Dec 3, 2012

Jum il-Persuni b'dizabilita'


Illum huwa l-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilita’.  Huwa stamt li madwar 15 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja tbati minn xi forma ta’ diżabilita’.  Dan il-jum huwa ntiż biex iġiegħlna naħsbu b’mod partikolari fuq il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies u kif nistgħu nkomplu ngħinuhom iħossuhom parti mis-soċjeta’ tagħna.  
 
Irrid ngħid li pajjiżna għamel passi ta’ ġgant ‘l quddiem fil-qasam ta’ aktar aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’.  Twettaq xogħol imprezzabbli mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ li rrid insellmilhom għax-xogħol li jagħmlu.  Illum huwa obbligu legali li kwalunkwe applikazzjoni ta’ żvilupp trid tiġi kkonsultata ma’ din il-Kummissjoni biex inkomplu niżguraw li l-bżonnijiet ta’ dawn in-nies qed jiġu kkunsidrati.  
 
Sar ħafna pero għad baqa xi jsir biex flimkien inkomplu  nżarmaw l-ixkiel soċjali li għadhom jiffaċċjaw persuni b’diżabilita’.  Dan l-ixkiel huwa detrimentali mhux biss għall-persuni nfushom pero anke għas-soċjeta’ in ġenerali li għandha bżonn li jkollha ċittadini li jgawdu aċċessibilita’ biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar potenzjal tagħhom.  Dan il-Jum għandu jgħina nirriflettu fil-kontribut li nistħgu nagħtu sabiex jitwettaq dan l-għan nobbli.  
 
Jien għandi esperjenza diretta ta’ persuna b’diżabilita’ għax għext f’dar fejn ommi tilfet id-dawl t’għajnejha ta’ 54 sena u għamlet 21 sena tgħix f’dan l-istat.  Rajt lill-ommi tbati pero rajtha wkoll iżżomm l-attitudni pożittiva tagħha waqt li baqgħet iżżomm ruħha utli.  Rajtha wkoll issofri l-konsegwenzi ta’ nuqqas t’aċċessibilita’ fl-ispazji pubbliċi ta’ pajjiżna u dawn l-esperjenzi ġiegħluni nifhem kif dak li għalina jittieħed for granted għal persuni b’diżabilita’ jfisser ħafna, f’ċertu każi jfisser li jistgħu jibqgħu jgawdu mobilita’.  Ovvjament l-ixkiel fiziku huwa biss wiehed mill-forom ta' xkiel li jtellef lil dawn il-persuni milli jilhqu l-milja tagħhom.  Hemm ukoll l-ixkiel socjali li rridu niġġieldu kuljum.

No comments: