Sep 29, 2012

Ħsad iż-żebbuġ

Dalgħodu żort il-Gran Hotel Excelsior fejn segwejt il-ħsad li qed isir mis-siġar taż-żebbuġ li hemm imħawwla fl-istess lukanda.  Fil-fatt hemm imħawwla mas-60 siġra taż-żebbuġ li wħud minnhom kważi terz minnhom kienu ħawluhom il-ħaddiema stess tal-istess lukanda bħala parti mill-kampanja 34U. Permezz ta’ din il-kampanja fl-aħħar 7 snin kemm ilha mwaqqfa ġew imħawla mal-115,000 siġra ndiġena. 
 
Iż-żebbuġ maqtugħ mis-siġar li hemm fil-lukanda fl-2011 ġie trasformat f’300 flixkun ta’ żejt taż-żebbuġa li ntuża mill-istess lukanda. Mill-ħsad ta’ dan is-sena nġabbru 24 kannestru ta’ żebbuġ u hu maħsub li se jkun prodott aktar żejt mis-sena l-oħra.  
 
Fi żmien il-ħsad taż-żebbuġ tas-sena 2011 f’pajjiżna kien hawn reġistrati f’pajjiżna mal-108 ettaru ta’ art b’siġar taż-żebbuġ kkultivati minn madwar 200 bidwi.  Skont id-dikjarazzjonijiet tal-ħsad reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura, fl-2011 siġar taż-żebbuġ użati għal konsum kien hemm aktar minn  23,000 siġra li minnhom 70,146 kilo ta’ żebbuġ intuża għall-għasir biex isir iż-żejt taż-żebbuġ. Dan kollu jfisser li s-sena l-oħra l-art ta’ pajjiżna bil-ħidma tal-bdiewa tagħna pproduċiet mas-26 tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa. Is-sena l-oħra wkoll  ġew ikkunsmati kważi 18,000 kilo ta’ żebbuġ li nħasad mis-siġar ta’ pajjiżna.  
 
Fost il-ħaddiema tal-lukanda ltqajt ma’ Leli, anzjan ta’ 74 sena.  Impressjonawni l-passjoni u l-enerġija tiegħu.  Iltqajt ukoll ma’ Mathias, tifel ta’ 11-il sena, li għadu kemm laħaq President tal-Kumitat tal-EkoSkola tal-iskola ta’ San Andrea.  B’għajnejħ jixgħelu bl-entużjażmu Mathias spjegali x’jixtieq iwettaq fl-iskola, inkluż li jħawwel aktar siġar madwar l-iskola. Anke hawn stajt nara l-entużjażmu ta’ dawn il-ġenerazzjonijiet differenti biex jagħmlu xi haġa posittiva aktar milli jkunu sempliciment armchair critics.

No comments: