L-Onor Leo
Brincat reġa għamilha! Bħas-soltu ħa falza stikka! Ikkwota statistika fuq
l-iskart li tmur lura għal sentejn ilu, u li ma tirrapreżentax ir-realtà sħiħa
ta’ pajjizna llum. U tgħidx kemm feraħ, tant li qalilna
“li pajjiżna ma jirbaħx midalja fl-olimpjadi fl-immaniġjar tal-iskart!!” Kieku kien għalih lanqas biss nikkompetu
mal-pajjiżi ewropej għax tgħidx kemm stinka biex nibqgħu barra mill-EU. U mhux
hekk biss, bit-tfixkil tiegħu u tal-Opposizzjoni, li kien għalihom lanqas
bdejna fuq immaniġjar tal-iskart.
Opponewna fuq kull facilita’ li pproponejna u sahansitra Alfred Sant
kien qalilna biex nibghqu narmu fil-mizbla l-antika tal-Maghtab u Joseph Muscat
ried jiffriza l-fondi ghall-immodernizzar tal-impjant ta’ Sant’ Antnin.
Bil-vizjoni taghna s-settur tal-immaniġjar
tal-iskart żviluppa ħafna u ħoloq ħafna impjiegi ġodda fil-qasam tal-ambjent. Illum insibu
diversi operaturi privati li jikkumerċjalizzaw l-iskart. Hu għalhekk li l-MEPA
hi nkarigati mill-ġbir tad-data u tal-istatistika, u trid tiġbor wkoll dettalji
minn dawn l-operaturi. Jekk ma jsirx hekk l-istatistika ma tkunx qed
tirrifletti r-realta’ tal-pajjiż sħiħ. Illum mhijiex biss il-WasteServ li
tiġbor u titratta l-iskart.
Mid-data miġbura mill-WasteServ
biss, fl-2010 kien hemm biss 15% tal-iskart li ma marx fil-landfill. Fl-2012 diġa
43% mill-iskart ma marx fil-landfill. Dan ir-riżultat ma jiġix bix-xejn u
lanqas ma ġie bis-sahha tiegħek Onorevoli Brincat. Investejna f’engineerred
landfill, immodernizzajna l-Impjant ta’ Sant’ Antnin, bdejna s-sistema ta’
ġbir ta’ skart isseparat mid-djar u mill-bring in-sites b’xejn, u bnejna inċineratur
ġdid li ħa post l-inċineraturi li kienu jniġġsu, u għaddejjin bir-riabilitazzjoni
tal-miżbliet il-magħluqa biex jinbidlu f’parks għall-familji. B’fondi ewropej
inbnew ukoll 5 ċentri li jilqgħu fihom skart goff domestiku.
Mis-Centri ghall-Iskart Goff (Civic Amenity Sites), sa
Diċembru 2011, aktar minn 85,000-il tunnellata ta’ skart goff inġabar minn dawn
il-faċilitajiet, li dejjem offrew servizz b’xejn lill-pubbliku. Proprju l-ġimgħa l-oħra qomna bl-aħbar li l-MEPA
approvat il-ħruġ tal-permess biex isir is-sitt Ċentru għall-Iskart Goff li se
jinbena f’Ta’ Qali. Din il-faċilità filwaqt li tista’ tintuża mill-pubbliku se
tkun qed tilqa’ fiha wkoll skart u fdalijiet oħra mis-settur agrikolu peress li
l-binja se ssir viċin il-Pitkalija. Dan il-pass jorbot ukoll mar-riforma li
qegħdin inwettqu fil-Pitkalija ħalli jiġi kkontrollat ir-rimi ta’ prodotti
agrikoli lokali friski. Din hi ħidma
konkreta li biha verament niksbu r-riżultati li jkomplu joħolqu opportunitajiet
ġodda ta’ mpjieg u mhux diskors vojt mill-Opposizzjoni.
No comments:
Post a Comment