Jan 18, 2010

Inwieżnu lill-bdiewa

Iddecidejt li f’dawn il-jiem nzomm numru ta’ laqgħat ma’ rappreżentanti tal-bdiewa anke ghax irrid nisma minghandhom il-prioritajiet ghar-riforma tal-pitkalija. Liema riforma hija weghda ohra taghna. Dawn il-laqgħat huma utli u beħsiebni nkomplihom fil-jiem u ġimgħat li ġejjin. Hadt gost nisma lill-mexxejja tal-bdiewa jitkellmu b’passjoni fuq settur tant sensittiv u diffiċli. Nqawwi qalbi nara rġiel u nisa, iva anke nisa, jagħtu ħinhom għall-aħjar interess tas-settur. Dan huwa settur li diga gie modernizzat izda ghad hemm bzonn ta’ riforma qawwija specjalment fil-mod kif il-prodott jasal ghand il-konsumatur.

Hawn min, ghax ghandu agenda mohbija, jiprova jagħti l-impressjoni li l-problemi kollha li jiffaċċjaw il-bdiewa jaħti għalihom dan il-Gvern. Biex nagħti eżempju, waħda mill-affarijiet li tant smajna dwarhom dan l-aħħar hi r-rimi ta’ prodotti żejda li daħlu fil-Pitkalija. Din hija kawża ta’ numru ta’ fatturi, mhux l-inqas it-temp kważi sajfi li kellna sa tmiem l-2009. Dan apparti l-fatt li għad baqa’ bdiewa li jimxu mat-tradizzjoni u li jekk f’dan iz-żmien tas-sena dejjem kabbru pastard, allura hekk jahsbu li l-ahjar jibqghu jaghmlu, irrespettivament minn l-andament tas-suq fis-sena ta’ qabel. Illum l-istil ta’ ħajja inbidel, u miegħu inbidlu wkoll il-mod ta’ kif insajru u nieklu l-ikel tagħna. Fl-istess waqt irid jinbidel ukoll il-bidwi u jara li fis-suq ikun hemm firxa ta’ prodotti mitluba mill-konsumatur.

Hawnhekk tidħol l-importanza ta’ tmexxija u ppjanar ghaqli f’dan is-settur. Il-Gvern jibqa’ kommess li joħloq policies u miżuri li jgħin lill-bdiewa izda hija wkoll responsabbilta’ tal-mexxejja tal-bdiewa biex huma wkoll ikunu xprun ta’ bidliet li jridu jsiru. Dawn il-mexxejja jridu jibqgħu jikkonvinċu fuq il-bżonn li l-bdiewa jkunu organizzati u magħquda f’Għaqdiet jew Gruppi ta’ Produtturi li jziedu l-valur tal-prodott u li jbieghuh dirett.

Jehtieg ukoll li dawn il-mexxejja jibqgħu jfiehmu wkoll il-ħtieġa li l-biedwi jinfatam mid-dipendenza zejda fuq il-pitkala, li uhud minnhom spiccaw mhux sensara izda xerrejja diretti. Ħadt gost nisma’ proposti li sa’ ftit ilu lanqas biss wieħed kien joħlom li jismahom, pero issa huwa importanti li ġaladarba nibdew ir-riforma, dawn il-mexxejja ikunu wkoll maghna l-protagonisti tal-istess riforma.

Jan 13, 2010

Ninvestu fil-futur tiegħek!

Hekk hemm miktub fuq sticker li twehlet fuq kull photovoltaic panel li l-kumpanija Michael Debono Ltd ghad kemm installat. Il-bierah filghodu attendejt flimkien mal-Prim Ministru l-inawgurazzjoni tal-akbar installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi sa llum f'pajjizna. Gew installati 432 pannella fuq medda ta' 1,000 metru kwadru. Din l-installazzjoni se tghin lill-kumpanija tiġġenera aktar minn nofs l-enerġija li din tikkonsma f’sena. Dan l-investiment sar possibli bl-iskema li ghamel il-Gvern permezz tal-Malta Enterprise. Permezz ta' din l-iskema kumpanija tiehu għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea ta' nofs l-ispiza.

Dan l-investiment qawwi minn naħa tas-setur privat jikkumplimenta dak li qed jagħmel il-Gvern Malti fejn matul il-ġimgħat li għaddew inħarġet sejħa ta’ interess fi proġett sabiex 67,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binjiet pubbliċi jintlew bil-panelli fotovoltajiċi sabiex jiġġeneraw enerġija nadifa mix-xemx. Huwa stmat li din l-installazzjoni tal-panelli fotovoltajċi se ssir b’investiment privat ta’ madwar €25 Miljun u se tkun iġġenerata enerġija daqs kemm jikkunsmaw energija 1500 familja ta' 3 persuni f'sena.

Il-Gvern irid li pajjiżna jiġġenera l-enerġija nadifa mir-riżorsi kollha li għandu disponibbli għalih fosthom ix-xemx, ir-riħ u l-iskart. Proġetti bħal dawn ikomplu jkattru ix-xogħol filwaqt li jgħinu sabiex tintlaħaq il-mira li pajjiżna għandu, dik li sas-sena 2020, jiġġenera 10% tal-ġenerazzjoni elettrika tiegħu minn sorsi nodfa ta’ enerġija. Dan l-investiment ma hu xejn ħlief investiment f’livell t’għixien aħjar. Ambjent aħjar iffisser ukoll livell ta’ saħħa aħjar għalina u għal uliedna.

Laqatni hafna ukoll il-quote li hemm mal-monitor li nstallat il-kumpanija Michael Debono Ltd biex tindika kemm il-pannelli jkunu qed jiggeneraw energija mix-xemx. Il-quote ta' Sir Robert Swan tghid hekk "The greatest threat to our planet is the belief that someone else will save it". Dan jorbot ma' diskors li ghamel l-gimgha l-ohra s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tieghi, Dr.Chris Ciantar. Chris qal li l-politika favur il-mitigazzjoni mit-tibdil fil-klima tkun falliment jekk nemmnu li bdil fl-atteggjament irid jaghmlu biss il-Gvern. Is-success jigi biss jekk kull wiehed minnha jaghmel l-isforz tieghu.

Jan 8, 2010

Ambulanza ghall-Annimali

Wara l-proġett pilota tul it-tieni nofs tas-sena 2009 fejn bdiet topera l-ambulanza tal-annimali, mill-ewwel ta’ Jannar dan is-servizz beda jiġi offrut mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Irrid nirringrazzja lill-għaqda Noah’s Ark li daħlet fi ftehim mal-Gvern u ħaddmet dan is-servizz sa’ tmiem l-2009.

B’kollox mill-bidu ta' din is-sena nġabru mal-40 kelb u qattus. Huwa nkoraġġanti l-fatt li ħafna minn dawn l-annimali salvati sabu familji li jilqgħuhom fi djarhom. Napella sabiex min jista’ u min għandu għal-qalbu l-annimali biex jilqa’ kelb jew qattus id-dar tiegħu. Jidher għalhekk li l-ambulanza tal-annimali hija bżonjuża ħafna għal-pajjiżna. Dan is-servizz jinstab ukoll ġewwa għawdex permezz ta’ ambulanza li qegħda tintuża u tkun operata mill-fergħa Għawdxija tal-SPCA.

Ix-xogħol tal-hafna volontiera li jaħdmu b’risq dawn l-annimali abbandunati flimkien mal-ħidma tad-Dipartiment li issa dieħel fit-tieni sena’ mit-twaqqaf tiegħu, qegħda tissarraf f’riżultati pożittivi favur il-ħarsien tal-annimali. Irrid għal darb’oħra nerġa ntenni l-grazzi tiegħi lill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li b’ħidmiethom qed jaghtu ezepmju.

Ta’ min ifakkar li l-ħidma tal-Gvern favur l-annimali tmur lil hinn mis-servizz tal-ambulanza għaliex għadu għaddej ix-xogħol biex aktar tard din is-sena jitlesta ċ-Ċentru għat-Trattament tal-Annimali f’Ta’ Qali. Dawn huma l-provi ta’ ħidma minn Gvern li tabilħaqq jemmen, u jinvesti favur ħarsien aħjar tal-annimali tagħna.

Jan 6, 2010

Vaganza fuq in-Nil

Ghadni kemm gejt lura minn vaganza qasira mal-familja gewwa l-Egittu. Zorna l-aktar postijiet importanti tac-civilizazzjoni Egizzjana tal-qedem. Civilizazzjoni bdiet tiehu s-sura taghha madwar 3150 QK bl-unifikazzjoni politika ta’ Upper and Lower Egypt taht l-ewwel Farauni. Kellha tlugh u nzul fuq perjodu ta’ madwar 3000 sena. Lahqet il-quccata taghha f’dak li jissejjah in-New Kingdom jew l-Imperu Egizzjan, igifieri bejn is-16-il seklu u l-11-il seklu QK. Il-hakma tal-Farauni spiccat ufficjalment xi 30 sena QK meta l-Imperu Ruman ghamel mill-Egittu provincja tieghu.

Verament hemm x’tara. L-ewwel darba li zort l-Egittu kien xi 25 sena ilu ma’ grupp ta’ studenti tal-Fakulta tal-Arkitettura, izda dakinhar kont rajt biss il-Kajr. Ili hafna nghid li rrid naghmlu dan il-vjagg. Bdejn il-vjagg gewwa l-belt ta’ Luxor. Hemmhekk l-aktar li mpressjonani kien it-tempju ta’ Karnak. Taqta nifsek tara l-maestosita’ u l-perfezzjoni ta’ dak it-tempju. Meta tkun hemm bhal kwazi tibda thewden jekk certi teoriji li din ic-civilizazzjoni kellha kuntatt ma’ xi civilizazzjoni aljena humiex veri ! L-istess it-tempju ta’ Luxor u l-oqbra tal-Faraunijiet mohbija gewwa l-gholjiet tal-Valley of the Kings.

Minn Luxor beda l-vjagg fuq ix-xmara Nil. Pajsagg indiskrevibbli. Kont nisma li sabih, imma qatt ma kont nimmagina li kien daqshekk divers u spettakolari, specjalment tul il-belt ta’ Aswan. Minn Aswan morna lejn Abu Simbel fejn hemm zewg tempji massivi maqtugha fil-blat. Dawn iz-zewg tempji li saru fit-13-il seklu Q.K. mill-Farauni Ramsis II kienu originarjament f’sit iehor izda tqattghu fi blokki u gew trasportati f’sit iehor fis-snin sittin. Inkella z-zewg tempji kienu jispiccaw meghrqa fil-Lake Nasser li l-President Egizzjan Gamal Abdul Nasser ikkrea permezz tal-Aswan High Dam reservoir li spicca gherreq bosta miz-zona tac-civilizazzjoni tar-regjun ta’ Nubia.

Insomma vakanza li mhux se ninsew malajr. Apparti l-kobor tat-tempji u l-fdalijiet storici, haga ohra li laqtitni kien l-ammont ta’ nvestiment li sar u qed isir fl-infrastruttura turistika tal-pajjiz specjalment fl-ajruporti principali. Kollha godda u jhabtuha sew mal-aqwa ajruporti tad-dinja tal-punent. L-Egittu ghad ghandu hemel problemi izda huwa car li huwa pajjiz on the move u qed jaghraf jisfrutta l-potenzjal li ghandu.

Dec 31, 2009

Is-sena 2009...fiha l-aktar roddejna lura spazji.

Dan hu żmien ideali biex wieħed iħares lura lejn dak li wettaq matul is-sena li qed tintemm u fl-istess waqt iħejji għal dak li jrid iwettaq fix-xhur tas-sena l-ġdida. Ħarsa lejn dak li wettaq il-Ministeru tiegħi fl-2009 huwa xhieda ta’ ħidma sħiħa, liema ħidma hija biss xprun biex inkomplu nħaddmu u nwettqu l-programm ta’ ħidma fis-sena l-ġdida.

Il-Gvern għandu viżjoni li jkompli jagħti lin-nies aktar spazji pubbliċi miftuħa għar-rikreazzjoni tal-familji. Is-sena 2009 tibqa’ mfakkra għal kemm il-Gvern irnexxielu jagħti lura lin-nies spazji miftuħa. Bizzejjed insemmi Piazza Sant'Anna f'Tas-Sliema fejn qabel kien hemm kiosk johnoq l-ispazju. Insemmi wkoll Piazza San Gorg fil-qalb tal-Belt Valletta li kienet sempliciment carpark u li issa diga saret piazza li tat stimolu gdid lil belt kapitali.


U ftit tal-granet ilu tajna lill-publiku l-Adventure Park f'Ta' Qali. Dan l-Adventure kien fgat bil-familji li gharfu juzawh. Tajjeb infakkar ukoll filwaqt li ghamilna ukoll upgrade tal-parti l-antika ta' Kennedy Grove.


Għas-sena li ġejja se nkomplu naħdmu fuq Park f’Wied il-Għajn fuq żona fejn fis-snin sebgħin kienet isservi bħala miżbla kif ukoll nibdew il-proġett ta’ Park f’Delimara. Hemm ippjanati proġetti oħra ta’ tisbiħ u aċċessibilità ta’ spazji għar-rikreazzjoni. Fosthom upgrade totali tal-promenade u tal-gnien gewwa Qui-si-Sana f'Tas-Sliema. Irrid nghid li ahna determinati li nkomplu ntejbu u nestendu l-Park Nazzjonali f'Ta' Qali inkluz bil-bini ta' petting farm. Ahna determinati li nkomplu nghollu l-kwalita’ tal-ħajja għall-poplu anke billi mhux biss noffru aktar spazji miftuha izda noffru spazji ta' kwalita'. Is-sena t-tajba lil kulħadd.

Dec 30, 2009

Ftit sforz..għal tibdil kbir

Hija mpressjonanti c-cifra li tawni dan l-ahhar : hu stmat li Malta se tkun qed tiffranka mas-€6 miljuni f’elettriku matul is-sena d-dieħla b’riżultat tal- introduzzjoni ta’ numru ta’ skemi u inizjattivi li jiffrankaw l-enerġija u jħarsu l-ambjent. Dan l-iffrankar huwa ekwivalenti ghall-enerġija li tintuża minn madwar 10,000 familja ffurmata minn tliet persuni skond il-kontijiet tad-dawl il-ġodda inkella biex wiehed jifhem ahjar, ser jiġi ffrankat elettriku daqs kemm jintuża mid-djar kollha ta’ Pembroke, Tas-Sliema u San Ġiljan.

Dan l-iffrankar ġej primarjament mit-tlett skemi ta’ effiċjenza fl-enerġija li implimenta l-Gvern fl-aħħar snin li huma r-rebate fuq l-appliances bhal fridges, u apparat ieħor li jaħli anqas, l-iskema ta’ tqassim ta’ bozoz energy saving b’xejn lil kull familja, u s-sussidju fuq xiri ta’ sistemi ta’ panelli fotovoltajici u solar water heaters.

Wieħed irid ifakkar li apparti l-għajnuna fuq xiri u użu ta’ apparat li jħares l-ambjent, il-Gvern investa wkoll f’kampanja informattiva bħalma hi l-kampanja Switch li tnehdiet matul din is-sena u li kienet immirata biex toħloq għarfien akbar fost il-poplu.

Quddiem dawn iċ-ċifri malajr wieħed jikkonkludi li dan huwa veru każ li bi ftit sforz ta’ ħafna nistgħu nagħmlu tibdil kbir u effettiv li minnu ngawdu aħna, wliedna u l-ambjent ta’ madwarna.

Dec 21, 2009

X'avventura !

Minkejja t-temp ikrah tal-bierah, kienu bosta dawk li gew jesperjenzaw l-Adventure Area li ghadna kemm ftahna fil-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali. Irbahna Adventure Area minn dik li kienet parti minn runway. Hloqna spazju mhux biss għat-tfal iżda għal persuni ta’ kull eta’. Spazju fejn mhux biss wiehed jikrea ruhu izda jkun ukoll attiv u jissocjalizzaw ruhu ma' ohrajn f'arja nadifa u mingħajr il-periklu tal-karozzi.

Dan il-progett li sewa mal-€ 1.3 miljun sar ukoll bl-ghajnuna tal-BOV li ta donazzjoni ta' € 250,000 u l-Gvern Amerikan li tana $250,000. Fost l-attrazzjonijiet principali hemm Rope Course kbira ghaz-zghazagh. Il-bierah meta staqsejt lil wiehed miz-zghazagh li uzha x'jahseb wegibni "Taghtik kick tal-genn !" Din hija facilita' li tghin hafna f'team building u m'ghandix dubju li se ssir facilita' popolari hafna fil-gimghat u x-xhur li gejjin.

Nixtiequ li dan il-post jintuza wkoll fis-sajf u ghalhekk hadna hsieb li ninstallaw hames funtani biex izomm dan il-post frisk anke fis-sajf. Minbarra hekk il-funtani huma ukoll interattivi kif jafu tajjeb it-tfal li dahlu fihom il-bierah ! Rajt hamest itfal isiru ghasra l-bierah ! Aktar kemm qabzu aktar qabez l-ilma ! Dan hu dak li aħna ridna noħolqu permezz ta’ dan il-proġett. Li t-tfal iħossu li l-park huwa tagħhom, jużawħ b’responsabilita’ u fl-istess ħin jiddevertu flimkien ma' sħabhom u l-membri tal-familja.

Dan hu park aċċessibbli għal kulħadd tant li kemm id-disinn tal-park kif ukoll xi logħob huma anki aċċessibbli għal-persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan hu s-sigriet ta’ dan il-park. Post miftuħ, sabiħ, u għal-kulħadd. Inridu narawħ jiġi utillizat ukoll mill-iskejjel, ghaqdiet sportivi u volontarji. Dan il-progett huwa ezempju iehor tal-politika taghna li naghtu lura lin nies spazji publiċi aċċessibli għat tgawdija ta’ kulħadd.