Hekk kif l-Irlanda għadha kif talbet formalment l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, u l-Portugal mistenni jieħu l-istess pass f’qasir żmien, ikompli joħroġ fid-deher l-għaqal tat-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna.
Il-problemi tal-Irlanda huma differenti minn dawk tal-Portugal. Il-Gvern Irlandiż għandu flus imma s-sistema bankarja tal-pajjiż hija mifnija mid-djun u l-Gvern iddeċieda li jagħmel tajjeb għal dawn id-djun biex jiżgura li s-sistema bankarja tibqa’ tiffunzjona. Il-Portugal, mill-banda l-oħra, għandu sistema bankarja fuq saqajha pero l-ekonomija hija staġnata u d-dejn pubbliku m’għadux f’livelli sostenibbli. Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż ma rnexxilux din is-sena jindirizza d-deficit, li qieghed dejjem jikber, anzi, fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena dan kompla żdied bi 2.3% fuq dak li kien sena ilu.
L-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna, u l-mod għaqli ta’ kif joperaw kif ukoll l-qafas legali tagħna wasslu biex aħna nevitaw li nħabbtu wiċċna mal-problemi li issa qed tiffaċċja l-Irlanda. Mill-banda l-oħra, l-prudenza tal-Gvern sa minn meta faqqgħet il-kriżi ekonomika fid-dinja, wasslitna biex nevitaw ukoll il-problemi li llum għandhom il-Portugiżi. Fl-aħħar tlett snin il-Gvern ħadem bla heda biex inaqqas id-deficit, anke waqt li kien qed jgħin lill-kumpaniji li sabu diffikultajiet. Din l-istrateġija ekonomika wasslet biex il-Gvern nefaq flusu biex ikattar il-postijiet tax-xogħol u joħloq il-ġid.
Il-miżuri drastiċi mħabbra minn diversi pajjiżi Ewropej huma deċiżjonijiet li ebda Gvern ma jieħu pjaċir iħabbar. Sa’ llum pajjiżna rnexxielu jevita dan l-għawġ għaliex il-Gvern għaraf jadatta ruħu u janticipa certi sitwazzjonijiet. Ma rridux nahsbu li wasalna, u lanqas ma nieħdu pjaċir b’dak li ksibna s’issa. Waqt li l-ekonomija tagħna tibqa’ tirpilja u toħloq ix-xogħol għal kulħadd, aħna għadna nistgħu nintlaqtu mill-instabbilita’ li għadha thedded iż-żona Ewro.
No comments:
Post a Comment