Mar 25, 2011

Azzjoni ndustrijali rresponsabli

Il-bierah filgħodu inawgurajt sistema ta’ dawl LED ġewwa Student’s House fl-Universita ta’ Malta. Permezz ta’ din is-sistema’ din il-binja se tifranka bejn 40 sa 60% tal-konsum tad-dawl. Hu dejjem ta’ sodisfazzjon għalija li nara aktar għaqdiet, entrapriżi, azjendi u familji jinvestu f’sistemi li jaħlu anqas u li jiġġeneraw l-enerġija minn sorsi nodfa. L-ammont ta’ panelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tal-familji tagħna qiegħed kull ma jmur jiżdied u l-interss tan-nies li jinvestu f’sistemi bhal dawn qiegħed dejjem jikber.

Tajjeb wiehed jghid li ghall-ahhar skema li hrigna ta’ ghajnuna fuq pannelli fotovoltaici kellna ‘l fuq minn 1000 familji li ressqu ‘l quddiem biex jinvestu flushom. Dawn bejniethom investew mas-€6 miljun biex fuq il-bejt tagħhom jinstallaw pannelli fotovoltaici. Hija ħasra pero li minħabba azzjoni ndustrijali mill-GWU ghadhu ma twahhalx il-meter biex ikejjel l-ammont ta’ energija li dawn il-pannelli qed jitfghu fuq il-grid nazzjonali tal-elettriku. Peress li ma twahhlilhomx il-meter dawn il-familji ma jistgħux jieħdu l-benefiċċju tal-hlas ghall-elettriku li qed jitfghu fuq il-grid nazzjonali. L-intransinġenza tal-GWU wasslet biex dawn il-familji bejniethom ġew imċaħħda minn madwar nofs miljun ewro li kieku diġa ħadu lura bħala feed-in-tariff.


Mhux hekk biss iżda. Dawn il-familji huma ntitolati biex bejniethom jingħataw lura €3 Miljun f’għajnuna mis-€6 Miljuni li nvestew. Minħabba l-intranigenza tal-GWU din l-għajnuna lanqas ma tista’ tingħata ghalissa galadarba l-meter ghadu mhux insatallat. Kienu ħafna dawk il-familji li kitbuli ittri u emails isaqsu x’jista jsir. Persuna minn dawk li kitbitli qaltli wkoll; “Mhux ġust għalina li investejna flusna u minħabba azzjoni ta’ ħaddiehor qed insofru bla ħtija” Jien naqbel ma dak li nkiteb tant li llum publikament għamilt appell lill-GWU biex tħalli l-ħaddiema tal-Enemalta msiehba maghha jinstallaw dawn il-meters.


F’Jannar li għaddha kont mistieden mil-GWU sabiex nitkellem f’konferenza organizzata minnhom, dwar il-green jobs. Kemm il-President tal-Union Victor Carachi kif ukoll is-Segretarju Generali Tony Zarb tkellmu fuq l-importanza li ssir xi ħaġa biex nipromwovu l-energija nadifa. Jekk verament il-GWU temmen li hemm isir dan ma jistax ikun li mbaghad tagixxi b’mod li tfixkel lil dawk li jkunu ressqu ‘l quddiem biex jaghmlu l-parti taghom u jinvestu f’energija nadifa. Hemm bzonn li l-GWU ma tarax sa mnieherha.

Mar 21, 2011

Nukleari: ftit fatti ohra

Fid-dawl tad-dizastru tal-impjant nukleari ta’ Fukushima Daiichi fil-Gappun tajjeb li wiehed jirrifletti fuq erba’ punti li gbart dan l-ahhar minn artiklu li kien hemm fil-Wall Street Journal. L-ewwel haga: 20% tal-impjanti nukleari fid-dinja qeghdin f’zoni fejn isiru terremoti ; It-tieni: 14 minn dawn l-impjanti qeghdin f' highly seismic areas; It-tielet: it-terremot li garrab l-impjant ta’ Fukushima Daiichi kien għaxar darbiet akbar mit-terremot li ġie ddisinjat għalih; Ir-raba’: l-akbar impjant nukleari tal-Gappun, dak f’Kashiwazaki, fil-2007 ukoll garrab terremot akbar minn dak li ġie ddisinjat għalih.

Mhux qed ngħid dan biex nallarma, imma rridu nżommu l-fatti kollha quddiem ghajnejna meta nitkellmu fuq l-energija nukleari. Xi osservaturi jipruvaw jaghtu l-impressjoni li dak li gara f’Fukushima huwa kaz uniku u li m’ghandniex ghaliex ninkwietaw li jista jkun hemm kazijiet ohra simili.

Waqt li ndirizzajt il-Kunsill tal-Ministri tal-Energija li ssejjah llum b’urgenza fi Brussel, jien ghidt li ghalkemm ahna nagħrfu li l-Unjoni Ewropea għandha fost l-aqwa standards fl-industrija, biss ma nistgħux nistrieħu fuq dan. Il-Ġappun ukoll kellu standards għoljin ħafna izda gara li gara. Ir-radjazzjoni ma tirrikonnoxxix fruntieri. Hu ghalhekk li ahna nappogjaw l-posizzjoni li ha l-Kummissarju Ewropew, Gunther Oettinger, li l-UE tfassal lista ta’ kriterji ghal stress tests ghall-impjanti nukleari fil-pajjizi tal-UE kif ukoll tal-pajjizi girien kemm-il darba dawn jaccettaw.

Meta nitkellmu fuq sussidji lill-energija, hafna osservaturi jsemmu biss s-sussidji li jirciervi l-energija rinnovabbli bhal dik mix-xemx jew mir-rih. Ftit li xejn qatt jissemmew is-sussidji li tircievi l-industrija tal-impjanti nukleari. Issa tajjeb nghidu li fl-aħħar ħamsin sena l-industrija nukleari gawdiet minn sensiela ta’ sussidji preferenzjali minn bosta gvernijiet. Hemm studji li analizzaw dawn is-sussidji, u fil-fatt studju minnhom sahansitra jghid li “l-valur ta’ sussidji kien akbar mill-valur tal-enerġija li pprovdew”. Mhux qed ngħid dan biex nikkundanna n-nukleari imma biex ikollna l-fatti kollha fid-diskussjoni li ghaddejja bhalissa fuq il-futur tal-energija nukleari.

Mar 17, 2011

150 sena

F’dawn il-ġranet qed ikun iċċelebrat il-150 anniversarju mill-għaqda tal-Italja. Fil-fatt, kienet liġi ppublikata fis-17 ta’ Marzu 1861 li rrikonoxxiet u stabbiliet ir-Renju tal-Italja li f’dawk iż-żminijiet kienet monarkija mmexxija mir-Re Vittorio Emanuele t-Tieni. Tajjeb wiehed ifakkar ukoll li dak iz-zmien bosta mexxejja tar-Risorgimento, inkluz Crispi li eventwalment kien lahaq Prim Ministru, kienu sabu kenn anke f’pajjizna. Matul dawn il-150 sena l-kultura Taljana kompliet tinfluenzana, minkejja l-influenza tar-Renju Unit meta pajjizna kien kolonja.


Matul il-150 sena li għaddew l-Italja żviluppat u mxiet ’l quddiem. Kellha mumenti koroh fl-istorja tagħha, ewlenija fosthom l-allejanza tal-Italja mal-Ġermanja Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Pero l-Italja għarfet terġa tqum fuq saqajha u tat mexxejja politiċi b’viżjoni li biddlu l-ġejjieni taghha u tal-Ewropa. Ma nistax ma nsemmix lil Alcide De Gasperi li kellu l-viżjoni li flimkien ma’ mexejja oħra Ewropej wasslu għat-twelid ta’ Ewropa magħquda. Matul iz-zmien l-Italja sabet postha mal-grupp ta’ pajjiżi l-aktar żviluppati u baqgħet tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-pajjiżi l-aktar influwenti fid-dinja, anke jekk xi kultant ghaddiet minn krizijiet fosthom dik terroristika fis-snin sebghin u tmenin.


Għalina l-Italja hija importanti ferm. Apparti li hija l-ġar tagħna, hija wkoll dak il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jista’ jasal jifhem l-aħjar ir-realta’ tagħna fin-nofsinhar tal-Ewropa. Ħafna drabi l-issues li jolqtuna l-aktar, huma dawk li jolqtu wkoll lit-Taljani. Biżżejjed insemmi l-immigrazzjoni llegali u l-Mediterran.


Irrid ngħid li matul is-snin l-Italja ghenet lill-pajjizna anke finanzjarjament permezz ta’ diversi protokolli finanzjarji li bihom tejjibna l-infrastruttura ta’ pajjiżna u li għadna ngawdu l-frott tagħhom sa llum. L-Italja thabrek bhalna ghall-paci u l-istabbilita’ fil-Mediterran, liema stabbilita’ hija meħtieġa illum aktar minn qatt qabel meta wieħed jikkunsidra dak li għaddej fl-Afrika ta’ Fuq. Ningħaqad mal-poplu Taljan fit-tifkira ta’ dan l-anniversarju mportanti u nawgura aktar snin ta’ koperazzjoni bilaterali u għaqda bejn iż-żewġ pajjiżi.

Anqas baqar, aktar halib.

Is-settur tal-produzzjoni tal-halib ghamel passi sinifikanti 'l quddiem minn meta pajjizna ssieheb fl-Unjoni Ewropea. Matul l-ahhar tlett snin tajna ghajnuna sahansitra lir-rahhala jbiddlu l-merhla taghhom halli jtejbu l-efficjenza tal-produzzjoni. Permezz ta' l-ghajnuna finanzjarja ta' €3 miljuni llum wasalna biex ghandna anqas baqar, iżda ghandna produzzjoni akbar ta’ ħalib. L-ispiza ghat-tibdil tal-merhla hallset nofsha l-Unjoni Ewropea filwaqt li n-nofs l-iehor hargu l-Gvern Malti.

L-efficjenza fil-produzzjoni tjiebet b’8.2% jiġifieri kull baqra qed tagħti mal-kilo ħalib frisk aktar kuljum. Fl-2003 konna nipproduċu 40 miljun kilo ta’ ħalib fis-sena, illum niproduċu 42 miljun kilo ta’ ħalib fis-sena. Dan seħħ minkejja l-fatt li l-baqar għal-produzzjoni tal-ħalib naqsu b’8.8%. B'hekk ghandna wkoll anqas problemi ta’ nitrati u allura anqas impatt negattiv fuq l-ambjent taghna.


Din il-gimgha stajt inkompli nara l-avvanz li sar, meta flimkien mat-tfal tal-iskola ta' Sta.Monika tal-Gzira, zort wiehed mill-irziezet tal-baqar vicin il-Maghtab. Hadt gost niltaqa' ma' George u Helen li huma s-sidien tar-razzett. Hadt gost aktar ninnota li z-zewg uliedhom subien huma t-tnejn nteressati li eventwalment ikomplu anke huma f'dan is-settur. Wiehed mill-ulied qed jistudja l-inginerija fl-MCAST ghax jaghraf li mportanti li jkompli jitghallem allavolja se jidhol fis-settur agrikolu.


Is-settur irrisponda tajjeb għall-programm ta' ristrutturar permezz tat-tibdil tal-merħla kif ukoll bl-investiment li sar u li qiegħed isir fil-maġġoranza tal-irziezet bil-għajnuna finanzjarja mogħtija kemm mill-Gvern kif ukoll minn fondi Ewropej. Il-progress jitkellem wahdu. Hu għalhekk li l-ħalib Malti ngħata l-marka ta’ kwalita tal-Unjoni Ewropeja, dik li tissejjah l-Oval Mark. Marka zghira fuq il-pakkett li izda biex gibniha sar xoghol kbir mill-Gvern, mir-rahhala u mill-kumpanija lokali biex jitwassal lill-konsumatur mhux biss halib frisk kuljum, izda halib tal-aqwa kwalita'.

Mar 11, 2011

Lejn it-Turkija jew lejn l-Iran ?

Spicca Ben Ali, spicca Mubarak, bdiet rewwixta biex jitnehha Gaddafi. Protesti fil-Yemen. Qed tirbah ir-rabja tal-popli li hassewhom imjassra ghal ghexieren ta’ snin. Il-ftit keinu qed igawdu sew filwaqt li l-massa thalliet lura. Dawk li kienu jazzardaw jitkellmu kontra sistwazzjoni bhal din kienu jispiccaw arrestati, torturati, mitfugha f’habs jew eziljati.

F’xi hin jew iehor din il-bomba kellha tisplodi. Hafna mill-mexxejja tad-dinja gharbija huma personaggi b’eta kbira. Mubarak ghandu 82 sena, Ben Ali 74 sena u Gaddafi ghandu kwazi 70 sena. Eta’ kbira li tiddistingwihom sew mill-populazzjoni ta’ pajjizhom. Irridu nifhmu li 60% tal-popolazzjoni fid-dinja gharbija hija taht l-eta’ ta’ 21 sena, u b’hekk ma jiftakru xejn hlief it-tmexxija ta’ dawn il-personaggi. Opportunitajiet ta’ xoghol saru skarsi hafna, certament hafna anqas minn dak mehtieg ghal populazzjoni daqshekk zaghzugha.

Il-pacenzja ma felhitx aktar. U bdiet ir-rivoluzzjoni. Jidher li l-ghajta u l-mewga ta’ protesti mhux se tieqaf. Se naraw tmexxija gdida. Fejn se tmur din it-tmexxija izda ? Se tmur lejn it-Turkija jew lejn l-Iran ? Se naraw tmexxija musulmana demokratika, miftuha u pluralista kif ghandna fit-Turkija jew se jkollna tmexxija musulmana fundamentalista li tkompli tohnoq l-espressjoni hielsa kif ghandna fl-Iran ?

Difficli tghid. Filwaqt li rridu nzommu f’mohhna l-partikolaritajiet ta’ kull pajjiz fir-regjun, nittama li dawn il-popli jmorru lejn l-esperjenza tat-Turkija. Waqt li nistennew il-gimghat u x-xhur li gejjin halli naraw kif se jizviluppaw l-affarijiet fid-dinja gharbija, nemmen li l-punent irid ukoll jezamina l-politika li addotta lejn dan ir-regjun fil-passat u jaghraf jibni politika gdida ta’ solidarjeta’ vera ma’ dawn il-popli.

Mar 9, 2011

Sistema biex ikollna anqas klieb abbandunati

Kien ilu jinhass il-bzonn ta’ sistema aktar stretta ta’ licenzjar tal-klien f’pajjizna. Hu kkalkulat li hawn mal-100,000 kelb f’pajjizna izda fil-fatt madwar 5,000 kelb biss huwa rregistrat mal-pulizija kif stipulat fil-ligi. Din is-sitwazzjoni qed taghmilha facli hafna biex klieb jigu abbandunati. Dalghodu ħabbart li fil-jiem li ġejjin se jkunu ppublikati regolamenti ġodda li se jaghmluha obbligatorja li l-klieb kollha jkunu microchipped kif ukoll irreġistrati. L-erbgha għanijiet prinċipali huma dawn: 1. Ikun hawn aktar kontroll fuq il-klieb ħalli jkollna anqas klieb abbandunati fit-toroq, 2. Anqas periklu għas-saħħa pubblika, 3. Aktar harsien tas-sahha pubblika u 4. Tinħoloq database ċentrali b’reġistru sħiħ tal-informazzjoni rigward il-klieb u s-sidien taghhom.

Fil-fatt microchip zgħira ħafna (ftit akbar minn rossa) tigi injected taħt il-ġilda tal-kelb bejn l-ispallel. Din il-microchip jkollha fiha numru ta’ identifikazzjoni uniku għal kull kelb. Dan in-numru jkun abbinat mad-dettalji tas-sid fid-database nazzjonali. Is-sidien jingħataw riċevuta mill-veterinarju tal-għażla tagħhom li japplika l-microchip, u wara dan il-proċess il-Gvern joħroġ liċenzja għal kull kelb li tintbagħat lis-sid bil-posta. Il-Liċenżja sservi għal kemm idum ħaj il-kelb.


Ħadna ħsieb li din is-sistema ma tfissirx spejjeż aktar lis-sidien tal-klieb aktar minn dak li diga huma obbligati li jhallsu sa llum. Għal dawn l-aħħar ħamsin sena, il-liġi kienet tipprovdi li sid ta’ kelb irid ihallas €2.33 (Lm1) kull sena ghall-licenzja tal-kelb. Hu kkalkulat li kelb jgħix minn tal-anqas 10 snin għalhekk is-sidien sal-lum kienu obbligati li jħallsu €23.30 fuq 10 snin. Il-prezz għall-microchipping ser ikun ta’ €10 għall-klieb imsewwija (neutered) u €20 għal dawk li mhumiex imsewwija. Ghalhekk mhux gust min kiteb li din hija forma ta’ gbir ta’ flus mill-gvern. Ta’ min jghid ukoll li qed naghmlu diskriminazzjoni posittiva favur l-klien neutered sabiex nhajru aktar lis-sidien isewwu l-klieb taghhom halli nnaqsu l-potenzjal li jinholqu aktar strays fil-futur.


Irridu li dawn ir-regolamenti, li gew diskussi u maqbula fi hdan l-Animal Welfare Council, il-pubbliku jkun konxju tagħhom u ghalhekk fil-ġimgħat li ġejjin se nibghatu fid-djar fuljett zghir li jispjega dan kollu kif ukoll se jinghata ktejjeb zghir lis-sidien tal-klieb halli jkun jafu l-obbligi taghhom marbuta ma’ din il-liġi. Per ezempju li jekk il-kelb jibdel is-sid trid issir notifikazzjoni mad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju fi żmien 7 ijiem. F’dan il-każ tinħareġ liċenzja ġdida mingħajr ħlas. Dan hu ezempju konkret iehor mill-Gvern favur il-ħarsien tal-annimali. Issa li l-infrastruttura relatata tpoġġiet fuq saqajha qed nimplimentaw it-tisħiħ tal-qafas regolatorju biex niżguraw ħarsien effettiv tal-annimali f’pajjiżna. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fuq in-numru 2295 2170.

Mar 3, 2011

Xi gmiel !

Imqar li l-granet kollha jibdew bhal llum ! Dalghodu żort il-BirdPark fl-inħawi tas-Salini. Verament hemm x'tara. Ghasafar u annimali mizmuma b'dedikazzjoni kbira minn Kevin u Rita, li litteralment bnew dan il-park mix-xejn. Wiehed jista jara fost ohrajn swans, flamingos, pelicans, vultures, storks f'wirja ta' madwar 4,000 għasfur u annimali ohra.

B’investiment ta’ €380,000 li minnhom €190,000 ghajnuna finanzjarja mill-UE Kevin u Rita qed jibnu Visitors Centre biex lejn l-aħħar ta’ Mejju jifthu dan il-park ghall-pubbliku. Dan l-iżvilupp ser jikkumplimenta l-investiment li ahna bhala gvern ghamilna u qed inkomplu naghmlu fl-inhawi tas-Salini sabiex l-inhawi jilqghu dejjem aktar fihom studenti, familji u turisti.

Dan il-BirdPark huwa wieħed mill-proġetti li jgawdi minn minn programm ta' ghajnuna ghat-tijib, tisbiħ tal-wirt naturali u kulturali taż-żoni rurali. B'kollox se nkunu qed ninvestu €33 miljun f’proġetti bħal parks, restawr ta’ monumenti storiċi f’żoni rurali u ħolqien ta’ mixjiet fil-kampanja. B’ kollox se jkunu mghejjuna madwar 26 progett fi 22 lokalita. Dawn il-progetti se jservu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiż-żoni rurali, jinħolqu numru ta’ żoni ta’ rikreazzjoni għall-familji, jinħolqu impjiegi ġodda, kif ukoll jkun hemm aktar attivita ekonomika f’dawn iż-żoni.

Il-park ser iservi wkoll bħala post edukattiv li jenfażizza s-sbuħija tal-biodiversità u l-bżonn tal-konservazzjoni. Laqatni l-kumment li ghamlet Rita dalghodu "Mhux il-kaz li ahna naddottaw l-annimali, izda l-annimali jaddottaw lilna". Il-veru kaz. Kevin ghandu zewg whooper swans bhala gwardjani tieghu. Filwaqt li Rita ghandha bhala gwardjani taghha lil Elizabeth, grey crown crane u lil Dino l-pappagall. U Elizabeth tiprotegi sew lil Rita !