
Għall-Prim Ministru Joseph Muscat kollox jgħaddi fejn
tidħol il-korrettezza. Kull Ministru u Segretarju Parlamentari hu
obbligat li jagħmel dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu, u anki xi propjeta’ u djun
għandu. Diversi ministri laburisti inqabdu jigbdu fid-dikjarazzjonijiet li
għamlu. Dikjarazzjonijiet foloz. U Muscat ħalla kollox
għaddej. Il-korrettezza għal Muscat qiesha biċċa lastiku. Li
ġġebbidha u ttiha l-forma li li trid. Dik li għat-tfal hi plasticine!
Id-diskussjoni li kien hemm ilbierah fil-Kumitat
tax-Xogħol tal-Kamra dwar il-mozzjoni ta’ tkeċċija tal-Imħallef Lino Farrugia
Sacco turi kif jimxi dan il-Gvern. Il-korrettezza titlob li l-Gvern jieħu
pożizzjoni biex ma ssirx ħsara lill-kredibbilita’ lill-ġudikatura.
Minflok spiċċa jaġixxi ta’ l-avukat difensur tal-Imħallef li l-Kummissjoni
għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sabet kull raġuni biex il-Parlament
jipproċedi għat-tkeċċija tiegħu.
Il-maħfra li qed jagħti lil min ikkorrompa fis-serq
tal-elettriku għandha l-għeruq tagħha fi Gvern li anke fil-glieda kontra
l-korruzzjoni, jaghmel kalkoli politici. Qed ikompli juri kemm hu bla
skrupli. Dan hu kas fejn il-Gvern qiegħed jindaħal fix-xogħol
tal-Pulizija u qed jaġevola lil min xaħħam biex jitbagħbaslu l-meter
tad-dawl. Skandlu ieħor fid-dawl tax-xemx ! Il-Gvern qed iwassal
messaġġ li miegħu anki l-korruzzjoni tista’ tiġi negozjata. U jaħfirlek.
Ir-riga tal-korrettezza u tal-valuri ghal min hu serju,
hi riga riġida. Mhix flessibbli. Ma tharisx lejn ucuch. Ma taghmilx
kalkoli politici. Mhix riga amorali, kif inhi tal-Gvern immexxi minn Joseph
Muscat. Kull ċittadin onest jistenna li gvern jimxi b’mod serju.
Iżda l-valur tas-sewwa, tas-serjeta’ u tal-onesta’ lanqas biss jeżistu
fil-vokabolarju ta’ dan il-Gvern.
No comments:
Post a Comment