Showing posts with label sajd. Show all posts
Showing posts with label sajd. Show all posts

May 6, 2013

Din hi l-meritokrazija ?

Huwa fatt maghruf li matul l-ahhar sentejn irnexxielna nitrasformaw b’mod qawwi d-dipartiment tas-sajd f’pajjizna. Irnexxielna ngibu lil dan id-dipartiment aktar effikaci fil-gabra ta’ data u informazzjoni imma fuq kollox aktar rigoruz fuq infurzar.  Din it-trasformazzjoni ghamilniha b’kuragg u determinazzjoni ghax ghalkemm konna nafu li mhux se nkunu popolari, konna konxji li jekk ma naghmluhiex konna se npoggu fil-periklu mhux biss il-kredibilita’ ta’ dan is-settur imma konna qed nipperikolaw l-ezistenza stess ta’ dan is-settur, anke ghax l-UE kienet gibditilna l-attenzjoni taghna fuq numru ta’ nuqqasijiet. 
 
Jien infurmat li d-Direttorat Generali ghas-Sajd tal-UE (DG Mare) huwa verament sodisfatt bil-bidla kbira li ghamilna.  Dan is-sodisfazzjon gie espress ukoll f’laqghat ufficcjali bejn l-UE u Malta.  Jien infurmat li huma kuntenti hafna bit-titjib li raw meta analizzaw fejn konna sentejn ilu u fejn wasalna sal-elezzjoni.  
 
Ta’ min jghid li l-UE kienet insistiet li ssir Administrative Inquiry fuq is-settur tat-tonn ghax riedet li tara aktar trasparenza u kontroll effikaci, anke ghax illum pajjizna nvolut fin-negozju ta’ kwazi 40% tat-tonn kollu li jinqabad fil-Meditterran.  Irrid nghid li jien ma sibt l-ebda oggezzjoni ghal dan, anzi assigurajt li naghtu l-impenn kollu taghna biex isir it-titjib amministrattiv li kellna bzonn.  Sostnejt biss mal-Kummissjoni li nistena li jsir ezercizzju simili mal-pajjizi l-ohrajn ukoll halli nassiguraw level playing field u mhux certi stati igawdu fuq stati ohra.  
 
Jien infurmat li l-awtoritajiet tal-UE huma kuntenti hafna b’dak li hareg minn din l-Administrative Inquiry u bit-titjib li raw, liema titjib gie ukoll ghax konna ddecidejna li ndahhlu tmexxija gdida fid-dipartiment tas-sajd. Fuq dan ir-ristrutturar u r-rizultati miksuba jien infurmat ukoll li gie briefed ukoll is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.   
 
Ghalhekk ma nistax nifhem kif f’daqqa wahda proprju nhar it-Tlieta gie deciz li l-persuna li mexxa din it-trasformazzjoni kollha b’success jitnehha u minfloku terga titpogga persuna li kienet involuta sew fit-tmexxija tad-dipartiment qabel sentejn ilu.  Decizzjoni stramba hafna ghalija. Stramba ukoll ghal mod li bih saret. Anke ghax dan l-ahhar kien is-Segretarju Parlamentari Galdes stess li ammetta pubblikament f’laqgha mas-sajjieda li “the Government had little room for manoeuvre within a sector heavily regulated by the EU.” Nistaqsi jien x’wassal ghal din id-decizzjoni ?  Huwa dan il-mod li bih tghid grazzi lil min ikun ta l-ahjar tieghu biex ghamel bidla li giet rikonoxxuta u mfahhra anke mill-awtoritajiet ewropej ?  Din hi l-meritokrazija ta’ dan il-Gvern ?

Oct 28, 2012

Sajd sostenibbli


Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej tas-Sajd li saret din il-ġimgħa, intlaħaq ftehim parzjali dwar il-fond (European Maritime and Fisheries Fund – EMFF) li ser isostni r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea.  Din il-politika dejjem kienet ikkritikata għax tippromwovi sajd mhux sostenibbli.  
 
Rapporti fil-mezzi tax-xandir internazzjonali qed jirrapurtaw kif il-Kummissarju Ewropew tas-Sajd u għaqdiet tal-ambjentalisti, bħalma hi l-Greenpeace, qed jikkritikaw dan il-ftehim u qed jgħidu li dan mhux ser ikun sostenibbli minħabba li jinkludi għajnuniet diretti lis-sajjieda; bħal per eżempju miżuri ta’ għajnuniet għal waqfien mis-sajd biex tittejjeb is-sostenibilita’, u oħrajn li jinkludu għajnuniet għal immodernizzar li jwasslu għal aktar effiċjenza fl-użu ta’ fuel u inqas emissjonijiet.   
 
Din il-posizzjoni tissorprendini mhux biss għax dawn l-għajnuniet huma neċessarji imma anke minħabba l-fatt li qed jiġi njorat l-aktar element importatni tal-fond vis-à-vis sontentibilita.  Tul id-diskussjonijiet, Malta insistiet li l-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi huma aspett essenzjali li bih l-Unjoni tista’ ttejjeb l-istrateġija tagħha għal settur tas-sajd aktar sostenibbli. Minħabba li dawn il-kriterji ġew esklużi minn dan il-qbil u ser jiġu diskussi aktar ‘l quddiem, Malta ma tatx l-appoġġ tagħha għat-test adottat u spjegat kif dan għadu ma jagħtix garanzija li se jkun jista’ jsostni l-ambizzjoni ta’ sostennibilita’ ogħla li għandha r-riforma. 
 
Malta ser tkompli tisħaq li s-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira għandu jkun il-prijorità tal-Unjoni dan għax is-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira jaħdem fl-aktar prattiċi tas-sajd sostenibbli.  Nemmnu ukoll li l-fondi għandhom jiġu indirizzati lejn dawk l-oqsma li mhux biss jiġġeneraw l-impjiegi iżda li jiggarantixxu ukoll tkabbir u sostenibbiltà. Il-proposta issa għad trid tiġi diskussa u ratifikata mill-Parlament Ewropew. Nittama li  l-ambjentalisti jiffukaw l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-fond jagħti priorita’ lis-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira u mhux dak industrijali.

Jun 4, 2012

Ricetta ġdida: Kawlata a la Sammut !

Id-Deputat Laburista Joe Sammut għamel żmien iservi bħala kelliem tal-Opposizzjoni dwar is-Sajd.  Nifhem li jista’ jkun ma naqblux fuq ċertu punti, pero żgur li nistenna hu li dan id-Deputat għallinqas ikollu għarfien bażiku ta’ ċertu realtajiet fil-qasam tas-sajd.   F’artiklu ppublikat f’L-Orizzont ta’ llum, jagħmel taħwida papali jew kawlata bil-ħut ! Għal darb’oħra jipprova jwebbel b’affarijiet fiergħa lis-sajjieda.  Qabel ma kiteb Sammut messu ċċekkja li l-Konvenzjoni Internazzjonali li tirregola t-tonn jisimha ICCAT, li tfisser International Convention for the Conservation of Atlantic Tuna u mhux ICAD (mhux żball tat-tipa żgur għax ripetut aktar minn darba!), kif kiteb hu.  Dan l-iżball huwa biss preludju għal sensiela mpressjonanti ta’ żbalji oħra li hemm fl-artiklu.

M’huwiex veru li l-Gvern qasam il-kwota nazzjonali tat-tonn bejn longliners u purse-seiners (u mhux perseinors Onor Sammut !).  Kieku sempliċiment staqsa kien ikun jaf li l-Gvern din is-sena, bi qbil mal-koperattivi tas-sajjieda, ħalla jaħdmu biss bastimenti longliners.  

L-istess ħmerijiet  kitibhom ukoll fir-rigward tal-pixxispad.  Hawn m’hawnx kwota u allura m’għandux x’jaqsam xibka jew sunnara. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li l-qbid tal-pixxispad permezz tal-purse-seiner huwa llegali.  Fis-settur tal-pixxispad daħlu regolamenti dwar daqs minimu tal-ħut li jrid jinqabad kif ukoll perjodu ta’ closed season.  Evidenti li l-Onor Sammut lanqas jaf fuq xhiex qed jitkellem f’dan l-artiklu.

Apparti li nixtieq inkun naf jekk il-pożizzjoni tal-Onor Sammut hijiex ukoll il-pożizzjoni uffiċjali tal-Opposizzjoni ?   Jekk tkun fil-Gvern l-Oppożizzjoni beħsiebha tinjora l-obbligi li daħlet għalihom il-komunita’ internazzjonali, mhux biss l-Ewropa, dwar  miżuri ta’ konservazzjoni favur ċertu speċi ta’ ħut u tpoġġi fil-periklu lis-sajjieda għax tesponi s-sajd malti għal sanzjonijiet  ?  Għal darb’oħra qed naraw il-mod dilettantesk u opportunist li fuqu ssawwar il-politika tagħha l-Opposizzjoni anke fuq il-qasam tas-sajd ! Imbasta jippużaw taħt is-slogan Għaqal fit-Tmexxija.  Fil-fatt riedu jgħidu Tbażwir fit-Tmexxija !

May 14, 2012

Il-futur tal-akwakultura

L-akwakultura f’Malta bdiet 22 sena ilu meta nfetaħ iċ-Ċentru tal-Akwakultura fit-Torri San Luċjan f’Marsaxlokk. Nirringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan iċ-ċentru u li proprju s-Sibt li għaddha organizzaw Open Day fejn kull minn attenda seta’ japrezza aktar il-ħidma li qed issir. Lejn tmiem is-snin tmenin il-Gvern kellu viżjoni u fehem l-importanza ta’ settur li kien ineżistenti. Dan kien segwit mill-iżvilupp tal-irziezet tal-awrat u l-ispnott.  L-akwakultura f’Malta ħadet żvolta oħra meta fis-sena 2000 beda jitkabbar fil-gaġeġ it-tonn.

L-industrija li bdiet fl-1990, illum tikkonsisti minn sitt operaturi li joperaw minn disa siti differenti. Sadanittant għaddejja ricerka fuq speci oħra. Malta qegħda l-ewwel fil-Mediterran fir-riċerka tat-tfaqqis tal-aċċjol u fil-fatt nittamaw li dalwaqt mmorru għall-fażi kummercjali ta’ din l-ispeci.  Għaddejja ricerka wkoll fuq il-gurbell u tonn. Fil-fatt qed nippartecipaw f’consortium ewropew fuq it-tifqis tat-tonn.

Mix-xejn illum għandna ndustrija li tikkontribwixxi b’valur ta’ €12-il miljun fis-sena.  Sa ftit tas-snin ilu l-attivita’ kienet anke tikkontribwixxi mat-€30 miljun iżda l-ammont naqas minħabba li qed jinqabad ferm anqas tonn u allura qed jitkabbar ferm anqas fil-gaġeġ f’pajjiżna. Imma fejn se mmorru minn issa ‘l quddiem biex inkabbru l-attivita’ u fl-istess ħin nirrispettaw l-ambjent ? Kien għalhekk li tlabna li titfassal startegija nazzjonali ghal din l-attivita’, liema abbozz tal-istrateġija tħejja mill-Universita’ Skocciża ta’ Sterling u li l-ġimgħa għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuqu.

Minn din l-istrategija johrog li din l-industrija ghandha potenzjal li tipprovdi sa 2,000 impjieg diretti u indiretti. Jintqal ukoll li għandha potenzjal li tipprovdi sa €120m fi Gross Value Added ghall-ekonomija Maltija.  Ta’ min jinnota li filwaqt li meta ġiet introdotta din l-attivita’ is-sajjieda kienu xettici anzi opponewha, illum huma minn ta’ quddiem biex jimbuttaw process ta’ żvilupp f’dan il-qasam.  Għarfu li din l-attivita’ tħalli qliegħ anke lilhom u qed jgħarfu li hija għodda mportanti għad-diversifikazzjoni tagħhom, meta għall-raġunijiet ambjentali is-sajd konvenzjonali qed jiġi aktar ristrett.

Mar 20, 2012

Rimi ta’ ħut

Huwa stmat li b’mod ġenerali s-sajjieda tal-Unjoni Ewropea jarmu lura fil-baħar ħuta minn kull erbgħa li jkunu qabdu. Dan il-ħut jintrema mhux neċesarjament għax m’huwiex tajjeb għal konsum, imma għax ma’ jkunx koprut mill-ammont ta’ ħut li jista’ jinqabad mill-bastiment, jew inkella għax ikun illegali li jinħatt l-art minħabba iżgħar mid-daqs stipulat. Din hija ħela kbira. Nistqarr magħkom li din hi l-frażi li wżajt biex nindirizza lil sħabi l-Ministri Ewropej responsabbli mis-Sajd u lill-Kummissarju tal-UE għas-Sajd, Maria Damanaki, fil-Kunsill tal-Ministri li sar il-bieraħ u llum.



Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi miżuri biex il-politika komuni tas-sajd tiprojbixxi dan ir-rimi ta’ħut. Qed jiġu proposti fondi bil-għan li l-metodi tas-sajd isiru iktar preċiżiu selettivi biex jiġi evitat il-qbid ta ħut mhux mixtieq. Għalkemm dan għandu jwassal għal tnaqqis konsiderevoli ta’ ħut mhux mixtieq (discards), bħal dak ta’ daqs żgħir, xorta waħda hu mistenni li jibqa jinqabad volum. Fir-rigward ta’ ħut żgħir, il-Kummissjoni tixtieq tkompli toħloq deterrent għal qbid tiegħu billi tillimita l-użu tiegħu sempliciment għal fish meal – dqieq tal-ħut, li jintuża f’diversi proċessi industrijali.


Jien nemmen li ħut li huwa tajjeb għall-konsum tal-bniedem m’għandux jispicca sempliciment dqieq. Waqt il-Kunsill insistejt li ħut żgħir għandu jintuża għal għanijiet umanitarji billi jingħata lill-istituti filantropici. Inkella li l-profitti li jsiru mill-bejgħ tiegħu jintużaw biex jgħin sajd iktar selettiv u jiżgura kontrolli dejjem aktar effettivi.

Kelli l-opportunita` li nisħaq li s-soluzzjoni tal-fish meal lanqas biss hija prattika għal Malta minħabba n-nuqqas ta’ impjanti neċessarji. F’isem is-sajjieda Malti argumentajt ukoll favur politika li tħajjar aktar il-konsum tal-ħut. Hu fatt magħruf li min jiekol ħut darba jew darbtejn
fil-ġimgħa jista’ jnaqqas ir-riskju ta’ diversi mard. Il-ħ
ut huwa
sorsimportanti ta’ omega-3, proteini, u ma’ tantx fiħ xaħam u għalhekk hu ta’ benefiċċju b’mod partikulari nisa tqal u tfal li qed jiżviluppaw.

Aug 22, 2009

Industrija sinifikanti

L-industrija tal-akwakultura f'Malta llum tesporta madwar €100 miljun fis-sena li 85% minnhom hi esportazzjoni tat-tonn u 15% bejn awrat u spnott. Din l-industrija llum qed timpjega nies fuq bażi part-time jew full-time li meta tpoġġihom flimkien ilaħħqu madwar 1,000 impjieg full-time. Zewg cifri li jimpresjonawk.

M’għandniex xi ngħidu, hija wkoll industrija sensittiva ferm peress li topera f’ambjent, li hu l-baħar, u tirrigwardja speċi li huma wkoll sensittivi. Huwa għalhekk fundamentali li nsibu bilanċ sostenibbli biex din l-attivita’ tant ekonomikament importanti għalina ntuha futur u spazju fejn tikkompeti u tikber u fl-istess hin naraw li nnaqqsu l-impatt taghha fuq l-ambjent.

Malta dejjem qieset din l-industrija bħala waħda ta’ importanza kbira u dan illum qed jgħinna biex żammejna l-kompetittivita’ tagħna minkejja kompetizzjoni dejjem tikber f’dan is-settur. Aħna għandna wkoll il-vantaġġ li l-operaturi ewlenin f’dan is-settur illum huma magħquda f’assoċjazzjoni u dan qed jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi. Irrid nghid li l-industrija li laħqet livell għoli ta' teknoloġija u l-operaturi Maltin qed jaghmlu sforzi biex jaraw fejn jistgħu jkomplu jtejbu l-operat tagħhom.

Għalkemm ir-riżorsi tagħna f’dan il-qasam huma limitati, xorta għandna fost l-aqwa esperti f’dan is-settur. Bhalissa Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, qed tieħu sehem attiv f’esperiment fejn qed issir riċerka dwar kif it-tonn ikun jista’ jitfaqqas fi stat ikkontrollat. Kieku dan isehh, ikun zvilupp sinifikanti hafna.