euros ġaladarba jitlesta se jingħata għall-użu tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. Din il-Binja għandha skop li tintuża bħala ċentru għall-użu tal-għaqdiet volontarji prattikalment f’uffiċini u spazji li jistgħu jutilizzaw. Hemmhekk għandhom isibu servizzi komuni li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom. Is-sular ta’ isfel ukoll se jkun idedikat għal-arti u kreativita’. Bażikament hawnhekk se jinħoloq spazju għall-artisiti ż-żgħar biex juru u jkabbru t-talenti tagħhom.

Dan il-proġett huwa turija tal-apprezzament tal-Gvern lejn il-ħidma volontiera ta’ għadd kbir ta’ persuni li jaħdmu b’xejn u mill-qalb f’varjeta’ ta’ oqsma soċjali u kulturali. Dan il-proġett iżżewweġ il-wirt storiku ta’ din il-binja mal-bżonn li ghandhom tant ghaqdiet volontarji u NGOs ta’ post fejn jiltaqghu. Il-kuncett ta’ syndicate rooms li ser ikun zviluppat f’din il-proprjeta se jimla vojt li kienu ilu jinħass f’dan il-qasam tal-volontarjat f’pajjiżna. Il-volontarjat hu teżor li aħna għandna apprezzament kbir lejh għax huwa simbolu tas-solidarjeta’ fis-socjeta’ tagħna.

Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni jifforma parti mill-kullana ta’ 40 proġetti ta’ restawr, tisbih u riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali tagħna li dan il-Gvern iwettaq. Waqt li konna qed indawru lill-ġurnalisti mas-sit, ħarġet waħda anzjani minn waħda mill-gallarijiet tal-madwar u bdiet tilmenti mill-istat ħażin li tinsab fiha din il-binja. Meta għidtilha li se nagħmlu ntervent biex nagħtu ħajja ġdida, kienet pronta qaltli “Nittama li ngħix sakemm tlestuh”. F’qalbi għidt, “Issa nispera li meta nlestuh ma tgħdilniex li ġibnilha l-istorbju ħdejha !”

Nov 26, 2011

Lestejna wkoll il-Kappella ta' Santa Katerina

Il-proġett estensiv tar-restawr minn ġewwa tal-kappella ta' Santa Katerina ta' Lixandra fil-Belt Valletta issa tlesta u l-bieraħ fil-jum dedikat lill-qaddisa ġie inawgurat. Kappella li nbniet bħala l-kappella tal-Kavallieri Taljani u li llum tintuża mill-komunita’ Taljana f’Malta. Verament ġojjell artistiku li issa ngħata lura d-dinjita' li ħaqqu. Seħħet il-ħolma ta’ Dun Gino Gauci, kappillan tal-komunita’ Taljana f’Malta li tgħodd mat-tlett elef persuna, li ilu snin jistinka biex din il-kappella tiġi trasformata ghas-sbuħija originali taghħa.

Din il-kappella kienet f'kundizzjoni mill-agħar. Sfortunatament kien jidħol kwantita' ta' ilma mill-koppla u li wassal għal ħsarat kbar fil-ġebla u fil-pittura. L-aħħar fażi tal-proġett kienet ikkonċentrata l-iktar fuq il-pittura tal-koppla minn ġewwa, li għaliha kkontribwixxa l-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, permezz tar-Restoration Unit, u l-Bank of Valletta, bil-proġett fl-aħħar xhur jiġi estiż ukoll għall-koppletta u l-pitturi ta' wara l-artal li ġew iffinanzjati wara li l-Ambaxxata Taljana f'Malta sabet sponsors għalihom.

Sar xogħol qawwi ta' riċerka taħt is-superviżżjoni ta’ Giuseppe Mantella. Din il-kappella li nbniet skond id-disinn ta’ Glormu Cassar għandha wkoll it-timbru ta’ Mattia Preti. Il-kwadru titulari huwa xogħol ta’ Mattia Preti, liema pittura kienet ġiet restawrata mill-NSTF fl-2007. Barra hekk anke l-pittura tal-koppla principali, li tirraffigura xeni mill-ħajja ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra hija wkoll xogħol importanti ta’ Preti.

Fid-diskors qasir li għamilt stqarrejt li nħares lejn din il-kappella bħala simbolu tar-rabta bejn Malta u l-Italja. Liema rabta mhijiex biss minħabba l-vicinanza geografika, iżda minħabba r-rabta fuq kollox kulturali u socjali ta’ bejn iż-żewġ popli. Dan il-proġett huwa biss wieħed mill-madwar tletin proġett li dan il-Gvern qed iwettaq fil-Belt Kapitali tagħna sabiex jagħti lil din il-belt il-valur li jixirqilha.

Feb 11, 2011

L-investiment igib aktar gharfien.

L-investiment iġib aktar għarfien. Dan hu prinċipju li jreġi f’diversi oqsma, u huwa prinċipju li qed narah iseħħ kuljum fejn jidħol interess tal-pubbliku fuq il-wirt storiku ta’ pajjiżna, b’mod speċjali l-fortifikazzjonijiet. Il-Gvern imbarka fuq proġett l-akbar progett ta’ restawr tas-swar li qatt ra pajjizna b’finanzjament ta’ €36 miljun minn fondi tal-Unjoni Ewropea.


L-għatx tan-nies għall-informazzjoni jidher u jinħass. Kull attivita’ ta’ informazzjoni li qed norganizzaw qed jintlaqgħu tajjeb min-nies u qed ikunu ppakkjati tant li qed ikollna nħallu xi nies diżappuntati. L-aħħar eżempju kienet l-Open Day li għamilna fi tmiem il-ġimgħa l-oħra fl-Imdina fejn il-pubbliku seta’ jara mill-qrib ix-xogħol delikat li għaddej fejn fost affarijiet ohra jew installati mal-40 micropile, b’tul ta’ 30 metru l-waħda biex is-sur li kien qed icedi jissahhah.



Bħala Gvern qed nindirizzaw dan l-għatx għall-informazzjoni mill-pubbliku u għalhekk ħadt gost li dalgħodu kelli okkażjoni biex flimkien mal-Prim Ministru nara l-progress li għaddej fuq iċ-Ċentru Interattiv dwar il-Fortifikazzjonijiet li qed jitlesta fi Biagio Steps, il-Belt Valletta. Hemmhekk ser tittella wirja b’mudelli kbar tas-swar kif ukoll 3D computer generated images tas-swar biex wiehed ikun jista jifhem ahjar mhux biss l-aspett arkitettoniku izda anke l-hidma amministrattiva li kien hemm biex inbnew is-60km ta’ fortifikazzjonijiet li ghandna f’pajjiżna.



Ix-xoghol li ghaddej huwa evidenti kull fejn thares fl-Imdina, fil-Belt Valletta, fil-Birgu u fic-Cittadella t’Ghawdex. Kont ghalhekk verament sorpriz kif din l-ġimgħa kelli mistoqsija parlamentari mid-deputat tal-Oppożizzjoni Silvio Parnis jistaqsi “Jista l-Ministru jghid jekk bediex ir-restawr tas-swar fil-Kottonera u l-Belt ?” F’liema dinja qed jghix biex ma ndunax li x-xoghol inbeda !?

Oct 20, 2010

The French connection

Ħadt gost dalgħodu waqt li żort il-kontragwardja ta’ San Mikiel fil-Belt Valletta flimkien ma mistieden speċjali, il-perit ta’ fama internazzjonali Jean Michel Wilmotte. Wilmotte flimkien mal-Ambaxxatur Franċiż għal Malta, Daniel Rondeau, żaru dan il-post waqt workshop li sar flimkien mal-periti tar-Restoration Unit u l-Valletta Rehabilitation Unit f’dan il-post storiku u ta’ nteress kbir mill-aspett ta’ arkittetoniku militari.

Il-perit Wilmotte baqa’ impressjonat bil-valur ta’ dan il-post. L-għan tal-workshop ta’ dalgħodu kien sabiex tkun esplorata l-possibilita’ li l-passaggi nterni li jeżisti fis-swar jerġħu jinfetħu u jservu ta’ entratura oħra għal-Belt Kapitali belt aktar hajja. Ghaddejna minn passaggi fis-swar li ilhom snin twal inaccessbli. F’certu sens kif qalet wahda mill-periti, “konna qed niktbu l-istorja”. Dawk it-tunnels ghandhom potenzjal kbir li rridu naraw kif l-ahjar nisfruttawh. Dawn il-passaggi se jkollhom rwol gdid ghax iridu jiffacilitaw l-uzu ta’ spazji kbar li se nergghu rroddu lura lill-pubbliku galadarba nlestu l-programm kbir ta’ restawr fuq is-swar.

Il-valur storiku ta’ dawn is-swar huwa uniku madwar id-dinja. Il-mod kif inhuma mibnija juru mhux biss kapaċita u ħila fix-xogħol tal-ġebla iżda juru wkoll il-ħsieb li kien hemm wara dan ix-xogħol. Dan il-wirt mhuwiex biss taghna izda huwa wkoll wirt Ewropew. Tajjeb nghidu li l-link Franciza mas-swar ta’ pajjizna ilha hemm ghax uhud mill-linji ta’ difiza tal-Belt Kapitali, specjalment dawk fil-periferija, kienu anke ddisinjati minn esperti Francizi tal-arkitettura militari fil-bidu tas-seklu tmintax.

Aug 8, 2010

Restawr estensiv fuq Kastilja

Wicc il-Prim Ministru kien jixghel bhal l-faccata tal-Berga ta’ Kastilja restawrata li taghti fuq Triq il-Merkanti nhar il-Gimgha meta zar lil haddiema li qed jirrestawrha. Dan il-progett ta’ restawr fuq t-tlett faccati ta’ din il-Berga, wahda mill-isbah li ghandna, nbeda mir-Restoration Unit fi hdan il-Ministeru tieghi f’Lulju tas-sena l-ohra u hu mistenni li jkun lest sal-ahhar tal-2012. L-ahhar xoghol ta’ restawr fuq din il-Berga, li nbniet fis-seklu sittax, jidher li kien sar wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-PM kien attent jisma kif il-haddiema qed inaddfu b’reqqa kbira il-faccata li kienet swiedet matul is-snin kemm bid-dhahen tat-traffiku kif ukoll bid-dhahen tal-powerstation tal-Marsa. Izda x-xoghol principali mhuwiex it-tindif imma r-restawr tal-gebel li spicca. U kif stajna naraw mill-vicin b’ghajnejna meta tlajna fuq l-armar, hsarat hemm hafna. Hafna mill-hsarat bilkemm taqbadhom mill-livell tat-triq izda meta tara l-faccata mill-vicin tara l-hsara kbira li hemm specjalment fil-lavur u skultura elaborata. Esperjenza unika li tara l-faccata ta’ Kastilja mill-gholi. Nibqa niftakarha. Il-Prim ghall-ewwel beda jibza f’dak l-gholi izda mbaghad malajr rabba l-kunfidenza hekk kif induna li l-armar jiflah anke l-piz tieghi !

Il-gebel li jkollu jinbidel jinhadem mill-gdid fuq il-post. Hafna drabi kif spjegawlna l-haddiema, lanqas moll ma jkunu jistghu juzaw ghax il-qies tal-gebla ma jkunx jaqbel. Fil-fatt il-gebla tigi zmarrata (tinghata l-forma bejn wiehed u iehor) fl-art izda mbaghad jigi skolpita fid-dettall b’sengha kbira fuq il-faccata stess. Il-haddiema spjegaw ukoll lil PM kif isir ix-xoghol ta’ restawr tal-gebel li jkun iddeterjora imma ma jkollux ghaliex jinbidel. B’pacenzja kbira jibnu l-bicciet neqsin saff fuq saff. Meta tara dan kollu tifhem ahjar kif ir-restawr m’ghadux semplici sengha imma sar sengha bi xjenza.

Ix-xoghol fuq Kastilja jikkumplimenta xoghol iehor ta’ restawr I ghamilna u qed naghmlu fuq il-Belt kapitali: il-Palazz tal-President, il-KonKatidral ta’ San Gwann, il-Biblioteka, Victoria Gate u s-swar. Bla dubju ta’ xejn qatt daqs illum il-Belt Valletta ma rat xoghol ta’ restawr daqshekk massicc biex naghtu valur gdid lil dan il-wirt kbir li hallewlna ta’ qabilna.
(Ritratt: juri il-before and after ta' bicca skultura fil-faccata)