Ovvjament aħna
nridu li l-inbid Malti li jitpoġġa fis-suq ikun wieħed ta’ kwalita’ u għalhekk
fl-aħħar snin nhedejna numru ta’ kontrolli biex niżguraw li l-inbid Malti
jilħaq ċertu livell ta’ standard. Bi pjaċir ngħid li 90% tal-inbid lokali huwa
nbid DOK jiġifieri ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata u l-kumplament
huma nbejjed li għandhom denominazzjoni IĠT, jiġifieri Indikazzjoni
Ġeografika Tipika. Insibu madwar 80 inbejjed DOK f'pajjiżna. Biex
ikun hemm aktar kontrolli fuq il-kwalita’ introducejna sistema ta’ banderols
mal-fliexken li jingħataw lill-processuri a bażi tal-volum tal-għeneb li jkollhom. Ħalli ma jispiccax isir il-miraklu tal-ħames ħobziet
u żewġ ħutiet !
Fatt
interressanti dwar il-konsum ta’ inbid fil-gżejjer Maltin hu, li n-nies l-aktar
li jixorbu huwa nbid abjad, tant li 60% tal-inbid li jinbigħ fis-suq huwa
abjad, 10% inbid rose’, u 30% inbid aħmar. Iżda l-inbid prodott mill-għeneb
Malti u Għawdxi li kien hawn imħawwel sas-sena l-oħra kien maqsum hekk – Inbid
abjad 45%, Inbid Rose’ 20% u Inbid aħmar 35%. Għalhekk biex l-inbid lokali jkun
jista’ jlaħħaq u jadatta mad-domanda tas-suq, il-Ministeru iffinanzja u għadu qed
jiffinanzja proġett ta’ tilqim tad-dwieli biex id-dwieli jitlaqqmu u flok
għeneb aħmar jiproduċu aktar għeneb abjad.
Matul l-aħħar snin, kien hemm
ukoll it-twelid ta’ Estate Wineries, fejn jiġi pprocessat għeneb li jkun
tkabbar fuq l-istess art madwar il-winery.
Kien għalhekk li f’April ta’ din is-sena ppublikajna Green Paper li tindirizza
kif l-aħjar ngħinu inizjattivi bħal dawn ħalli nkomplu nsaħħu l-inbejjed ta’
kwalita’. Finalment meta wieħed jigi biex jagħzel inbid lokali minn inbid
barrani wieħed għandu jiftakar fil-ħidma tal-bdiewa tagħna li jkabbru l-għeneb għall-għasir.
Permezz tagħhom f’dawn ix-xhur tas-sajf bid-dwieli qed ikomplu jħaddru
l-kampanja ta’ pajjiżna anki f’dawn il-ġranet sħan tas-sajf. Għalhekk meta tagħzel flixkun inbid lokali,
għaraf li tkun qed tinvesti wkoll b’mod dirett fl-ambjent ta’ pajjiżek.
No comments:
Post a Comment