Charles Zahra huwa iben familja ta’
bdiewa mill-Għargħur,
li waqt l-istudju tiegħu biex jigradwa f’BSc Mediterranean Agro Eco-systems
management, għażel li bil-kollaborazzjoni tal-għalliema tiegħu partikolarment
Dr Everaldo Attard, jiffoka fuq it-tkabbir ta’ diversi tipi ġodda ta’ dulliegħ
għal pajjiżna fosthom dulliegħ seedless. Nhar is-Sibt li għadda
flimkien ma’ Charles żort għalqa fil-Għargħur fejn qed isir it-tkabbir ta’
tmien varjetajiet ta’ dulliegħ li numru minnhom qed jitkabru f’Malta għall-ewwel darba.
Flimkien mad-Diviżjoni tax-Xjenzi
Rurali u Sistemi tal-Ikel fi ħdan l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali ġewwa l-Universita’
ta’ Malta qed isir dan il-proġett li għandu jiddetermina l- ammonti ta’ lycopene
(il-kulur aħmar) u polifenoli f’varjetajiet differenti ta’ dulliegħ.
Fl-għalqa tal-familja Zahra u xi bdiewa oħra
qed jitkabbar dulliegħ bla żerriegħa matura u għalhekk tista tittiekel
biż-żerriegħa b’kollox. Dulliegħ bħal dan
qed jinbiegħ mill-Farmers Market ta’ Ta’ Qali u s’issa ntlaqa tajjeb ħafna
mill-konsumatur.
Din ir-riċerka li qed issir għandha
l-għan li tiffoka fuq l-aspetti nutruttivi tad-dulliegħ li mhux biss għandu
togħma bnina u rifreskanti imma joffri wkoll beneffiċċji għas-saħħa. L-istudji
juru li d-dulliegħ hu għoli fil-putassa, nutrient li jgħin biex tiġi
ikkontrollata l-pressjoni, jgħin ukoll fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm kif ukoll biex
jissaħħaħ l-għadam, speċjalment f’nies avvanzati fl’eta’. S’issa r-riċerka qed
turi li apparti li d-dulliegħ huwa fost il-frott b’kontenut ta’ lycopene għoli,
bi ftit attenzjoni u iproċessar għaqli,
wieħed jista’ jikseb prodotti b’valuri miżjuda fuq dawk tad-dulliegħ innifsu. L-entuzjazmu
ta’ Charles huwa eżempju ta’ din ir-realta’ ġdida fejn studenti qed jagħżlu li
jkomplu javvanzaw fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam agrikolu.
No comments:
Post a Comment