Fil-qasam tal-produzzjoni tal-inbid, importanti li ma nħarsux biss
x’irnexxielna niksbu matul l-aħħar 10 snin, imma mportanti li nibnu struttura
soda għar-riċerka biex inkomplu intejbu dak li ksibna. Illum kelli
l-opportunita’ inżur ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq centru
sperimentali ġdid għall-vitikultura (l-istudju tat-tkabbir
tad-dielja) u l-enoloġija (l-istudju tal-produzzjoni tal-inbid) ġewwa
l-Buskett. Dan iċ-ċentru qiegħed isir b’investiment ta’ ‘l fuq minn €500,000
b’kofinanzjament ta’ 85% mill-programm inter-reġjonali tal-UE bi sħab mal- Istituto Regionale delle Vite e del Olio
ta’ Marsala fi Sqallija li kelli opportunita’ nżur xi sena u nofs ilu. Fil-fatt
f’dan ic-centru se titkompla ricerka li ser isiru bl-għajnuna teknika ta’ dan
l-istitut Sqalli.
Fil-preżent u iktar u iktar fil-futur, ir-riċerka hi ċ-ċavetta tas-suċċess
f’kull settur ta’ intrapriża. Il-biedja ma hiex eċċezzjoni, speċjalment l-qasam tal-vitikultura u produzzjoni tal-inbid. Dan iċ-ċentru ser ikun maqsum f’winery sperimentali fejn ser jiġu studjati tekniċi ġodda fil-produzzjoni
tal-inbid, u laboratorji. Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbid ser tkun mqassma
f’żona fejn jingħasru kwantitajiet żgħar tal-għeneb għall-inbid, żona fejn
l-inbid jistrieħ u jimmatura (ageing) u żona fejn l-inbid jiġi bbottiljat u maħżun. Iż-żewġ laboratorji
ser ikunu ddedikati għall-analiżi kimika u mikrobijoloġika tal-għeneb u l-inbid
kif ukoll għall-analiżi tal-ħamrija fejn jitkabbru id-dwieli. Barra minn hekk,
fl-għelieqi ta’ madwar iċ-ċentru ser jitħawlu vinji sperimentali b’varjetajiet
tad-dwieli Maltin.
Bid-dħul ta’ Malta fl-U.E. pajjizna għamel qabża kbira ‘l
quddiem. Daħħalna numru ta’ regolamenti ġodda f’dan is-settur, li fiċ-ċentru
tagħhom għandhom l-interess tal-konsumatur u tal-bidwi. Malta tikkonforma 100% ma’ dawn il-liġijiet u għandna sistema lokali nbejjed ta’ kwalità (D.O.K. u
I.G.T.). Huma madwar 80 l-inbejjed ta’ kwalità li nsibu madwar il-pajjiż. Ta’ min jgħid
li dan ic-centru se jservi ukoll ta’ ċentru ta’ kontroll tas-settur dwar
konformita ma’ liġijiet kif ukoll bħala post fejn jingħata taħriġ u
informazzjoni għal bdiewa u produtturi tal-għeneb u għassara tal-inbid biex
tiżdied u tissaħħaħ il-kwalita. B'hekk nkomplu ngħinu wkoll lis-settur privat lokali jkompli jtejjeb il-prodott tiegħu lill-konsumatur.
No comments:
Post a Comment