Naħseb li sal-bieraħ filgħaxija ftit kienu qed jittamaw li kien ser jintlaħaq qbil aħħari bejn il-mexxejja tas-27 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar dak li ser isir magħruf bħala t-trattat ta’ Lisbona. Imma wasalna. L-Ewropa reġgħet bdiet miexja fit-triq lejn aktar integrazzjoni wara stale-mate li kien ilu jirrenja sentejn sħaħ minn meta l-Kostituzzjoni Ewropea spiċċat fix-xejn.
Li hu żgur hu li ma kienx faċli jintlaħaq għax l-oġġezzjonijiet tal-pajjiżi membri kienu ħafna u varjati… mix-xewqa għal aktar siġġijiet fil-Parlament Ewropew ta’ l-Italja sa’ kif għandha tissejjaħ l-Ewro mill-Bulgari (li riedu d-dritt li jiktbuha Evro bl-alfabet Cirilliku!)
Imma dak huwa s-sabiħ ta’ l-Unjoni Ewropea wara kollox, 27 ġens distint li fl-aħħar mill-aħħar dejjem isibu t-triq lejn aktar integrazzjoni bejniethom.
Dan it-trattat, għalkemm m’hux b’saħħtu daqs Kostituzzjoni, ser jilħaq bosta mill-għanijiet tagħha, fosthom ir-riforma ta’ l-istrutturi amministrattivi ta’ l-Unjoni, u aktar importanti minn hekk, integrezzjoni akbar fil-politika barranija ta’ l-istati membri.
Għal Malta, ifisser ukoll il-kisba tas-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew mill-2009 ‘l hemm.
No comments:
Post a Comment