Jul 25, 2012

Biccerija - Sigurta' tal-Ikel


F’dawn l-aħħar tliett snin fil-Biċċerija sar progress kbir tant li l-Gvern investa maż-€2 miljun fuq diversi xogħolijiet strutturali fil-Biċċerija. Fost l-investiment biżżejjed insemmi li ġiet installata sistema ġdida tar-refriġerazzjoni tas-sitt chillers fejn jinżamm il-laħam.  B’din is-sistema l-ġdida, il-laham li jkun fiċ-chillers jkun jista jilħaq it-temperaturi meħtieġa aktar malajr u se jiġi ffrankat mal-40% konsum ta’ elettriku.  

Infetħet ukoll is-sezzjoni tal-cutting and deboning fejn il-laħam jiġi spulpjat u mqatta biex b’hekk koperattiva bħal dik ta’ dawk li jrabbu l-majjal (KIM) tkun tista’ tbiegħ laħam ippakjat hi stess b’mod dirett u b’hekk il-membri tagħha jkollhom dħul dirett. 

L-investiment massiċċ fl-infrastruttura kien ikkumplimentat mill-introduzzjoni ta’ prattiċi ġodda li daħlu minflok sistemi antikwati li kienu ilhom fis-seħħ fil-biċċerija.  Irrid nirringrazzja kemm lill-management tal-biċċerija kif ukoll lill-ħaddiema u lill-unions li fehmu l-bżonn tat-tibdil, anke f’każijiet fejn il-bidla ġabet magħha ftit uġiegħ ukoll. 

Bħalissa għaddejjin ukoll biex ndaħlu sistema ta` traċċabilita` tal-laħam, fejn matul il-linja tal-qatla, b’sistema komputerizata, tinġabar informazzjoni dwar l-annimal sabiex permezz ta’ tabella li titwaħħhal mal-karkassa, wieħed ikun jista` jkun jaf eżatt mill-liema razzett ikun wasal, kif ukoll informazzjoni dwar min ikun xtara il-laħam. 

Kwalita’ ta’ ħajja aħjar tintlaħaq ukoll b’investiment fil-kwalita’ u s–sigurta’ tal-ikel.  Dan l-investiment fil-Biċċerija huwa biss parti mill-investiment kbir li sar tul il-ħolqa kollha tal-produzzjoni tal-ikel, liema ħolqa tibda mir-razzett. 

No comments: