Showing posts with label studenti. Show all posts
Showing posts with label studenti. Show all posts

Oct 2, 2012

Aktar għajnuna lill-ulied fi skejjel privati



Jien u naqra l-aħbar ippublikata llum dwar aktar għajnuna mill-Gvern lill-iskejjel privati, ma stajtx ma niftakarx f’artiklu tiegħi li kien deher fil-ġurnal The Times f’Novembru 1995, intitolat Private schools: Towards reducing the burden on parents.
 
Dak iż-żmien kont argumentajt li “The reality is that, for a number of reasons, tuition and other fees at most non-state, non-church schools are proving to be beyond the reach of a good number of Maltese families.  This is restricting access to a number of children.  It is also proving to be an excessive burden to be borne by those parents who send their children to these schools not capriciously but on the basis of a recognised human right and national policy.” F’parti ohra tal-artiklu kont ghidt “I am convinced that it is about time that the issues of access to private schools be placed on the national agenda.  Such a debate should focus on the need of state support to the educational institution or the parents, and the formulation of a policy which addresses the difficulties being encountered by private schools.
 
Nieħu gost ninnota kif il-Gvern mill-1998 ‘l hawn irrikonoxxa din id-diffikulta’ u indirizzaha.  Biżżejjed insemmi kif, fost l-oħrajn, il-Gvern qed jgħin lil dawk il-ġenituri li jibgħatu l-uliedhom fl-iskejjel privati. Kull sena, madwar 4,400 familja jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa li fl-aħħar budget reġa żdied.  Fl-aħħar 4 snin, dawn il-familji gawdew bejniethom tnaqqis ta’ madwar €8 miljuni f`taxxi.  L-iskema mnehdija llum hi għal servizzi u xogħlijiet li saru sa mill-1 ta’ Jannar 2012, u hija valida għal tliet snin.  Il-fondi jiġu allokati skont in-numru ta’ studenti reġistrati fil-bidu ta’ kull sena skolastika kif approvat uffiċjalment mid-Direttorat tal-Kwalita’ u l-iStandards fl-Edukazzjoni. 
 
Kburi li l-Gvern, li nifforma parti minnu bħala Ministru, qed jattwa dawn il-miżuri, li m’huma xejn għajr investiment fl-edukazzjoni ta’ wliedna u t-tisħiħ tal-prinċipju li l-ġenituri jibqgħu jkollhom l-għażla ta’ fejn jibgħatu lil uliedhom.  Il-ftuħ tal-iskejjel privati huwa wirt tal-politika ta’ Gvernijiet mmexxija mill-Partit Nazzjonalista.  Huwa għalhekk xieraq li jkun Gvern Nazzjonalista li jkompli jqiegħed dawn l-iskejjel fuq sisien sodi.

Jul 12, 2012

93%


Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra mpressjonajt ruħi mhux ftit meta kelli l-opportunita’ niftaħ u nżur il-wirja mtella’ mill-istudenti tal-aħħar sena tal-kors tal-Inġinerija li ttellgħet fl-Universita’ ta’ Malta.  Ħadt gost ninnota l-enfasi ta’ numru ta’ proġetti biex tkun immassimizzata l-enerġija alternattiva  kif ukoll proġetti dwar sistemi li huma maħsuba biex jgħinu u jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ nies li jbatu minn xi diżabilita’.

Kif kelli l-okkażżjoni ngħid fil-ftuħ tal-wirja, il-ħolqien tax-xogħol ma jiġix b’xi bakketta maġika iżda jeħtieg investiment fl-innovazzjoni biex nattiraw industriji ġodda kif ukoll investiment f’inċentivi lill-industrija lokali biex tespandi. Huwa l-ħolqien ta’ proġetti bħal dawk marbuta anke mat-trattament tal-iskart  solidu u likwidu u l-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa li jkomplu jwasslu biex f’pajjiżna jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, inkluż green jobs.   Mhux ta’ b’xejn li llum 93% tal-istudenti Universitarji f’pajjiżna jsibu impjieg relatat mal-istudji tagħhom fl-ewwel 3 snin li jigradwaw.  L-għola persentaġġ mill-pajjiżi kollha ewropej huwa tagħna.  Il-medja fl-UE huwa ta’ 76%.

Ħadt gost ninnota wkoll kif fl-aħħar snin l-ammont ta’ studenti li daħlu jistudjaw fil-kors tal-inġinerija żdied minn 8% għal 12% tant li bħalissa fil-Fakulta hemm 400 student, u l-ammont ta’ studenti li komplew jistudjaw post-graduate żdied b’mod sostanzjali tant li fis-sena akkademika 2008/09 kien hemm 3 studenti jagħmlu M.Sc. filwaqt li din is-sena kien hemm 18 il-student. Dan grazzi għar-riforma tal-istipendji fl-2005 li nċentivat lill-istudenti jidħlu fil-kors tal-Inġinerija kif ukoll grazzi għal ħafna boroż ta’ studju bl-iskema STEPS u MGSS li l-Gvern qed jipprovdi lill-istudenti. 

Tennejt  l-apprezzament tiegħi lid-Dekan tal-Fakulta' u lill-lecturers ta’ dak li qed jagħmlu kif ukoll lill-ġenituri li kienu ta’ sostenn għal uliedhom.  Appellajt lill-istudenti biex issa bħala persuni kwalifikati ma jiddejqux jitkellmu ħalli jimbuttaw 'l quddiem bidliet teknoloġiċi li pajjiżna jeħtieġ li jagħmel, liema bidliet xi kultant jispiċċaw jintużaw bħala arma ta’ biża minn ċerti kelliema politiċi.  B’hekk biss ikollna nies kwalifikati li jkunu wkoll aġenti attivi tal-bidla fis-socjeta' Maltija.

May 29, 2012

Lejn anqas stress fl-eżamijiet

Ta’ kull sena, dan il-perjodu ikun ikkarraterizzat mill-istudju u l-stress tal-eżamijiet għal bosta studenti f’kull livell ta’ edukazzjoni f’pajjiżna. Aħna għandna d-dover li filwaqt li nkomplu nsaħħu l-kwalita’ tal-edukazzjoni, naħdmu biex insaħħu l-aċċessibilita’. Dan ifisser li rridu naħsbu f’iżjed mezzi li jippermettu lil kull student biex jirnexxielu jeċċella bl-inqas xkiel possibli. Dan iwassalni biex niftakar partikolarment f’dawk li qegħdin jagħmlu l-eżamijiet tal-Matrikola, jiġiefieri l-A-Levels u l-Intermediates, li għal ħafna minnom ifissru ċ-ċavetta għat-tkomplija tal-istudju tagħhom fl-Universita’.

Illum teżisti anomalija fis-sistema fejn f’numru ta’ każijiet studenti li jmorru tajjeb f’xi suġġetti iżda jeħlu minn oħrajn jispiċċaw ikollhom jerġgħu jirrepetu s-suġġetti kollha s-sena ta’ wara. Jiġifieri daqs li kieku dak l-eżami li ġabu marka tajba fih qatt ma għamluh. Dan iwassal biex numru ta’ studenti jaqtgħu qalbhom u jiddeċiedu li ma jerġgħux jippruvaw. Nemmen li l-eżamijiet huma għodda biex inkejjlu l-ħiliet li jkun żviluppa student, u mhux għodda biex naraw student jgħaddix minn ħafna eżamijiet f’daqqa.  Ma għandux ikun test ta' kemm għandu nifs !
Għalhekk nemmen li s-sistema għandha tiġi emendata. Għandha tagħti lok li student li jkun mar tajjeb f’eżami iżomm dik il-marka u fis-snin ta’ wara jekk jgħaddi mill-eżamijiet l-oħra jkun jista’ jgħaqqad il-marki tiegħu biex jidħol l-Universita’. Student ikun jista’ wkoll jiddeċiedi hu stess li jagħmel l-eżamijiet ftit ftit fuq iżjed minn sena waħda u jekk iġib l-eżamijiet neċessarji xorta jkun jista’ jidħol l-Universita’.
B’hekk inħeġġu iżjed studenti jagħmlu sforz jekk jaħsbu li ma jirnexxilhomx iġibu l-eżamijiet kollha f’daqqa jew ma jkunx irnexxielhom mal-ewwel darba u nevitaw ħafna stress żejjed. Għaliex nemmen fil-potenzjal ta’ kull individwu, se nibqa’ nagħmel ħilti biex l-Universita' ta' pajjiżna temenda s-sistema u dak li tistenna mingħand l-istudenti biex jgħaddu mill-bieb tagħha.

Feb 5, 2012

Qed nitrasformaw is-socjeta'

Tlett inkontri. Tlett ezempji hajjin tat-trasformazzjoni li gibna f’pajjizna bl-investimenti fl-edukazzjoni f’kull livell. L-ewwel inkontru: nidhol ghand zewg anzjani f’San Gwann, ir-ragel ghandu 84 sena u l-mara ghandha 78 sena. Ninnota li ghandhom computer mixghul. Staqsejthom juzawhx. Qaluli li t-tnejn li huma matul l-ahhar sena marru kors organizzat mill-Kunsill Lokali. Hallsu xi haga zghira biex bdew il-kors izda hadu l-flus lura ghax ghaddew mit-test li sarilhom fl-ahhar tal-kors ! Qaluli li jiehdu gost juzaw l-internet u jikkorrospondu bl-emails. Ghidtilhom li verament huma ta’ ezempju kif minkejja l-eta’ avvanzata taghhom xorta resqu ‘l quddiem biex jitghallmu.

It-tieni nkontru: Nidhol ghand familja l-Gzira. Il-mara spjegatli li r-ragel haddiem manwali. Ghandhom zewgt itfal. Wahda lahqet farmacista u qed tahdem ma’ kumpanija tal-farmacija u li dalwaqt se tizzewweg, filwaqt li t-tifel se jispicca l-kors ta’ avukat izda behsiebu jkompli jistudja. Hekk kif gejt biex nitlaq qaltli: Nixtieq nirringrazzjak. Ghidtilha “Ta’ xhix?”. Spjegatli li anke hi li llum ghandha madwar 48 sena ghamlet kors fl-Universita’. Qaltli li ghall-kors ma hallsitx flus ghax kien mhallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Spjegatli li issa qed tithajjar tibda Masters.

It-tielet inkontru: Gew ghandi fl-ufficcju tieghi Tas-Sliema kopja. Lir-ragel niftakru l-iskola primarja ta’ Tas-Sliema. Ftit akbar minni. Spjegali li jahdem go barriera ma’ kumpanija. Gew ikellmuni ghax binthom issa qeghda l-Universita’ fil-kors tal-B.Com u ghalkemm ghadha fit-tielet sena Audit firm lokali diga offritilha kuntratt biex tahdem maghha. Gew isaqsuni jekk nahsibx li din hija kumpanija tajba. Spjegajtilhom li din hija wahda mill-aqwa kumpaniji f’dan il-qasam u li t-tifla ghandha thossha kburija li din il-kumpanija avvicinatha. Qaluli wkoll li binthom l-ohra qeghda s-sixth form. Spjegawli li ghamlu bosta sagrificcji imma jhossuhom kburin li lill-uliedhom irnexxielhom jaghtuhom l-aqwa edukazzjoni.

L-ahhar zewg inkontri huma xhieda tal-beneficcju tal-istipendji. M’ghandhiex dubju li kien ikun impossibli li dawn iz-zghazagh jersqu lejn l-Universita’ kieku ma kienx hemm l-istipendji. Xhieda wkoll ta’ kemm hu zbaljat Edward Scicluna, dak li diga gie ddikjarat li se jkun il-Ministru tal-Finanzi jekk il-Partit Laburista jirbah l-elezzjoni meta qal li pajjizna ghandu jnehhi l-istipendji u jitrasformhom f’dejn. Irrid infakkar li kien Scicluna li fl-2008 iddikjara: "Jekk qabel in-nies tat-Tarzna kienu jitqiesu bħala baqar sagri għax il-Gvern kien jibża' minnhom, illum għandna sitwazzjoni simili fl-Università bil-Gvern imbeżża' milli jmiss l-istipendji." Jien kburi li nifforma parti minn Gvern li mhux lest imiss l-istipendji, anzi se jkompli jiggieled biex dawn jinzammu.

Jan 4, 2012

Aktar boroż ta' studju

Dalgħodu kelli l-pjacir nippreżenta għaxar boroż ta’ studju lil studenti li qed jagħmlu l-istudju tagħhom biex jilħqu veterinarji. Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali qed jagħti sponsorship finanzjarju ta’ €10,000 kull wieħed lil għaxar studenti għal kors kollu. Hu kkalkulat li hemm ftit ‘l fuq minn 30 student li qed jistudjaw l-mediċina veterinarja f'diversi Universitajiet fl-Ewropa fosthom fl-Islovakkja, l-Italja, l-Ingilterra, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija. Permezz ta’ din l-għotja, il-Gvern, barra milli qiegħed itaffi xi ftit mill-piż finanzjarju ta’ dawn l-istudenti, se jkun qiegħed jakwista wkoll is-servizzi ta’ dawn iż-żgħażagħ għal numru ta’ snin hekk kif ilestu l-istudji tagħhom.

Dawn l-opportunitajiet qed jingħataw għax pajjiżna jeħtieġ li jkollu aktar veterinarji u dan mhux biss għaliex kiber ħafna l-għarfien dwar il-kura tal-Annimali u l-Animal Welfare, iżda b’mod speċjali għaliex il-veterinarji huma strumentali biex ikun assigurat il-kwalità u l-istandards tal-ikel. Dawn iż-żewġ aspetti, minn dejjem importanti, issedqu fl-importanza tagħhom fl-aħħar snin hekk kif Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropea u pajjiżna jeħtieġ numru ikbar ta’ veterinarji biex ikun jista’ jilħaq mal-obligi li joħorġu mir-regolamenti Ewropej.

Wara l-presentazzjoni kellna l-opportunita’ nitkellem mal-istudenti li ġew flimkien ma’ xi ġenituri tagħhom. Omm minnhom, li fil-fatt mitilha r-raġel, spjegatli s-sagrificcji li għamlet biex setgħet tibgħat lil bintha tistudja barra minn Malta u apprezzat l-għajnuna li qed nagħtu. Apprezzat wkoll id-decizzjoni li l-Gvern kien ħa li studenti bħal dawn li jistudjaw barra minn Malta korsijiet li mhumiex accessibli f’pajjiżna jieħdu huma wkoll l-istipendju li jieħdu l-kumplament tal-istudenti f’pajjiżna.


Sfortunatament sa llum l-Università ta’ Malta ma toffrix kors li jwassal għal degree fl-istudji veterinarji u għalhekk, dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f’din id-dixxiplina qed ikollhom jagħmlu dan f’istituzzjoni barra minn Malta bi spiża konsiderevoli. Qed niddiskutu ma’ Universitajiet Ewropej kif l-Universita’ ta’ Malta tkun tista tibda kors konġunt, fejn għallanqas parti mill-istudji jibda jsir Malta. Sadanittant se nkomplu nfittxu kif nistgħu nassistu wkoll lill-istudenti l-oħra li wkoll qed jistudjaw barra minn Malta.

Dec 3, 2011

SDM - my nursery

F’dawn il-granet mort wahda mic-cerimonji tal-gradwazzjoni fis-Sala tal-Universita’ f’tal-Qroqq. X’memorji dawk ! Bdejt niftakar fis-snin li qattajt jien fl-Universita’ u l-hidma tieghi fl-SDM (Studenti Demokristjani) u l-KSU. Domt attiv fl-SDM kwazi 7 snin. F’perjodu mqanqal hafna tal-istorja politika ta’ pajjizna. Bdejt il-hidma tieghi meta kelli 16-il sena u dhalt is-Sixth Form u komplejt kwazi sakemm spiccajt l-Universita’. Kien zmien ta’ protesti biex l-istudent jzomm id-drittijiet bazici tieghu. Niftakar li darba minnhom ghax ghamilna gimgha ta’ protesti fis-Sixth Form il-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iz-zmien, qed nirreferi ghall-1981, qabad u xolja l-Kunsill tal-Istudenti u lanqas hallina niltaqghu aktar fil-kamra li kellna ! Kunsill elett demokratikament mill-istudenti spicca dikjarat illegali ghax ipprotesta b’mod ghal kollox pacifiku.

Kien zmien meta jekk tazzarda titkellem malajr jasallek it-theddid u taqla xi xebgha minn nies organizzati. Niftakar sew is-sena 1984 meta bhala SDM konna attivi favur l-ezistenza tal-iskejjel tal-knisja li l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista li halef li jaghlaq. Niftakar sew is-swat li garbu diversi student tal-Universita’ meta telghu diversi haddiema armati tat-Tarzna ghalina. Niftakar li lil wiehed student tal-arkitettura kienu kisrulu zewg idejn b’katina ! Illum fl-arja demokratika u serena li ghandna meta tirrakkonta stejjer bhal dan bil-kemm titwemmen. Imma ahna li garrabnihom, tghallimna haga mportanti: taqta’ qalbek qatt quddiem l-ghawg u kompli nsisti ghad-drittijiet tieghek b’mod pacifiku minkejja li jipruvaw jumiljawk.

F’dan il-perjodu mqanqal, sibna hin ukoll biex niehdu l-formazzjoni taghna fuq il-principji li jsawwru l-hsieb demokratiku kristjan. Il-principji tas-solidarjeta’, partecipazzjoni, gustizzja socjali u zvilupp sostenibbli assorbejnihom mill-hafna seminars ta’ formazzjoni li konna norganizzaw kemm fl-Universita’ kif ukoll fl-AZAD. Konna nistiednu nies personalitajiet li kellhom ghal qalbhom din il-kultura politika. Konna naghmlu uzu tajjeb hafna wkoll mill-librerija tal-AZAD. Dawk is-snin ta’ hidma fl-SDM bnewli l-karattru tieghi u ghalmuni l-ABC tas-sistema demokratika inkluz l-procedura ta’ laqghat formali, kif ukoll l-bazi tal-hsieb politiku tieghi liema formazzjoni ghadni nsibha utli kuljum.