Jun 6, 2012

Water Park - proġett ieħor ta' kwalita'


Fl-aħħar ġranet żort ix-xogħlijiet li qed isiru fuq Water Park oriġinali f’Buġibba. Dan il-Water Park li se jkun inawgurat mill-Prim Ministru nhar it-23 ta’ Ġunju, jikkonsisti fi 17-il water feature mifruxin fuq medda ta’ 800 metru kwadru ta’ art. It-tfal se jkunu jistgħu jibdew igawdu minn dan il-park li se jkun qed jopera bejn Ġunju u Settembru bejn l-10.00am u s-7.00pm. 

Il-Water Park se jkun maqsum fi tlett għal-tfal ta’ etajiet varji, kull waħda identifikata b'kulur differenti ħalli tfal żgħar ma jispiccawx dominati minn tfal akbar minnhom. Area minnhom hi ddedikata għal tfal ta’ eta żgħira taħt is-sentejn. Tfal ta’ kull eta se jgawdu minn park li joffri varjeta’ ta’ logħob bħal water loops, water umbrellas, parasols, bucket tower, palm spring u żewġ kanuni tal-ilma.  

L-ilma kollu li se jintuża fil-park se jkun riċiklat u se jinżamm f’ġibjun taħt l-istess park. L-ilma se jkun filtered u sanitizzat bl-użu ta’ UV sterilisation u chlorine. Dan se jseħħ biex l-ilma ma jkunx ta’ periklu għas-saħħa tat-tfal. 

Dan il-park se jkun jiflaħ jieħu mal-50 tifel u tifla f’daqqa u se jkun qiegħed jiġi operat b’sistema fejn jidħlu gruppi ta’ tfal wara xulxin. Dan biex kulħadd jingħata l-opportunita’ li jgawdi dan il-park mingħajr periklu ta’ affullament. Ħsibna biex f’dan is-sit ninstallaw numru ta’ CCTV camera, locker room u servizzi sanitarji. Dan hu proġett ieħor ta’ kwalita’ li qed iseħħ b’investiment tal-Gvern ta’ €600,000.




No comments: