Feb 6, 2013

Kuntrast ta' opportunitajiet

Bħala missier, nagħti priorita’ lill-futur ta’ binti.  Bħall-ġenituri kollha, nixtieqha tieħu l-aqwa edukazzjoni possibli biex quddiemha jkollha dinja ta’ opportunitajiet miftuħa għaliha.  Bħalissa hi qegħda s-Sixth form tipprepara għall-eżamijiet tal-A- Level.  Nista’ ngħid li hi ħadet edukazzjoni sħiħa, fejn iffukat fuq l-istudji pero ma warrbitx attivitajiet extra-kurrikulari li huma tant importanti fil-formazzjoni tal-karattru kif ukoll jipprovdu mumenti sbieħ li hi tqatta’ ma’ sħabha. 
Meta jien kont is-Sixth Form, ħafna mill-ħin tiegħi kont inqattgħu nipprotesta kontra r-reġim soċjalista li kif qed jikkonferma b’mod ipokrita Joseph Muscat innifsu, ħalla marka sewda fuq l-istorja ta’ pajjiżna u ħalla impatt tant negattiv fuq il-ħajja ta’ tant nies.
Li tidħol l-Universita’ fit-tmeninijiet kien ifisser li kellek tgħaddi minn sensiela ta’ ostakli, b’numerus clausus infami u bil-bżonn li jkollok il-parrinu.  Fi żmieni  l-istudenti l-Universita’ kienu jlaħħqu 700.  Il-verita’ hi li binti tgħix f’dinja totalment differenti.  Illum hemm 700 kors mhux 700 student l-Universita’.  Il-popolazzjoni tal-istudenti taqbeż il-11,000 b’6,000 oħra jistudjaw l-MCAST.  L-istudenti jirċievu stipendju biex jgħinhom itaffu l-ispejjeż ta’ studji terzjarji u mal-2000 borża ta’ studji ingħataw fl-aħaħr ħames snin biex ikollna aktar studenti li jkompli jistudjaw f’livell post-terzjarju.
Dan mingħajr ma nsemmi l-propsoti dwar l-edukazzjoni inklużi fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.  Iktar opportunitajiet għal studju anke wara l-gradwazzjoni.  Twaqqif ta’ Akkademja tal-Arti.  Investiment akbar fl-Universita’ u fl-MCAST.  Stipendju msaħħaħ.  Tlett elef borża ta’ studju oħr fil-ħames snin li ġejjin.  Għotjiet biex żgħażagħ ta’ 21 sena jkunu jistgħu jżuru pajjiżi Ewropej oħrajn.  Meta kelli sbatax kont noħlom b’dawn l-opportunitajiet.  Għall-binti ta’ sbatax-il sena din hi r-realta’ li għandha quddiemha.

No comments: