X’differenza
! It-Torri t’Ghajn Żnuber kif kien ghal kif inhu issa. Stajt nara dan il-bierah meta żort ix-xogħlijiet
ta’ restawr li saru fuq dan it-torri. Dan jinsab fil-Park Nazzjonali
tal-Majjistral fil-Mellieħa. Minn meta nfetaħ il-Park
Nazzjonali tal-Majjistral fl-2007 bdew numru ta’ xogħlijiet marbuta
mar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona biex dan il-park jitgawda aktar għal mixjiet
fil-kampanja. Ian Castaldi Paris chairperson tal-Bord tal-Park
tal-Majjistral, li akkumpanjani f’din iż-żjara, spjega li issa t-torri se jibda
jintuża bħala Ċentru tal-Viżitaturi.
Mhux
magħruf eżattament meta nbena biss jidher li m' huwiex torri li nbena fi żmien
il-ħakma tal-Kavallieri. L-indikazzjonijiet juru li dan it-torri nbena
għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu dsatax meta fl-inħawi ta’ Għajn Żnuber huwa
dokumentat li kienu jgħixu 12-il persuna. It-torri huwa mibni fuq stil ta’ razzett
tipikament Malti u jidher li kien jappartjeni lill-familja Ciantar. Filfatt
għad issib min isejjaħ dan it-torri bħala Torri Ciantar. Li hu żgur u li dan it-torri ntuża fi żmien
it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien jilqa’ fih numru ta’ uffiċjali li kienu jkunu
għassa biex jilmħu l-attakki mill-ajru lejn Malta .
Irrid
inrodd ħajr lill-Perita Jean Frendo li mexxiet ix-xogħol ta’ restawr flimkien
mal-ħaddiema tar-Restoration Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Dan ir-restawr
jingħaqad mal-kullana ta’ madwar 50 proġett ta’ restawr li għamilna f’pajjiżna
fl-aħħar 4 snin. Dawn l-interventi tar-restawr ħolqu opportunitajiet ta’
xogħol, wrew il-kapaċita’ tal-ħaddiem u qed iwasslu biex il-ġenerazzjonijiet
ta’ warajna jgawdu wkoll il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Nispera li jkun apprezzat. Qed ngħid hekk għax sfortunatament waqt li
kien għaddej ix-xogħol mhux darba jew tnejn li l-ħaddiema sabu min iħott anke
xogħolhom ! Tal-mistħija.
No comments:
Post a Comment