Dec 29, 2012

Mill-2012 ghal 2013


Dan hu żmien li fih wieħed iħares lejn dak li jkun wettaq matul is-sena li qed tintemm u fl-istess waqt iħares lejn is-sena li tkun se tibda. Ħarsa lejn dak li wettaq il-Ministeru tiegħi fl-2012 fil-qasam biss tal-proġetti ta' tisbiħ tħallik b’sodisfazzjon qawwi. Komplejna nagħtu lill-pubbliku proġetti ta' kwalita'. Kemm permezz ta' proġetti ta' restawr kif ukoll permezz ta' progetti ta' spazji ġodda għar-rikreazzjoni tal-familja.
 
Biżżejjed insemmi l-Waterpark f’Bugibba, il-Park tal-Mellieħa, id-Dog Park u l-Petting Farm f’Ta’ Qali, ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, pavimentar ġdid fit-toroq taż-żona kummercjali ta’ Paceville, il-Ġnien Santa Maria tal-Angli f’Baħar ic-Cagħaq, Gnien Patri Leopoldo Tabone f’San Gwann, u l-Park tal-Familja f'Wied il-Għajn fiż-żona fejn fis-snin sebgħin kien hemm miżbla. Dan il-park mill-isbah b'daqs ta' art li jidhlu fiha madwar 20 pitch tal-futbol, se jinfetaħ ftit tal-ġranet oħra, u se jkun attrazzjoni qawwija għan-naħa t’isfel ta’ pajjiżna. Bħalissa għaddej ix-xogħol ukoll fuq ic-Centru Civiku u l-Gnien tas-Swieqi, liema proġett għandu jinfetaħ dalwaqt ukoll. Proġett ieħor simili nbeda ġewwa San Gwann.  
 
Fil-qasam tar-restawr matul l-2012 tlesta x-xogħol fuq it-Torri ta’ Għajn Żnuber fil-Mellieħa, il-Kappella tal-Kuncizzjoni f’San Ġiljan, il-Knisja tal-Vitorja f’Ħal-Qormi, u tlett irziezet li kienu mġarrfa ġewwa l-Buskett. Komplejna wkoll bir-restawr fuq il-Berġa ta’ Kastilja u l-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.  Bqajna għaddejjin bix-xogħol estensiv ta’ restawr fuq is-swar tal-Birgu, Mdina, Cittadella u l-Belt Valletta. Dan se jwassal biex fi ftit tal-ġranet oħra wieħed ikun jista jgawdi ġonna ġodda fil-foss tal-Imdina u l-Birgu.  Barra hekk sar xogħol qawwi fuq ir-restawr tas-salini u x-Ximenes Redoubt fl-inħawi Tas-Salini. Ftit tal-ġranet oħra se jsir il-ftuh tac-Centru Interattiv fuq il-Fortifikazzjonijiet fi Biagio Steps, Valletta li issa tlesta x-xogħol fuqu.
 
Inbeda x-xogħol ukoll fuq wieħed mill-akbar proġetti ta’ inġinerija f’pajjiżna, dak tal-mini taħt l-art biex tittaffa l-problema tal-għargħar, liema proġett se jiswa mal-56 miljun euro. Barrahekk se nkunu lestejna l-ewwel fażi tar-restawr tal-miżbla tal-Magħtab biex inbiddlu l-agħar ġerħa ambjentali li kellu pajjiżna f’park nazzjonali ieħor. Proġetti ma jaqtgħu xejn.  Fis-sena 2012 bħas-snin kollha mill-2008 ‘l hawn komplejna ngħollu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu taghna billi noffru proġetti ta' kwalita' mifruxa ma' pajjizna. Meta d-dinja għaddejja mill-agħar perjodu fl-ekonomija tagħha minn wara l-Gwerra ‘l hawn, ma kienx faċli li l-Gvern tagħna jkompli jinvesti bil-qawwa biex jkompli jibdel pajjiżna kuljum.  U m’għandiex dubju li l-poplu meta jivvota fid-9 ta’ Marzu dan kollu se jżommu f’moħħu u jagħtina mill-ġdid il-fiducja tiegħu biex inkomplu nbiddlu pajjiżna.

No comments: