L-akwakultura f’Malta bdiet 22 sena ilu meta nfetaħ iċ-Ċentru tal-Akwakultura fit-Torri San Luċjan f’Marsaxlokk. Nirringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan iċ-ċentru u li proprju s-Sibt li għaddha organizzaw Open Day fejn kull minn attenda seta’ japrezza aktar il-ħidma li qed issir. Lejn tmiem is-snin tmenin il-Gvern kellu viżjoni u fehem l-importanza ta’ settur li kien ineżistenti. Dan kien segwit mill-iżvilupp tal-irziezet tal-awrat u l-ispnott. L-akwakultura f’Malta ħadet żvolta oħra meta fis-sena 2000 beda jitkabbar fil-gaġeġ it-tonn.
L-industrija li bdiet fl-1990, illum tikkonsisti minn sitt operaturi li joperaw minn disa siti differenti. Sadanittant għaddejja ricerka fuq speci oħra. Malta qegħda l-ewwel fil-Mediterran fir-riċerka tat-tfaqqis tal-aċċjol u fil-fatt nittamaw li dalwaqt mmorru għall-fażi kummercjali ta’ din l-ispeci. Għaddejja ricerka wkoll fuq il-gurbell u tonn. Fil-fatt qed nippartecipaw f’consortium ewropew fuq it-tifqis tat-tonn.
Mix-xejn illum għandna ndustrija li tikkontribwixxi b’valur ta’ €12-il miljun fis-sena. Sa ftit tas-snin ilu l-attivita’ kienet anke tikkontribwixxi mat-€30 miljun iżda l-ammont naqas minħabba li qed jinqabad ferm anqas tonn u allura qed jitkabbar ferm anqas fil-gaġeġ f’pajjiżna. Imma fejn se mmorru minn issa ‘l quddiem biex inkabbru l-attivita’ u fl-istess ħin nirrispettaw l-ambjent ? Kien għalhekk li tlabna li titfassal startegija nazzjonali ghal din l-attivita’, liema abbozz tal-istrateġija tħejja mill-Universita’ Skocciża ta’ Sterling u li l-ġimgħa għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuqu.
Minn din l-istrategija johrog li din l-industrija ghandha potenzjal li tipprovdi sa 2,000 impjieg diretti u indiretti. Jintqal ukoll li għandha potenzjal li tipprovdi sa €120m fi Gross Value Added ghall-ekonomija Maltija. Ta’ min jinnota li filwaqt li meta ġiet introdotta din l-attivita’ is-sajjieda kienu xettici anzi opponewha, illum huma minn ta’ quddiem biex jimbuttaw process ta’ żvilupp f’dan il-qasam. Għarfu li din l-attivita’ tħalli qliegħ anke lilhom u qed jgħarfu li hija għodda mportanti għad-diversifikazzjoni tagħhom, meta għall-raġunijiet ambjentali is-sajd konvenzjonali qed jiġi aktar ristrett.
No comments:
Post a Comment