Sep 4, 2013

Il-Ġbejna


F’dawn il-ġranet fis-supermarket rajt kaxxa żgħira li ġibditli l-attenzjoni. Hija kaxxa zgħira li fiha jkunu ppakkjati ġbejniet lokali ta’ pajjiżna.  Tgħiduli x’fiha speċjali din il-kaxxa ? Hija riżultat ta’ proġett iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea bl-isem T-Cheesimal li konna mbuttajna biex jibda fi żmieni  bejn l-Università ta’ Malta u l-konsorzju Corfilac (Consorzio Ricerca Filiera Lattiero-Casearia) f’Ragusa fi Sqallija li jieħu ħsieb il-ħarsien u l-promozzjoni ta' prodotti tipiċi magħmula mill-ħalib. Dan il-proġett inbeda madwar sentejn ilu u ġie fi tmiemu proprju f’dawn il-ġranet.  F'dan il-proġett kien hemm studju dwar il-karatteristiċi kimiċi tal-ġbejna lokali kif ukoll is-sistemi tradizzjonali wżati u l-impatt socjo-kulturali ta’ din l-attività.  

Kien hemm diversi raħħala li jipproduċu ġbejniet li pparteċipaw f’dan il-proġett u żaru Sqallija biex jaraw sistemi simili. Ġie studjat anke l-għalf tan-nagħaġ u kif dan jimpatta fuq il-kwalità tal-ġbejna. L-informazzjoni li nġabret tista' tintuża biex l-għalf u sussegwentement il-ħalib u l-ġbejniet ikollhom karatteristiċi uniformi, ħalli jinbeda l-proċess biex il-ġbejna ta’ pajjiżna tikseb ċertifikazzjoni tal-marka ta’ awtentiċita’ tal-UE, dik li tissejjah DOP, Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (bl-ingliz Protected Designation of Origin). 

L-għan tad-DOP hi li tipproteġi r-reputazzjoni ta’ prodotti tal-ikel li jkun ġej minn reġjun partikolari tal-Unjoni Ewropea u tipproteġi wkoll lill-konsumatur minn prodotti inferjuri li jkunu offruti fis-suq: prodotti simili fl-isem u fl-għamla imma mhux awtentiċi. Naf fil-fatt li hemm raħħala li qed jaħsbu biex jagħmlu Organizazzjoni tal-Produtturi, ħalli jibdew jimpurtaw l-għalf u jużaw l-istess metodu ta' trobbija u produzzjoni.  L-għan tagħhom huwa li jmorru għall-applikazzjoni tad-DOP. Minn dejjem kienet priorità tal-Ministeru li kont immexxi jien li tingħata l-assistenza meħtieġa lill-għaqdiet tal-produtturi lokali sabiex ikunu jistgħu jiksbu dawn il-marki ta’ kwalità. Dawn il-marki ta’ kwalità ma jistax japplika għalihom il-Gvern.  Huma l-għadqiet tal-produtturi, l-intrapriżi fis-settur tal-ikel jew gruppi oħrajn b’interess komuni li jridu jressqu tali applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea.

Kont fil-fatt ħtart grupp ta’ nies sabiex jagħtu assistenza lil raħħala tan-nagħaġ li jipproduċu ħalib għall-produzzjoni tal-ġbejniet sabiex jgħinuhom jissottomettu tali applikazzjoni.  Sfortunatament għalkemm pajjiżna huwa żgħir xorta hu diffiċli ħafna tgħaqqad flimkien l-operaturi. Għad għandek wisq biża ta’ dominazzjoni minn kompetituri  u suspetti.  Aħna stajna biss nixprunawhom biex jaslu.  F’dan il-każ jidher li bil-mod il-mod se naslu.  J’alla l-ħidma u s-sostenn lis-settur agrikolu jkompli minn dan il-Gvern wkoll.

No comments: