Jul 12, 2012

93%


Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra mpressjonajt ruħi mhux ftit meta kelli l-opportunita’ niftaħ u nżur il-wirja mtella’ mill-istudenti tal-aħħar sena tal-kors tal-Inġinerija li ttellgħet fl-Universita’ ta’ Malta.  Ħadt gost ninnota l-enfasi ta’ numru ta’ proġetti biex tkun immassimizzata l-enerġija alternattiva  kif ukoll proġetti dwar sistemi li huma maħsuba biex jgħinu u jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ nies li jbatu minn xi diżabilita’.

Kif kelli l-okkażżjoni ngħid fil-ftuħ tal-wirja, il-ħolqien tax-xogħol ma jiġix b’xi bakketta maġika iżda jeħtieg investiment fl-innovazzjoni biex nattiraw industriji ġodda kif ukoll investiment f’inċentivi lill-industrija lokali biex tespandi. Huwa l-ħolqien ta’ proġetti bħal dawk marbuta anke mat-trattament tal-iskart  solidu u likwidu u l-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa li jkomplu jwasslu biex f’pajjiżna jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, inkluż green jobs.   Mhux ta’ b’xejn li llum 93% tal-istudenti Universitarji f’pajjiżna jsibu impjieg relatat mal-istudji tagħhom fl-ewwel 3 snin li jigradwaw.  L-għola persentaġġ mill-pajjiżi kollha ewropej huwa tagħna.  Il-medja fl-UE huwa ta’ 76%.

Ħadt gost ninnota wkoll kif fl-aħħar snin l-ammont ta’ studenti li daħlu jistudjaw fil-kors tal-inġinerija żdied minn 8% għal 12% tant li bħalissa fil-Fakulta hemm 400 student, u l-ammont ta’ studenti li komplew jistudjaw post-graduate żdied b’mod sostanzjali tant li fis-sena akkademika 2008/09 kien hemm 3 studenti jagħmlu M.Sc. filwaqt li din is-sena kien hemm 18 il-student. Dan grazzi għar-riforma tal-istipendji fl-2005 li nċentivat lill-istudenti jidħlu fil-kors tal-Inġinerija kif ukoll grazzi għal ħafna boroż ta’ studju bl-iskema STEPS u MGSS li l-Gvern qed jipprovdi lill-istudenti. 

Tennejt  l-apprezzament tiegħi lid-Dekan tal-Fakulta' u lill-lecturers ta’ dak li qed jagħmlu kif ukoll lill-ġenituri li kienu ta’ sostenn għal uliedhom.  Appellajt lill-istudenti biex issa bħala persuni kwalifikati ma jiddejqux jitkellmu ħalli jimbuttaw 'l quddiem bidliet teknoloġiċi li pajjiżna jeħtieġ li jagħmel, liema bidliet xi kultant jispiċċaw jintużaw bħala arma ta’ biża minn ċerti kelliema politiċi.  B’hekk biss ikollna nies kwalifikati li jkunu wkoll aġenti attivi tal-bidla fis-socjeta' Maltija.

No comments: