Nov 19, 2010

Storja ta' disprament

Irrid ngħid li impressjonatni storja ta’ missier Sqalli li qrajt f’dawn il-ġranet. Impressjonatni għal bosta raġunijiet, ewlenin fosthom hija dwar x’jasal jagħmel missier għal uliedu, kif ukoll id-disprament li jsib ruħu fiha missier li ma jkollux biżżejjed flus biex imantni lill-uliedu u lil familtu.

Raġel ta’ 35 sena minn Gela, fi Sqallija, missier ta’ erbat itfal iddeċieda li joffri l-organi vitali ta’ ġismu għall-bejgħ u dan biex ikollu ftit flus għal uliedu. Dan l-appell ta’ dan il-missier iddisprat huwa l-aħħar minn sensiela ta’ atti estremi ta’ dan ir-raġel, li kienu jinkludu wkoll attentati ta’ suwiċidju għaliex ma setax jibqa’ jara lil uliedu jbatu minhabba li hu m’ghandux dhul dicenti minn impjieg. Sa tlett snin ilu kien impjegat go mahzen gewwa l-belt ta’ Novara fin-naha ta’ fuq tal-Italja. Izda meta tilef l-impjieg nizel lura gewwa Sqallija mal-familja. Hadem imbaghad ghal sena bhala watchman mit-Tnejn sal-Hadd izda mbaghad rega safa bla impjieg.

Din hi storja tal-biża’. Storja li tikkonferma kemm il-bniedem għandu bżonn jaħdem u jaqla x’jiekol biex iħossu tajjeb u utli. Persuna li trid tahdem izda ma ssibx impjieg thossha umiljata u ddisprata. F’hafna kazi anke l-għaqda tal-familja tispicca tbati sew b’esperjenzi simili.

Din l-istorja tfakkarni wkoll fl-importanza li aħna bħala politiċi naraw li nibqgħu nagħtu priorita’ lill-individwu u lill-ħolqien tax-xogħol, apparti t-tqassim ekwu tal-ġid generat fl-ekonomija. Irridu nibqgħu sensittivi ghall-pizijiet finanzjarji u socjali fuq il-familji u niddedikaw l-akbar attenzjoni ghal holqien tax-xoghol. B’hekk biss nistgħu ngħidu li għandna soċjeta’ b’saħħitha, li tagħti każ ta’ kulħadd.

No comments: