Għaddew erba’ snin
mill-wegħda li anke l-Magħtab iwarrad.
Wegħda li b’investiment ta’ miljuni ta’ Ewro, u bi pjan ċar qed
titwettaq u anke bdiet tagħt l-ewwel riżultati viżibli. Viżibli anke għax sa llum ħafna mix-xogħol
kien għaddej ġo l-muntanja tal-miżbla magħluqa tal-Magħtab. Wara li konna caqlaqna madwar 700,000 tunnellata ta’
materjal biex il-ġnub tal-muntanja ma jcedux, konna nstallajna madwar 400 bir
tal-ħadid u 55km ta’ pajpijiet biex jinqabdu l-gassijiet u jiġu trattati billi jinħarqu
f’temperatura ta’ ‘l fuq minn 1000 deg Cent. Dawn ir-riżultati wasslu biex id-diossina fl-arja tal-madwar tonqos b'99%.
Ċert li l-mijiet li ta’
kuljum jużaw it-Triq tal-Kosta issa qed jinnutaw il-progress sinifikanti li sar. Bħalissa għaddej xogħol biex isir wiċċ sħiħ jew aħjar capping
biex ineħħi ic-cans li joħorġu gassijiet bejn bir u ieħor. Barra hekk qed jinbnew 11-il km ta’ ħitan
tas-sejjieħ, 37 planting cells, ħalli jitħawlu eluf ta’ siġar u
pjanti. Barra hekk qed jinbena ġibjun biex
jaħżen l-ilma għat-tisqija.
Waqt li akkumpanjat lill-Prim
Ministru fi żjara fis-sit fejn għaddej ix-xogħol, kellna ċans nispjegaw lill-ġurnalisti
kif s’issa diġa ntefqu mad-9 Miljun Euro u mistenni jintefqu mas-
€16-il miljun oħra. Dan il-proġett qed isir fuq spazju kbir daqs 50 ground
tal-football u huwa ppjanat li l-ewwel fażi tal-landscaping
tkun lesta sa’ Ottubru 2012. Fl-2013 tibda
l-konkluzjoni tal-proċess li l-Magħtab tinbidel f’park għall-familji
fejn isiru faċilitajiet għat-tfal u l-familji u jkun hemm iċ-ċertifikazzjoni li
l-post jista’ jintuża bħala park.
Int u ddur fil-Magħtab qajla
temmen li sal-2004 dan is-sit kien l-akbar ġerħa ambjentali ta’ pajjiżna. Dan hu eżempju ieħor fil-prattika ta’ kif qed
intejbu l-kwalita’ tal-ħajja għal uliedna u l-familji tagħna anke billi nroddu
lura din l-art lura lin-nies bħala post ġdid ta’ rikreazzjoni. U dan stajna nagħmluh anke għax investejna
f’engineered landfill ħalli pajjiżna ma jerġax jirrepeti l-iżbalji li wettaq
meta ħoloq il-famuża muntanja tal-Magħtab.
No comments:
Post a Comment