Il-bierah il-Prim Ministru ħabbar numru ta’ proposti li l-PN ser ikun qed iwettaq fil-qasam tal-ambjent ladarba jerġa jingħata mandat mill-poplu nhar it-8 ta’ Marzu.
M’hemmx dubju li l-post li ntgħażel mill-Prim Ministru Gonzi biex jagħmel il-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-bierah kien sinifikanti ħafna għax il-post innifsu huwa xhieda ta’ l-avvanzi kbar li għamilna fil-qasam ta’ l-ambjent fl-aħħar snin. Sa ftit snin ilu, ħadd ma kien jimmaġina li l-miżbla tal-Magħtab qatt kienet ser tilqa’ l-avveniment li kien ser jifrex il-politika tal-PN f’dan il-qasam għall-ħames snin li ġejjin.
Il-punt tat-tluq tal-Prim Ministru kien dak li rnexxielna niksbu fl-aħħar erba snin – ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab, il-kisbiet kbar fl-immaniġġjar ta’ l-iskart, il-ftuħ ta’ inċineratur u l-għeluq ta’ l-inċineraturi antiki, l-edukazzjoni ambjentali u t-trawwim ta’ kuxjenza ambjentali akbar fil-poplu tagħna.
Qal ukoll iżda li għad fadal ħafna xi jsir. Semma żewġ sfidi ewlenin għall-futur: Il-bilanċ li rridu nsibu f’pajjiż tad-daqs tagħna, bejn il-kwalita’ tal-ħajja, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-izvilupp ekonomiku u l-bidla fil-klima li taffettwa lil pajjizna direttament bhala gżira fl-istess ħin li l-prezz dinji taż-żejt qiegħed dejjem jogħla.
Biex nindirizzaw il-bidla fil-klima ħriġna bi proposti bħall-għoti ta’ energy-saving bulbs, l-ħolqien ta’ offshore wind-farm ta’ 100 MW, aktar inċentivi biex il-poplu jinvesti f’sorsi ta’ enerġija rinovabbli, ir-riforma tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għal waħda ibbażata fuq il-polluter-pays principle u l-inizjattiva biex Għawdex tinbidel fi gżira ekoloġika.
Il-Prim Ministru intrabat ukoll li jirriforma l-MEPA biex tiżdied aktar l-effiċjenza skond miri stabbiliti; tkompli tiżdied it-trasparenza u l-accountability; jonqsu l-inkonsistenzi fid-deċiżjonijiet u biex jissaħħaħ l-infurzar. Dr. Gonzi qal li f'legislatura ohra hu se jiehu din l-MEPA taht ir-responsabilita diretta tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Irrid nghid li kont jien stess li ssuggerejtlu jaghmel dan wara 10 snin responsabbli minn din l-Awtorita', fatt li Lawrence Gonzi rrefera ghalih. Jien nemmen li dan huwa mehtieg mhux biss ghax il-MEPA ssir aktar l-ghodda ghal zvilupp sostenibbli f'pajjizna izda ukoll ghax l-ipprocessar ta' applikazzjonijiet ta' zvilupp mill-MEPA jiddependi ukoll fuq l-efficjenza tar-rispons li jaghtu entitajiet u anke Ministeri oħrajn.
Inħossni tassew kburi li dak li wettaqna fl-aħħar erba’ snin f’dan il-qasam qed iservi ta’ pedament sod għall-viżjoni li għandna għall-ġejjieni.
No comments:
Post a Comment