Showing posts with label energija nadifa. Show all posts
Showing posts with label energija nadifa. Show all posts

Dec 12, 2013

Decizzjoni stramba


Skond Eicke Weber, direttur tal-Fraunhofer Institute for Solar Energy Systems tal-Germanja, t-teknologija wara l-crystalline silicon solar cells matul l-ahhar snin gawdiet mill-izviluppi estensivi li rat l-industrija tal-microelectronics. Sa 20 sena ilu, kilowatt ta’ energija mix-xemx fil-Germanja kien iqum 50 euro cents biex jkun prodott, filwaqt li llum fil-Germanja dan niezel ghal 10 euro cents biss.  F’pajjizi moghnija mix-xemx dan sahansitra llum niezel ghal bejn 5 u 8 euro cents.  F’hafna pajjizi dan ifisser li l-generazzjoni ta’ energija mix-xemx jiswa anqas mill-generazzjoni ta’ energija minn sorsi konvenzjonali bhaz-zejt u fuels ohra.

Skond Weber ukoll matul din is-sena se nkunu rajna zieda ta’ 20% ta’ installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaici fuq is-sena l-ohra.  Fil-fatt hu mistenni li jkun hemm solar plants godda li jiproducu mal-37 gigawatts (GW) ta’ energija nadifa. Qed naraw l-akbar tkabbir gewwa c-Cina, fejn ghall-ewwel darba  s-suq ghall-pannelli voltaici qabez sahansitra dak tal-Germanja. Ic-Cina din is-sena se tkun installat impjanti godda biex tiproduci 9 GigaWatts ohra filwaqt li l-Germanja se zzid b’3.5 GigaWatt. 

Meta tara dawn l-avvanzi fis-settur tal-energija mix-xemx aktar thawdek id-decizzjoni tal-Gvern prezenti li ma jallokax €5.5 miljun lill-industrija lokali sabiex sidien ta’ fabriki jinstallaw panelli fotovaltajiċi fl-istabbilimenti taghhom.   Dawn il-€5.5 Miljun huma parti minn fondi ewropej li ahna konna gibna biex imorru ghall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaici f’pajjizna.  Verament decizzjoni stramba aktar u aktar meta tiftakar li f’Awwissu ta’ din is-sena habta w sabta waqqaf l-istess skema li kien nhieda hu stess ftit granet qabel u ta x’jifhem li din se terga tohrog fi zmien qasir.
 
L-ahbar tad-decizzjoni giet midfuna f’bicca stqarrija li harget ftit granet ilu mis-Segretarju Parlamentari Dr.Ian Borg, liema stqarrija ma tat l-ebda spjega ghal din id-decizzjoni.  Stramba wkoll kif il-Ministru Konrad Mizzi sa llum ma lissen l-ebda kelma fuq din id-decizzjoni. 
 
B’din id-decizzjoni l-industrija mhux se tkompli mixja fit-triq li kienet qabdet fl-ahhar snin fejn investit bil-qawwa fl-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaici biex tiggenera energija nadifa u tnaqqas l-ispiza taghha.  Tajjeb wiehed ifakkar li l-Gvern immexxi mill-PN kien offra għadd ta' inċentivi biex l-industrija privata u s-settur turistiku jinvestu f'sistemi effiċjenti u nodfa ta' enerġija.  Fil-fatt aktar minn 140 kumpanija ħadu aktar minn €8.5 miljun biex jinvestu f'teknoloġija nadifa u b'hekk saru aktar kompetittivi.

Apr 18, 2013

Energija nadifa


Fid-diskors tal-President qalulna li “flimkien mas-settur privat se jinvestu b’mod aggressiv fl-energija gejja mix-xemx u teknologiji rinovabbli ohra” u aktar tard qalu li dan huwa pajjiz “li ghadu kompletament dipendenti fuq iz-zejt”.   Kaz iehor fejn jsiru statements biex joskuraw lill-gvern t’ qabel halli taparsi issa telghet ix-xemx u se nibdew mill-bidu. 
 
Tajjeb naghtu ftit fatti. Bl‐iskemi li konna nhedejna fl‐2009 u fl‐2010, kwazi 6,800 familja bbenefikaw minn għotja biex jixtru pannelli fotovoltajċi b’investiment ta’ 18‐il miljun ewro.  Dan apparti li bi €16-il miljun ohra sostnejna 270 sid ta’ negozju jew fabbrika b’ biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva.  Illum ghandna diga 20MW mill-pannelli fotovoltaici. 
 
Barra minn hekk bit-tender li hareg il-Gvern u bl-iskema ta’ 21M Euro li gibna minghand l-EU hu kkalkulat li notjenu 21MW iehor.  Dan ifisser li matul il-gurnata se jkollna kapacita ta’ 41 MW, igifieri kwazi 10% tal-Maximum Peak Demand ta’ pajjizna li hi ta’ 430MW.  Mela allura mhux veru li ghadna dipendenti totalment fuq iz-zejt.  Veru li ghadna lura ghax bdejna tard, imma ghamilna passi sostanzjali fl-ahhar 5 snin.   
 
Hu diga konna hadna l-passi mehtiega biex ikollna solar farms, tant li proprju fl-ahhar budget qabel ma waqa l-Gvern, konna stabbilejna r-rati tal-Feed In Tariff ghal sistemi akbar minn 1MW.  Minkejja li nifhmu li pajjizna hu ristrett fl-ispazju fuq l-art u ma jistax ikollu s-solar farms kbar li ghamlu pajjizi ohra, dan ma jfissirx li ma jistax ikollna solar farms ta’ qies iżgħar anzi aħna favur tagħhom dejjem jekk ma jkunux f’żoni sensittivi ekoloġikament jew estetikament.

 

 

Jan 11, 2013

Assolutament xejn gdid !


Jumejn ilu Joseph Muscat “habbar 4 proposta godda” skond hu fuq l-energija nadifa.  Fil-fatt ma habbar assolutament xejn gdid.  Spicca jghid li se jaghmel affarijiet li l-Gvern diga agixxa fuqhom inkella jhabbar inizzjattivi lid an il-Gvern diga tkellem fuqhom fl-ahhar budget u l-istess Joseph Muscat ivvota kontrihom halli ma nibdewx nimplimentawhom !  Inkredibbli imma veru ! 
 
L-ewwel “proposta” – Solar Farms : Minkejja li nifhmu li pajjizna hu ristrett fl-ispazju fuq l-art u ma jistax ikollu s-solar farms kbar li ghamlu pajjizi ohra, dan ma jfissirx li ma jistax ikollna solar farms ta’ qies iżgħar anzi aħna favur tagħhom dejjem jekk ma jkunux f’żoni sensittivi ekoloġikament jew estetikament. Proprju fl-ahhar budget stabbilejna r-rati tal-Feed In Tariff ghal sistemi akbar minn 1MW.   Barra hekk bil-fatti mxejna biex ikollna madwar 100,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binijiet pubblici bil-pannelli fotovoltaici u ghenna lil bi 15 il-miljun euro ‘l fuq minn 6,000 familja biex jinstallaw l-panelli fuq il-bjut tagħhom.  Dan apparti li bi €16-il miljun sostnejna 270 sid ta’ negozju jew fabbrika b’ biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva.  Kif ghidt il-bierah fir-risposta tieghi hadna bosta inizzjattivi ohra. 
 
It-Tieni “Proposta” : Jaghti Opportunita’ nvestiment f’Solar Farm lill-familji li m’ghandhomx access biex jinstallaw sistema ta’ PVs.  Inkredibbli ara xi ktibna fl-ahhar budget f’pagna 42: “Il-Gvern qed jiffinalizza wkoll skema li permezz tagħha familji li ma jistgħux iwaħħlu pannelli fotovoltajiċi fuq il-bejt tagħhom, jinvestu f’sistema akbar lil hinn mir-residenza tagħhom. Dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-enerġija nadifa ġenerata skont l-investiment li jagħmlu f’din is-sistema komuni.”  Joseph Muscat ivvota kontriha, issa jrid jaghmilha.  Qalilna wkoll li jaghmel skemi ohra ta’ ghajnuna.  L-istess jikkopja.  Diga habbart li se niddedikaw 19 il-Miljun Euro biex nghinu familji jinstallaw pannelli fotovoltaici u peress li l-prezz naqas allura se jkunu aktar il-familji li se jgawdu. 
 
It-tielet “proposta” : Jahdem biex isiru Energy Audits fid-djar.  Inkredibbli !  ma jafx li dawn diga bdejnihom f’Ghawdex u kommessi li nestenduhom f’Malta kollha !  Barra hekk diga diga ghamilna energy audits fuq bini pubbliku u kommessi li nonfqu 3 Miljun Euro biex naghmlu bidliet fil-binjiet tal-Gvern halli naghtu ezempju.Dan apparti li fl-ahhar budget habbarna li se naghmlu energy audits ghal ghaqdiet sportivi.  Ovvjament hu u shabu ivvotaw kontra.  Issa jridu jaghmluhom !  
 
Ir-raba “proposta” : Jaghmel skema fuq household appliances efficjenti u jaghti Water Saving Kit.  Ma jafx li fil-fatt diga ghamilna skema bhal din u tajna 45,000  energy efficient appliances lill-familji Maltin !  Apparti li f’pagna 52 tal-ahhar budget ghidna li se naghtu water saving kits lil kull familja f’Malta kif diga ghamilna f’Ghawdex !  Nistennew li ghallanqas Joseph Muscat ikollu d-dicenza li mhux jghid li se jhabbar imma jghid li jaqbel ma’ dak li l-gvern diga wettaq inkella jghid li hu jimplimenta dak li diga qal il-gvern fil-budget, ghal liema budget hu u shabu vvutaw kontra !

Nov 16, 2012

Premessa żbaljata


L-Opposizzjoni għandha ħabta tibni argument fuq premessa żbaljata u tiprova tieħu rikba bl-irħis. L-aħħar eżempju ta’ dan kienet l-istqarrija ta’ Leo Brincat meta qal li l-Gvern l-ewwel kien kontra solar farms u issa dawwar il-posizzjoni tiegħu favur. Il-Gvern qatt ma kien kontra solar farms, biss għax realisti dejjem aċettajna li minħabba l-qies u d-densita’ tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna, mhuwiex possibbli li f’pajjiżna jkollna s-solar farms kbar tad-dimensjoni li kellhom opportunita’ jagħmlu pajjiżi oħra, propju għax għandhom artijiet ferm akbar minn tagħna.  
 
Jien kelli okkażżjoni nżur solar farm kbir vicin il-belt Spanjola ta’ Sevilja.  Biex tiproduci enerġija għal madwar 70,000 dar (iġifieri qiesu nofs dak li għandna f’Malta) trid art għaxar darbiet dik tal-Belt Valletta. L-impjant ta’ Sevilja fih sa llum żewġ torrijiet ta’ 40 sular il-wieħed li jużaw teknoloġija ta’ concentrated solar thermal b’diversi mirja li jiffukaw ir-raġġi tax-xemx fuq solar receiver li jiproduci l-enerġija permezz ta’ steam turbine. Ovvjament jien għoxejt narah impjant bħal dak, imma issa għidli fejn nistgħu aħna realistikament nagħmlu wieħed bħalu ? Ovvjament dan ma jfissirx li ma jistax ikollna solar farms ta’ qies iżgħar anzi aħna favur tagħhom dejjem jekk ma jkunux f’żoni sensittivi ekoloġikament jew estetikament.  
 
Filwaqt li nifhmu l-limitazzjonijiet tagħna fl-istess ħin bil-fatti tajna l-eżempju meta: 1. Beda process biex madwar 100,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binijiet pubblici jitpoġġew fuqhom pannelli fotovoltaici; 2. Tajna għajnuna biex ‘l fuq minn 6,000 familja nstallaw l-panelli fuq il-bjut tagħhom; 3. Sostnejna 270 sid ta’ negozju jew fabbrika b’ €16-il miljun biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva,  4. Qed jaħdem biex jinstalla PVs fuq medda ta’ 6,000 metru kwadru ta’ art bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-miżbla l-magħluqa tal-Qortin; u 5. Introducejna feed-in-tariff kemm għal familji kif ukoll għan-negozji
 
Leo Brincat qalilna li dan il-Gvern biddel fehmtu fuq solar farms għax il-pjan għall-enerġija mir-riħ falla. Gidba oħra. Il-Gvern għaddej b’aktar studji biex isir dan il-proġett. Leo Brincat jaqbel li jsiru dawn l-istudji jew qed jipretendi li l-Gvern jinjora l-istudji ambjentali u jimxi biex jinstalla ?  Fuq l-issue tal-enerġija nadifa Leo Brincat biex ikun kredibbli jrid jwieġeb b’mod car dawn it-3 mistoqsijiet: 1. Jista’ jispjega huwiex favur impjanti oħra bħal dak ta’ Sant’Antnin li jiġġeneraw l-enerġija mill-iskart ? 2. Jaqbel li mill-iskart noħolqu l-enerġija permezz ta’ teknoloġiji diġa ppruvati f’pajjiżi ewropej bħal Thermal Treatment Plants ? 3. Jaqbel mad-diskors ta’ biża li żera l-Kap tiegħu fil-Baħrija fl-2009 meta qal li t-turbini tar-riħ fuq l-art jagħmlu ħsara lill-ilma tal-pjan ? Sa llum l-Opposizzjoni dejjem fixklet il-pjani tal-gvern. Ir-responsabbilita’ titlob mod ieħor.

Sep 7, 2012

IRENA - Lil hemm miż-żejt

F’dawn il-ġranet iltaqghu f’Malta mal-120 repreżentant minn pajjiżi li huma gżejjer bħalna biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fuq l-enerġija rinnovabli. Dan is-summit ‘Renewables and Islands Global Summit’ jaf  it-twelid tiegħu fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Durban fl-Afrika t’Isfel f’Dicembru li għadda.  Dakinhar kont iltqajt ma' Dr.Adnan Amin, id-Direttur Generali tal-IRENA, li hi l-aġenzija nternazzjonali għall-energija rinnovabbli, u appellajtlu biex tigi organizzata laqgħa li tagħti l-opportunita’ lill-mexxejja ta’ diversi gżejjer jaqsmu l-esperjenzi posittivi u dawk negattiva fil-mixja tagħhom lejn aktar enerġija nadifa.  Għamilt dan għax mill-esperjenza tagħna, gżejjer żgħar għandhom bosta diffikultajiet  li ħafna minnhom huma marbuta mal-limitazzjonijiet tal-art disponibbli għalihom, l-economies of scale tagħhom u anke problemi oħra ta' sigurta tal-enerġija, li gżejjer bħalna tant ibgħatu minnhom għal raġunijiet ovvji. 
 
Wara ftit li ltqajt miegħu, id-Direttur Ġenerali kkuntatjani biex laqgħa bħal din issir proprju f’Malta.  Ovvjament apprezzajt ħafna din il-proposta, aktar u aktar meta wieħed iqis li Malta saret membru tal-IRENA fl-2009.  Għal dan is-summit attendew ministri minn madwar 14-il pajjiż,  nies teknici ta’ kumpaniji fil-qasam tal-enerġija kif ukoll rappreżentanti ta’ investituri mid-dinja kollha.  Kellna magħna wkoll rapreżentanti mill-World Bank u l-Agenzija Internazzjonali tal-Energija. 
 
Dan is-summit tana l-opportunita’ nipreżentaw dak li għamilna sa llum kif ukoll niddiskutu l-pjanijiet tagħna għas-snin li ġejjin kemm biex niġġeneraw enerġija nadifa mix-xemx, mir-riħ u mill-iskart, li huma t-tlett sorsi li għandna għad-disposizzjoni tagħna sa llum.  Proprju din il-ġimgħa kelli l-opportunita’ nagħti l-letter of intent lill-konsorzju li se jinstalla pannelli fotovoltaici fuq area ta’ madwar 70,000 metru kwadru (il-qies ta’ madwar 9 pitches tal-football) ta’ bjut ta' binjiet tal-gvern.  Dan l-investiment ta’ madwar 20 Miljun Euro se jsir wara li 15-il kumpaniji kienu wrew interess wara sejħa pubblika (expression of interest) u wara process ta’ tender għal tlett kumpaniji li ġew shortlisted.
 
Kellna l-opportunita’ wkoll naqsmu magħhom anke d-diffikultajiet tagħna u naraw jekk huma għandhomx problemi simili u kif qed jafrontaw dawn id-diffikultajiet. Waħda mid-diffikultajiet li għandna aħna biex niġġeneraw enerġija mir-riħ ġejja mill-fatt li l-ibħra madwar Malta huma fondi ħafna, bl-eccezzjoni ta’ sikka waħda, u allura mhux daqstant facli teknikament u ekonomikament tinstalla windfarms madwar il-gżejjer tagħna.  U s-sikka li għandna hija waħda sensittivi għax jingħad li l-irdieden jistgħu jaffetwaw għasfur partikolari li jbejjet f’irdum  faccata ta’ din is-sikka. Għaldaqstant qed nintalbu neżaminaw aktar dawn l-impatti.  Studji bħal dawn iridu ż-żmien, u ż-żmien mhuwiex favur tagħna għax għandna miri li rridu nilhqu sal-2020.

Apr 26, 2012

L-għatx ghaż-żejt

Nhar it-Tnejn li għadda kont mistieden għall-laqgħa ta’ diskussjoni fuq il-Climate Change & Renewable Energies li kienet organizzata minn Nature Trust flimkien mal-Ambaxxata Amerikana. Fl-intervent tiegħi sħaqt fuq l-importanza li l-Gvern Amerikan ikompli jinvesti u jinċentiva b’saħħa r-ricerka fuq teknoloġiji għall-enerġija nadifa. Nemmen dan għandu impatt pożittiv qawwi fis-suq internazzjonali fil-konfront ta’ teknologiji li jiġġeneraw enerġija b’sistemi konvenzjonali bħaż-żejt u l-gass.

Iżda minkejja dan, l-Amerika f’dawn l-aħħar snin, żdiedet b’mod qawwi l-attivita’ għat-tiftix taż-żejt anke f’areas sensittivi bħal l-Alaska. Il-produzzjoni taż-żejt żdiedet b’ammont qawwi, tant li llum l-produzzjoni taż-żejt fl-Istati Uniti laħqet dik fil-Libja.  Fi żmien 8 snin oħra l-Istati Uniti (skond data mill-Financial Times) se tkompli tnaqqas l-importazzjoni taż-żejt b’terz ta’ dak li timporta illum.  Fl-ahhar 4 snin l-Istati Uniti diġa naqset l-importazzjoni taż-żejt minn 60% għal 46%. B’hekk se tkompli tonqos id-dipendenza tal-Amerika mill-importazzjoni taż-żejt, speċjalment mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Golf Għarbi. L-għatx tal-Istati Uniti għaż-żejt ma jidhirx li se jieqaf.

Din iż-żieda fil-produzzjoni taż-żejt fl-Istati Uniti stess se tagħmilha aktar difficli għall-amminstrazzjoni Amerikana li timplimenta carbon tax fuq enerġija li tħammeġ, meta parti sostanzjali mill-profitti taż-żejt se jmmoru għand kumpaniji Amerikani u mhux għand pajjżi oħra.

Waqt dan l-avveniment kelli l-opportunita’ ukoll niltaqa ma’ Dr.Peter Schubert, Direttur tar-Richard Lugar Centre for Renewable Energy (Indiana University), li kien l-kelliem ewlieni. Fl-intervent tiegħu Schubert saħaq fuq l-importanza li l-scientific community issemma leħinha b’mod posittiv fuq teknoloġiji li anke jikkonvertu l-iskart f’energija nadifa, inkluz teknologiji bħal incinerazzjoni u teknologiji ohra.  B’hekk tingheleb il-biża li wħud ikollhom fuq għodod bħal dawn.  Kont niehu gost kieku appelli bħal dawn smajthom qabel.  Forsi ma konniex inkunu ffacjati bi krucjati anke kontra digestor bħal dak ta’ Sant’Antnin !

Apr 7, 2012

Aktar ghajnuna ghal efficjenza fil-konsum

Forsi ftit nies jirrealizzaw li sistema ta’ double glazing taf tiffranka lill-familja bejn 12% u 25% mill-konsum tal-enerġija specjalment fix-xhur xitwin. Dan għax id-double glazing kapaci jżommlok fuq ġewwa s-sħana li tkun akkomulajt fid-dar. Fix-xhur tas-sajf wiehed kapaci jifranka l-istess persentaġġ ta’ enerġija jekk il-ħġieġ ikollu fuqu wkoll xi canopy. F’dawn il-ġranet ħabbart il-ftuħ ta’ skema oħra ta’ għajnuna mmirata biex tinkoraġġixxi l-installazzjoni ta’ Double Glazing kif ukoll Roof Insulation fid-djar. Kull min sal-aħħar tas-sena 2012, jinstalla Roof Insulation u Double Glazing fid-dar tiegħu jista’ jingħata għajnuna li tlaħħaq 15.25% tat-total tal-infiq eliġibbli sa massimu ta’ €1,000.

Mill-2006 sa’ llum ġew mgħejjuna mill-Gvern ‘l fuq minn 600 familja biex installaw fi djarhom double glazing jew roof insulation. Apparti dan fl-istess perjodu ’l fuq minn 12,000 familja ngħataw għajnuna mill-Gvern biex investew f’sistema ta’ panelli fotovoltajiċi jew Solar Water heaters. L-investiment fil-pannelli fotovoltajiċi waħdu, wassal biex ġew investiti ’l fuq minn €33 miljun mill-familji b’għajnuna li laħqet madwar €16-il miljun. Dan apparti l-għajnuna li tajna fl-għoti ta’ bozoz energy saving, liema bozoz swew lil-Gvern mal-€4 miljuni oħra.

Ħabbart din l-iskema waqt żjara f’fabbrika tal-ħġieġ tas-Sur Mario Tonna fl-Imrieħel fejn flimkien mal-ġurnalisti stajt nara l-process kollu ta’ kif isir il-ħġieġ double glazing. Impressjonajt ruħi bl-investiment massicc li l-familja Tonna għamlet fl-aħħar snin fuq magni li jiproduci tampered glass u laminated glass, apparti dak biex jiproduci double glazing. Verament ħadt gost nisma mingħandu l-viżjoni tiegħu kemm għall-azjenda tiegħu kif ukoll għall-pajjiżna sabiex jitkattru l-green jobs. Is-Sur Tonna jitkellem b’passjoni fuq il-ħġieġ.

Mar 25, 2011

Azzjoni ndustrijali rresponsabli

Il-bierah filgħodu inawgurajt sistema ta’ dawl LED ġewwa Student’s House fl-Universita ta’ Malta. Permezz ta’ din is-sistema’ din il-binja se tifranka bejn 40 sa 60% tal-konsum tad-dawl. Hu dejjem ta’ sodisfazzjon għalija li nara aktar għaqdiet, entrapriżi, azjendi u familji jinvestu f’sistemi li jaħlu anqas u li jiġġeneraw l-enerġija minn sorsi nodfa. L-ammont ta’ panelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tal-familji tagħna qiegħed kull ma jmur jiżdied u l-interss tan-nies li jinvestu f’sistemi bhal dawn qiegħed dejjem jikber.

Tajjeb wiehed jghid li ghall-ahhar skema li hrigna ta’ ghajnuna fuq pannelli fotovoltaici kellna ‘l fuq minn 1000 familji li ressqu ‘l quddiem biex jinvestu flushom. Dawn bejniethom investew mas-€6 miljun biex fuq il-bejt tagħhom jinstallaw pannelli fotovoltaici. Hija ħasra pero li minħabba azzjoni ndustrijali mill-GWU ghadhu ma twahhalx il-meter biex ikejjel l-ammont ta’ energija li dawn il-pannelli qed jitfghu fuq il-grid nazzjonali tal-elettriku. Peress li ma twahhlilhomx il-meter dawn il-familji ma jistgħux jieħdu l-benefiċċju tal-hlas ghall-elettriku li qed jitfghu fuq il-grid nazzjonali. L-intransinġenza tal-GWU wasslet biex dawn il-familji bejniethom ġew imċaħħda minn madwar nofs miljun ewro li kieku diġa ħadu lura bħala feed-in-tariff.


Mhux hekk biss iżda. Dawn il-familji huma ntitolati biex bejniethom jingħataw lura €3 Miljun f’għajnuna mis-€6 Miljuni li nvestew. Minħabba l-intranigenza tal-GWU din l-għajnuna lanqas ma tista’ tingħata ghalissa galadarba l-meter ghadu mhux insatallat. Kienu ħafna dawk il-familji li kitbuli ittri u emails isaqsu x’jista jsir. Persuna minn dawk li kitbitli qaltli wkoll; “Mhux ġust għalina li investejna flusna u minħabba azzjoni ta’ ħaddiehor qed insofru bla ħtija” Jien naqbel ma dak li nkiteb tant li llum publikament għamilt appell lill-GWU biex tħalli l-ħaddiema tal-Enemalta msiehba maghha jinstallaw dawn il-meters.


F’Jannar li għaddha kont mistieden mil-GWU sabiex nitkellem f’konferenza organizzata minnhom, dwar il-green jobs. Kemm il-President tal-Union Victor Carachi kif ukoll is-Segretarju Generali Tony Zarb tkellmu fuq l-importanza li ssir xi ħaġa biex nipromwovu l-energija nadifa. Jekk verament il-GWU temmen li hemm isir dan ma jistax ikun li mbaghad tagixxi b’mod li tfixkel lil dawk li jkunu ressqu ‘l quddiem biex jaghmlu l-parti taghom u jinvestu f’energija nadifa. Hemm bzonn li l-GWU ma tarax sa mnieherha.

Mar 21, 2011

Nukleari: ftit fatti ohra

Fid-dawl tad-dizastru tal-impjant nukleari ta’ Fukushima Daiichi fil-Gappun tajjeb li wiehed jirrifletti fuq erba’ punti li gbart dan l-ahhar minn artiklu li kien hemm fil-Wall Street Journal. L-ewwel haga: 20% tal-impjanti nukleari fid-dinja qeghdin f’zoni fejn isiru terremoti ; It-tieni: 14 minn dawn l-impjanti qeghdin f' highly seismic areas; It-tielet: it-terremot li garrab l-impjant ta’ Fukushima Daiichi kien għaxar darbiet akbar mit-terremot li ġie ddisinjat għalih; Ir-raba’: l-akbar impjant nukleari tal-Gappun, dak f’Kashiwazaki, fil-2007 ukoll garrab terremot akbar minn dak li ġie ddisinjat għalih.

Mhux qed ngħid dan biex nallarma, imma rridu nżommu l-fatti kollha quddiem ghajnejna meta nitkellmu fuq l-energija nukleari. Xi osservaturi jipruvaw jaghtu l-impressjoni li dak li gara f’Fukushima huwa kaz uniku u li m’ghandniex ghaliex ninkwietaw li jista jkun hemm kazijiet ohra simili.

Waqt li ndirizzajt il-Kunsill tal-Ministri tal-Energija li ssejjah llum b’urgenza fi Brussel, jien ghidt li ghalkemm ahna nagħrfu li l-Unjoni Ewropea għandha fost l-aqwa standards fl-industrija, biss ma nistgħux nistrieħu fuq dan. Il-Ġappun ukoll kellu standards għoljin ħafna izda gara li gara. Ir-radjazzjoni ma tirrikonnoxxix fruntieri. Hu ghalhekk li ahna nappogjaw l-posizzjoni li ha l-Kummissarju Ewropew, Gunther Oettinger, li l-UE tfassal lista ta’ kriterji ghal stress tests ghall-impjanti nukleari fil-pajjizi tal-UE kif ukoll tal-pajjizi girien kemm-il darba dawn jaccettaw.

Meta nitkellmu fuq sussidji lill-energija, hafna osservaturi jsemmu biss s-sussidji li jirciervi l-energija rinnovabbli bhal dik mix-xemx jew mir-rih. Ftit li xejn qatt jissemmew is-sussidji li tircievi l-industrija tal-impjanti nukleari. Issa tajjeb nghidu li fl-aħħar ħamsin sena l-industrija nukleari gawdiet minn sensiela ta’ sussidji preferenzjali minn bosta gvernijiet. Hemm studji li analizzaw dawn is-sussidji, u fil-fatt studju minnhom sahansitra jghid li “l-valur ta’ sussidji kien akbar mill-valur tal-enerġija li pprovdew”. Mhux qed ngħid dan biex nikkundanna n-nukleari imma biex ikollna l-fatti kollha fid-diskussjoni li ghaddejja bhalissa fuq il-futur tal-energija nukleari.

Sep 16, 2010

Vizjoni 2015

Laqatni hafna l-ezercizzju li ghamel l-Moviment Zghazagh tal-PN sabiex jiddefinixxu f’aktar dettall u jaghtu proposti konkerti dwar il-Vizjoni 2015. Ma laqatnix biss ir-rizultat finali imma laqatni fuq kollox il-process li mxew bih biex otjenew ir-rizultat. L-MZPN laqqa grupp ta’ żgħażagħ li ma jiffurmawx parti mill-istrutturi tal-Partit, li wara sensiela ta’ laqgħat konsultattivi mal-istakeholders u esperti f’dawn l-oqsma, flimkien sawru dokument b’sett ta’ 150 proposti konkreti. Proposti li għandhom iwasslu biex flimkien ma’ ideat li diga bdew ikunu mplimentati jghinu halli pajjiżna jiffoka fuq seba' oqsma li fihom għandu vantaġġi naturali. Flimkien irrid naraw kif l-ahjar nibni fuq dawk il-vantaġġi biex inkunu fost l-aħjar fid-dinja f'dawn l-oqsma. B'hekk ukoll, il-ħaddiema f'dawn l-oqsma jkollhom xogħol u dħul aħjar.

Attendejt għall-preżentazzjoni tad-dokument intitolat ‘Team 2015’ li ġie ppreżentat minn dan il-grupp ta’ żgħażagħ lill-Prim Ministru. Apprezzajt il-mod kif dawn iz-zghazagh, immexxijin minn Ryan Callus, ghamlu l-prezentazzjonjiet separati ghal kull qasam. Tkellmu b’mod konvincenti u ma qaghdux lura milli jikritikaw jew josservaw nuqqasijiet. Hekk nistenna li jaghmlu z-zghazagh. Jghidu dak li ghandhom jghidu. Jidher car li l-homework ghamluh tajjeb. Ma tkellmux fuq x’ihossu sempliciment huma imma tkellmu bin-numri u deher car hafna l-input tal-stakeholders f’dan l-ezercizzju. Hu ta’ sodisfazzjoni li nara ezercizzju bhal dan jsir ghax fl-ahhar mil-ahhar il-Vizjoni 2015 li qed nahdmu ghaliha tiddependi wkoll miz-zghazagh, li ghandhom jkunu minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni taghha.

Ma nistax ma napprezzax l-analiżi li saret fuq il-qasam tal-enerġija. Kif rajna fl-aħħar xhur, l-iskemi għall-introduzzjoni ta’ sistemi fotovoltajiċi kif ukoll dawk għal solar water heaters u l-bozoz imqassma b’xejn lil kull familja kienu suċċess totali. M’inix ngħid li wasalna u ma fadlilniex x’naqdfu, pero’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li mixjin fid-direzzjoni t-tajba u fil-futur qarib sejrin naraw soqfa ta’ binjiet publiċi jinksew b’aktar panelli fotovoltajiċi. Permezz ta’ dawn il-panelli fotovoltajiċi se tiġi prodotta enerġija daqs kemm jiġġeneraw madwar 1,500 familja.

Feb 17, 2010

Impressjonajt ruhi

Mill-bieraħ fl-uffiċini tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet sabiex il-familji jibbenefikaw mill-iskemi li qed joffru għajnuna fuq sistemi ta’ panelli fotovoltajċi u solar water heaters. Impressjonajt ruhi kif f’anqas minn gurnata, litteralment f'numru ta' sieghat, mill-ftuh tal-iskema l-applikazjonijiet għal sistemi ta’ panelli fotovoltajiċi ittieħdu kollha ! Iġifieri l-Awtorita’ rċeviet 416 applikazzjoni għal għajnuna sa 50% tan-nefqa kapitali sa massimu ta’ €3,000. Ovvjament kull minn applika irid johrog minn butu in-nofs l-iehor tal-ispiza. L-ghajnuna lill-familji hija ko-finanzjati wkoll mill-Unjoni Ewropea.

Huwa ta’ sodisfazzjon li rnexielna fi ftit snin nrawmu kultura u mentalita’ ġdida favur dawn it-tip ta’ teknoloġiji permezz ta' offerti vantaġjużi ħafna tul l-ahhar erba snin. Permezz tas-sussidji ghenna lill-familji jinvestu f'solar water heaters, jixtru energy saving household appliances, jinstallaw double-glazed windows u roof insulation. Barra hekk matul is-sena li ghaddiet investejna €4M halli naghtu lill-familji bozoz energy saving.

Il-bidla fil-mentalita hija evidenti fil-fatt li f'erba snin l-ammont ta' solar water heaters f'pajjizna minn 5,000 zdied ghal aktar minn 13,000 ! Permezz ta' dawn l-ghajnuniet il-payback period fuq Solar Water Heater se jkun ta’ 3 snin, filwaqt li fuq sistema ta’ panelli fotovoltajiċi se jkun ta’ 8 snin. Dan juri kemm dawn l-iskemi huma ta’ benefiċċju għall-familji. Il-fatt li fuq solar water heater tieħu lura flusek fi 3 snin jagħmel din l-iskema aktar worth it sabiex tinvesti fil-futur tiegħek! B'hekk mhux biss nghinu l-ambjent imma nghinu lill-familji jnaqsu l-ispiza taghhom fuq il-konsum tad-dawl. Biex nghinu lill-familji jaghmlu dan il-pass fit-tlett snin li gejjin se naghtu €8M f'ghajnuniet.

Dec 30, 2009

Ftit sforz..għal tibdil kbir

Hija mpressjonanti c-cifra li tawni dan l-ahhar : hu stmat li Malta se tkun qed tiffranka mas-€6 miljuni f’elettriku matul is-sena d-dieħla b’riżultat tal- introduzzjoni ta’ numru ta’ skemi u inizjattivi li jiffrankaw l-enerġija u jħarsu l-ambjent. Dan l-iffrankar huwa ekwivalenti ghall-enerġija li tintuża minn madwar 10,000 familja ffurmata minn tliet persuni skond il-kontijiet tad-dawl il-ġodda inkella biex wiehed jifhem ahjar, ser jiġi ffrankat elettriku daqs kemm jintuża mid-djar kollha ta’ Pembroke, Tas-Sliema u San Ġiljan.

Dan l-iffrankar ġej primarjament mit-tlett skemi ta’ effiċjenza fl-enerġija li implimenta l-Gvern fl-aħħar snin li huma r-rebate fuq l-appliances bhal fridges, u apparat ieħor li jaħli anqas, l-iskema ta’ tqassim ta’ bozoz energy saving b’xejn lil kull familja, u s-sussidju fuq xiri ta’ sistemi ta’ panelli fotovoltajici u solar water heaters.

Wieħed irid ifakkar li apparti l-għajnuna fuq xiri u użu ta’ apparat li jħares l-ambjent, il-Gvern investa wkoll f’kampanja informattiva bħalma hi l-kampanja Switch li tnehdiet matul din is-sena u li kienet immirata biex toħloq għarfien akbar fost il-poplu.

Quddiem dawn iċ-ċifri malajr wieħed jikkonkludi li dan huwa veru każ li bi ftit sforz ta’ ħafna nistgħu nagħmlu tibdil kbir u effettiv li minnu ngawdu aħna, wliedna u l-ambjent ta’ madwarna.

Nov 1, 2009

Energija mir-rih : jibda l-moniteragg

Dalgħodu fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa, zort flimkien mal-media l-Monitooring mast, arblu ta' madwar 80 metru tul, li gie nstallat sabiex isir monitoraġġ tar-rih fl-inhawi tas-Sikka l-Bajda. Mir-riżultati ta’ dan il-monitoring mast, tkun tista’ tittieħed deċiżjoni jekk ikunx vijabli li jsiru t-turbini tar-rih fuq is-Sikka li tinsab bejn kilometru u nofs u tliet kilometri ‘l barra mill-kosta tal-Aħrax tal-Mellieħa. Is-Sikka l-Bajda intagħżlet wara studji preliminari li saru minn tim tekniku.

Jekk wara li tigi analizzata d-data jinstab li l-progett huwa viabbli allura hu kkalkulat li minn windfarm fuq is-Sikka l-Bajda niproduċu mal-40% ta’ enerġija nadifa li l-Unjoni Ewropea titlob li Malta jkollha sa’ ħdax-il sena oħra. Jekk il-progett ikun viabbli allura hu mistenni li jsir investiment ta’ madwar €300 miljun mis-settur privat. B'kollox hu kkalkulat li fuq is-Sikka l-Bajda jitqiegħdu bejn 18 u 20 turbina. Kull turbina tkun qed tiġġenera mal-5 megawatts, b’total ta’ bejn 90 u 100 mega watt.

Dan hu pass ieħor konkret fit-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern favur enerġija nadifa. Sal-2020, 10% tal-enerġija li tikkonsma Malta trid tkun nadifa, u għalhekk, il-Gvern Malti qed jiffoka fuq tliet riżorsi biex jiproduċi enerġija aktar nadifa: ix-xemx, ir-riħ u l-enerġija mill-iskart. Fuq il-produzzjoni ta' energija nadifa ma nistghux nieqfu mal-kliem sabiħ. Jehtieg niehdu d-decizzjonijiet li jwasslu ghal azzjoni konkreta. Aħna nieħdu deċiżjonijiet, li għalkemm mhux dejjem popolari, huma meħtieġa biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Għax il-politika mhi xejn jekk mhux akkumpanjata minn sens ta’ tmexxija, determinazzjoni u impenn.

Apr 28, 2009

Time for Action.

Kif ghidt ftit tal-granet huwa tajjeb li niccelebraw l-inizjattiva ta' pajjizna 20 sena ilu fuq l-issue tat-tibdil fil-klima izda hemm bzonn azzjoni konkreta biex pajjizna jaghmel il-parti tieghek f'din il-glieda kontra t-tibdil fil-klima. Parti mill-azzjoni hija dik ta' generazzjoni ta' energija nadifa, inkluz dik mir-rih. Huwa ghalhekk b'ghaqal u responsabilita' li llum il-PM u jien habbarna li se jigu studjati 3 siti biex fihom isiru windfarms. Il-proposti tal-postijiet fejn se jsiru aktar studji huma: Wied Rini u Ħal Far fuq l-art, u s-Sikka l-Bajda fil-baħar.

Id-deċiżjoni tal-Gvern hi deċiżjoni li mhux biss tikkonferma l-impenn tal-Gvern ghall-ambjent ahjar imma hija wkoll impenn ghal kompetittivita’ akbar ta’ pajjiżna u l-ħolqien tax-xogħol. L-applikazzjonijiet lill-MEPA għal dawn it-3 siti qed isiru wara studji preliminari li saru minn team tekniku. Dawn l-istudji li jridu jsiru jinkludu fost l-oħrajn il-qawwa tar-riħ, l-avjazzjoni u l-attivita’ marittima u l-ambjent.

It-tħabbira tal-lum hija biss il-bidu ta’ proċess sħiħ tal-ippjanar li jrid isir, liema proċess se jkun wieħed miftuħ u trasparenti u fejn kulħadd ser ikun mistieden jesprimi ruħu. Il-Gvern marbut b’miri ċari sal-2020 u għalhekk pajjiżna m’għandux il-lussu li jista’ joqgħod jistenna l-iżvilupp ta’ teknoloġiji mingħajr fl-istess waqt ma jarax kif jimmassimizza l-alternattivi li jeżistu llum. B'kuragg qed niffaccjaw l-isfidi halli għada pitgħada uliedna jħarsu lura u jirrikonoxxu li aħna wettaqna dak kollu possibli biex huma jgawdu minn enerġija nadifa u minn ambjent aħjar.
http://www.doi.gov.mt/EN/News/newsitems/audiorecording%20-28.04.09.asp

Feb 17, 2009

Aktar incentivi

Il-Gvern biex ikompli jħeġġeġ lill-familji jinvestu f’apparat li jnaqqas il-konsum tal-enerġija l-bierah varajna 3 skemi ta' għajnuna ghal xiri ta' :
1. solar water heaters. Kull familja se tingħata lura nofs l-ispejjeż lura sa massimu ta’ €460. Se jingħataw €2 miljun, b’hekk għandhom jibbenefikaw madwar 4,500 familja.
2. photovoltaic panels. Applikant jista jingħata 50% tal-investiment sa massimu ta’ €3,000. Minn din l-iskema se jibbenefikaw madwar 200 familja.
3. insulazzjoni tal-bjut u x-xiri ta’ ħġieġ double glazing. Se tingħata għajnuna ta’ 33% tal-ispiża sa massimu ta’ €300. Minn din l-iskema hu kkalkulat li se jibbenefikaw madwar 1,000 familja.


Sa t-tieni ġurnata mill-ftuħ ta’ dawn l-applikazzjonijiet, daħlu 279 applikazzjoni għal solar water heaters, 149 applikazzjoni għal sistemi ta’ photovoltaic panels u 13 applikazzjonijiet għall-iskema ta’ ħġieġ double glazing u insulazzjoni tal-bjut.
Hija sfortuna li f’pajjiżna anke xi ħaġa posittiva bħal din tisfa taħt il-mira tal-Opposizzjoni. Il-bieraħ il-kelliem tal-Opposizzjoni, Leo Brincat, skond kif ikkwotat minn The Times ikkritika “the confusing manner in which the schemes were introduced.” Skond hu l-Gvern ta l-impressjoni li kull min jixtri equipment bhal dan mill-1 ta’ Jannar 2009 jikwalifika għal dawn l-iskemi.

Wisq nibża li kien hu qiegħed fi stat ta’ konfużjoni. Hija ovvja li meta toħroġ skema d-data li minna persuna jkun jista jikwalifika għall-għajnuna dejjem tkun id-data minn meta dik l-iskema tkun varata biex jitnaqqas ic-cans t’abbuż.


Ghal aktar dettalji ara http://www.mra.org.mt/

Oct 22, 2008

Lejn energija nadifa

Fi tmiem il-ġimgħa kemm il-Prim Ministru kif ukoll jien, tajna hjiel dwar l-inizjattivi li behsiebu jiehu l-Gvern biex jintlahqu l-miri ambizzjuzi li għandu quddiemu pajjizna specjalment fil-generazzjoni ta' energija minn sorsi nodfa, bhar-rih.

Spjegajna kif fl-aħħar xhur konna qed naħdmu bis-sħiħ biex inkunu f’pozizzjoni li nibnu proposta konkreta halli f'pajjizna jkollna l-ewwel windfarm off-shore, speċifikament fuq is-Sikka l-Bajda. Dan hu proġett li l-investiment għalih mistenni jlaħħaq il-€130 miljun, liema investiment isir primarjament mill-privat. L-energija minn dan il-windfarm ghanda taghti lil pajjiz mal-4% tal-energija li nikkunsmaw kull sena. Il-Gvern ser jipproponi wkoll xi siti fuq l-art fejn fihom ikunu jistgħu jitpoġġew ukoll xi windmasts.

Biex nilhqu l-mira taghna hemm inizjattivi li jrid jiehu l-Gvern izda hemm ukoll hidma li trid issir minn mill-familji sabiex jutilizzaw sorsi ohra ta' energija jew jaghmlu uzu minn apparat li jnaqqas il-konsum tal-energija. Kif ġa ħabbarna, se nkunu qed ngħaddu mat-€33 miljun lill-familji u kumpaniji biex fil-ħames snin li ġejjin jixtru sistemi li jiġġeneraw enerġija nadifa bħalma huma l-photovoltaic panels.

Fid-diskors li ghamilt fil-Kunsill Generali ghamilt appell sinċier sabiex ikollna diskussjoni matura li tmur lil hemm mill-partiġġjanizmu politiku halli naslu biex ikollna dawn il-facilitajiet. F'pajjiz zghir bhal taghna xi hadd bilfors se jghid li dawn il-facilitajiet se jkunu "vicin" tieghu. Izda minn naha l-ohra ma nistghux nibqghu ma naghmlu xejn. Biex nilhqu l-miri taghna hemm bzonn nuzaw is-sorsi nofda kollha, specjalment mix-xemx u mir-rih. Jekk naslu biex naghmlu dan allura ikollna ukoll anqas tniggiz.