Feb 20, 2013

Valletta u Cortona



Niftakar sew li ħames snin ilu fl-ewwel laqgħa li kelli mal-ufficjali tat-Taqsima tar-Restawr hekk kif inħtart Ministru responsabbli mill-qasam tar-restawr kont esprimejt id-diżappunt tiegħi li f’pajjiżna kien għad ma għandniex centru li fih issib spjega tal-patrimonju kbir ta’ fortifikazzjonijiet li nsibu f’pajjiżna u li kelli x-xewqa li niprovdu centru bħal dan. Niftakar li Dr.Stephen Spiteri kien dlonk intervjena u qalli “Grazzi Ministru għax din ukoll ilha għal ħafna x-xewqa tiegħi !”. Pront weġibtu, “Tajjeb mela jien se nara li nsibu l-post u inti flimkien ma’ sħabek tridu tagħmluh.” Issa dan ic-centru The Fortress Builders għamilnih ukoll. Ircivejt bosta kummenti posittivi mingħand dawk li għoġobhom imorru jarawh sa llum.  
 
Imma dik l-idea stajna nwetquha biss għax sibna l-fondi meħtiega. Facli toħlom proġetti. Imma l-proġetti tista twettaqhom biss jekk ikollok ir-riżorsi finanzjarji. Bid-dħul ta’ pajjiżna fl-UE, ġibna 36 Miljun Euro biex nagħmlu l-akbar proġett ta’ restawr tas-swar li qatt sar f’pajjiżna u ddecidejna li nuzaw ftit ‘l fuq minn 2.3 Miljun Euro anke minnhom biex nagħmlu anke dan ic-centru. Xogħol fuq is-swar tal-Belt Valletta, il-Birgu, l-Imdina u c-Cittadella li ħoloq opportunitajiet ta’ xogħol għal madwar 800 ħaddiem u 50 kuntrattur.  
 
Minn binja mġarrfa u mitluqa dawwarniha f’centru ta’ valur kbir. Ix-xogħol tal-periti u l-ħaddiema diġa ġie aprezzat u anki mgħoti it-2012 Din L-Art Helwa Award for Architectural Heritage ghal 2012. Imma aktar mill-binja nnifisha hija mportanti l-wirja li poġġejna fiha. F'dan ic-centru wieħed mhux biss jista jara mudelli tal-fortifikazzjonijiet ta’pajjiżna, li saru b’tant pacenzja mill-ħaddiema tal-Modelling Unit, izda jista litteralment jesplora is-swar b’mod interattiv permezz ta’ immagini digitali.  
 
Ħsibna li jkun xieraq għalhekk li fl-okkażżjoni tal-ftuħ ta’ dan ic-centru nġibu f’pajjiżna ħames pjanti oriġinali tal-Belt Valletta li kien għamel l-Inġinier Francesco Lapparelli mill-Mużew tal-belt Taljana ta’ Cortona li kienet il-belt tal-familja Lapparelli. Żort din il-Belt sentejn ilu. Belt antika ħafna. Iżda meta kont hemm ħafna qaluli li x-xogħol ta' restawr kien majna ħafna minħabba l-kriżi ekonomika fl-Italja. X'ironija. Filwaqt li aħna għax għandna ekonomija li baqgħet b'saħħitha stajna nsostnu programm ta' restawr li l-Belt Valletta qatt ma kienet rat bħalu sa llum għax apparti l-fondi ewropej infaqna għexieren ta’ miljuni oħra fuq ir-restawr minn fondi tal-istat. Biżżejjed ngħid li c-centru li fih qed ikunu esebiti l-pjanti li ġew minn Cortona huwa wieħed mis-sensiela ta’ 30 proġett ta’ restawr li wettaqna ġewwa l-belt kapitali tagħna.


No comments: