Oct 14, 2009

Nefqa favur l-ambjent

Nisimgħu spiss dwar emissjonijiet, tniġġiż, miri li għandu pajjiżna u affarijiet relatati. Sfortunatament, ħafna drabi nispiċċaw ma nirrealizzawx biżejjed il-piż finanzjarju li jkollu jinġarr biex jiġu indirizzati dawn l-issues daqstant importanti.

Smajna kif il-Korporazzjoni Enemalta se tniehdi modifiki għall-boilers tal-power station li mistennija jiswew mal-€20 miljun. Dawn il-modifiki, li mistennija jitlestew sal-2011, huma neċessarji biex jonqsu l-emissjonijiet, specjalment ta' nitrogen oxides, minn dawn il-boilers. L-Enemalta ħabbret ukoll li qed tlesti applikazzjoni għal fondi Ewropej biex tkopri din in-nefqa.

Ta’ min jgħid li l-Gvern diġa kien ħa passi biex jindirizza l-problema tal-emissjonijiet, fosthom bl-introduzzjoni tal-użu ta’ żejt b’livelli ta’ kubrit baxxi (low sulphur content). Dan it-tip ta’ żejt żied in-nefqa għall-Gvern konsiderevolment, xejn anqas minn €7 miljun fis-sena bhala average, pero dan kien neċessarju biex niżguraw li l-impjanti tagħna qed jikkonformaw ma’ dak li hu mitlub minnhom.

Għal ħafna, l-ambjent jista’ jfisser biss xi ħaġa astratta. Effettivament, l-ambjent jinħtieġ investiment kbir kif jixhdu dawn iċ-ċifri. Il-Gvern huwa impenjat li jkollu faċilitajiet konformi mad-Direttivi Ewropej, pero kulħadd irid japprezza li hemm piż finanzjarju x’jinġarr.

No comments: