Ftit għad hemm min
jiddubita dwar l-importanza li s-settur tal-gaming għandu fl-ekonomija
Maltija. Għal iktar minn għaxar snin, il-Gvern
Malti ilu jinkoraġġixxi
t-tkabbir ta’ dan is-settur permezz ta’ qafas regolatorju li filwaqt li hu
b’saħtu, jilħaq
ukoll l-aspirazzjonijiet tas-settur. Din
il-politika, flimkien mal-fatt li f’Malta hawn numru ta’ kumpaniji ta’ kwalita’
li jiprovdu servizz lil dawn
l-operaturi wasslu biex Malta saret wieħed mill-pajjiżi ewlenin f’dan il-qasam. Incidentalment Malta għandha wkoll l-akbar
numru ta’ licenzji maħruga
f’dan il-qasam.
L-aktar data ricenti dwar
il-kontribut ta’ dan il-qasam għall-Prodott Gross Domestiku
(GDP) nazzjonali hija nkluża
fl-istudju li ġie
kkummissjonat mill-Malta Remote Gaming Council u li kien ippreżentat minn Deloitte
Malta f’Lulju li għadda. Skont dan l-istudju, il-licenzji li ħarget Malta f’dan
il-qasam jiġġeneraw
‘l fuq minn €175 miljun f’nefqa diretta f’Malta u kien iħaddem mat-3,700
impjegat fl-2010. Dawn ic-cifri
certament komplew jiżdiedu
minn dak iż-żmien,
u ma jinkludux nefqiet ancillari
bħal ma
huma vjaġġi
u akkomodazzjoni relatati ma’ dan it-tip ta’ xogħol.
Minbarra l-kontribut ekonomiku,
hemm ukoll l-aspett socjali sinifikanti li m’għandux ikun
traskurat. Mit-3,700 impjegat li
jissemmew fl-istudju, 74% minnhom huma klassifikati bħala barranin, li
jfisser li fl-2010 kien hawn mal-2,740 barrani jgħixu f’Malta u jaħdmu f’dan
is-settur. Dan huwa aspett li jimmerita
studju apparti
għaliex
dan ifisser
ġenerazzjoni ta’ aktar investiment
u provista ta’ servizzi oħra.
Malta tista’ tibqa’ pajjiż ewlieni f’dan
is-settur għal
ħafna
snin li ġejjin. Pero biex dan iseħħ Malta jinħtieġ li tibqa’ żżomm joperaw minn
hawn lill-operaturi l-kbar. Dan jista’ jsir billi
jkompli jissaħħaħ il-process ta’
djalogu bejn l-operaturi ewlenin, l-Awtorita’ tal-Lotteriji u Gaming (LGA) u
l-Gvern. Ikun jaqbel lil kulħadd li
dan iseħħ.
No comments:
Post a Comment