Dec 29, 2012

Mill-2012 ghal 2013


Dan hu żmien li fih wieħed iħares lejn dak li jkun wettaq matul is-sena li qed tintemm u fl-istess waqt iħares lejn is-sena li tkun se tibda. Ħarsa lejn dak li wettaq il-Ministeru tiegħi fl-2012 fil-qasam biss tal-proġetti ta' tisbiħ tħallik b’sodisfazzjon qawwi. Komplejna nagħtu lill-pubbliku proġetti ta' kwalita'. Kemm permezz ta' proġetti ta' restawr kif ukoll permezz ta' progetti ta' spazji ġodda għar-rikreazzjoni tal-familja.
 
Biżżejjed insemmi l-Waterpark f’Bugibba, il-Park tal-Mellieħa, id-Dog Park u l-Petting Farm f’Ta’ Qali, ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, pavimentar ġdid fit-toroq taż-żona kummercjali ta’ Paceville, il-Ġnien Santa Maria tal-Angli f’Baħar ic-Cagħaq, Gnien Patri Leopoldo Tabone f’San Gwann, u l-Park tal-Familja f'Wied il-Għajn fiż-żona fejn fis-snin sebgħin kien hemm miżbla. Dan il-park mill-isbah b'daqs ta' art li jidhlu fiha madwar 20 pitch tal-futbol, se jinfetaħ ftit tal-ġranet oħra, u se jkun attrazzjoni qawwija għan-naħa t’isfel ta’ pajjiżna. Bħalissa għaddej ix-xogħol ukoll fuq ic-Centru Civiku u l-Gnien tas-Swieqi, liema proġett għandu jinfetaħ dalwaqt ukoll. Proġett ieħor simili nbeda ġewwa San Gwann.  
 
Fil-qasam tar-restawr matul l-2012 tlesta x-xogħol fuq it-Torri ta’ Għajn Żnuber fil-Mellieħa, il-Kappella tal-Kuncizzjoni f’San Ġiljan, il-Knisja tal-Vitorja f’Ħal-Qormi, u tlett irziezet li kienu mġarrfa ġewwa l-Buskett. Komplejna wkoll bir-restawr fuq il-Berġa ta’ Kastilja u l-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.  Bqajna għaddejjin bix-xogħol estensiv ta’ restawr fuq is-swar tal-Birgu, Mdina, Cittadella u l-Belt Valletta. Dan se jwassal biex fi ftit tal-ġranet oħra wieħed ikun jista jgawdi ġonna ġodda fil-foss tal-Imdina u l-Birgu.  Barra hekk sar xogħol qawwi fuq ir-restawr tas-salini u x-Ximenes Redoubt fl-inħawi Tas-Salini. Ftit tal-ġranet oħra se jsir il-ftuh tac-Centru Interattiv fuq il-Fortifikazzjonijiet fi Biagio Steps, Valletta li issa tlesta x-xogħol fuqu.
 
Inbeda x-xogħol ukoll fuq wieħed mill-akbar proġetti ta’ inġinerija f’pajjiżna, dak tal-mini taħt l-art biex tittaffa l-problema tal-għargħar, liema proġett se jiswa mal-56 miljun euro. Barrahekk se nkunu lestejna l-ewwel fażi tar-restawr tal-miżbla tal-Magħtab biex inbiddlu l-agħar ġerħa ambjentali li kellu pajjiżna f’park nazzjonali ieħor. Proġetti ma jaqtgħu xejn.  Fis-sena 2012 bħas-snin kollha mill-2008 ‘l hawn komplejna ngħollu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu taghna billi noffru proġetti ta' kwalita' mifruxa ma' pajjizna. Meta d-dinja għaddejja mill-agħar perjodu fl-ekonomija tagħha minn wara l-Gwerra ‘l hawn, ma kienx faċli li l-Gvern tagħna jkompli jinvesti bil-qawwa biex jkompli jibdel pajjiżna kuljum.  U m’għandiex dubju li l-poplu meta jivvota fid-9 ta’ Marzu dan kollu se jżommu f’moħħu u jagħtina mill-ġdid il-fiducja tiegħu biex inkomplu nbiddlu pajjiżna.

Dec 28, 2012

Ripard


Xi kultant ma naprezzawx biżżejjed il-wirt kbir li ghandna f’pajjizna nkluż f’oqsma bħal yachting. Ftit nies forsi japrezzaw il-fatt li r-Royal Malta Yacht Club huwa club bi storja kbira għax jaf il-bidu tiegħu fl-1835 meta sa dakinhar ftit li xejn kienu jeżistu clubs bħal dawn fil-Meditterran. Dan l-aħħar il-Gvern ta binja f’Ta’ Xbiex li qabel kienet tal-MMA lil dan il-club biex isservi ta’ centru għal RMYC.  Kien xieraq għalhekk ukoll li l-ambjent tal-promenade vicin il-yachting centre f’Ta’ Xbiex jingħata facelift li jixraqlu peress li l-ambjent tal-madwar ma kienx wieħda ta’ standard.  

Bħala parti mix-xogħlijiet ta’ titjib ħadna ħsieb li ninstallaw funtana originali f’forma ta’ sailing boat.  Din il-funtana issa bi qbil mal-kumitat tal-RMYC se tiġi ddedikata lil Paul Ripard (1931-2009)  definittivament wieħed mill-aqwa sailing skippers li ra pajjiżna. Paul Ripard kien mhux biss membru tar-RMYC minn meta kien tifel, iżda rrapreżenta lil Malta f’diversi tiġrijiet kemm lokalment kif ukoll barra minn pajjiżna. Paul flimkien ma’ ħuh John, wliedhom u membri oħra tal-familja Ripard ħallew il-marka tagħhom fuq l-istorja ta’ l-ibburdjar lokali u tal-Middle Sea Race b'mod partikolari, tiġrija li huma rebħu ħames darbiet.  

Forsi ftit nies jafu kif bdiet din il-Middle Sea Race, tiġrija mill-aktar ta’ sfida u ferm rispettata.  Wilfred Sultana jirrakonta li l-Middle Sea Race kienet bdiet fuq l-inizjattiva ta’ Jimmy White li ġie f’pajjiżna fuq is-sailing boat tiegħu Sandettie. Dan kien irrakkonta li meta rtira mix-xogħol fl-1966 kien ippjana li jqatta numru ta’ snin fil-West Indies.  Kien ħalla lill-ġenituri tiegħu, li t-tnejn ma kienux f’saħħithom ħafna, u meta wasal Gibilta beda jħoss il-kuxjenza tnigżu. Kien iltaqa ma’ Amerikan li kien għadu kemm għamel vjaġġ twil fil-Mediterran u kien qallu li qed jiddispjacih li telaqhom.  L-Amerikan iżda wieġbu:  “Mur Malta. Minn hemm tista’ ttir lejn l-Ingilterra kuljum fi 3 siegħat.”  Dak hekk għamel.  

Meta ġie Malta, White integra ruħu fix-xena lokali tal-ibburdjar u wasal biex flimkien mal-ħabib tiegħu Alan Green fassal rotta ta’ tigrija li tmur u iddur ma’ Sqallija minn Malta.  Din il-brain-child ta’ White poġġiet lil Malta fuq il-mappa ta’ ċentri li jospitaw tigrijiet ta’ l-ibburdjar klassici fuq livell internazzjonali. U Paul Ripard kien wieħed mill-aktar nies prominenti fl-istorja tal-ibburdjar f’Malta, kif ukoll f’dik tal-Royal Malta Yacht Club u tal-Rolex Middle Sea Race.  Għalhekk dan il-wirt jixraqlu rikoxximent.

Dec 27, 2012

Remote Gaming - Settur sinifikanti


Ftit għad hemm min jiddubita dwar l-importanza li s-settur tal-gaming għandu fl-ekonomija Maltija.  Għal iktar minn għaxar snin, il-Gvern Malti ilu jinkoraġġixxi t-tkabbir ta’ dan is-settur permezz ta’ qafas regolatorju li filwaqt li hu b’saħtu, jilħaq ukoll l-aspirazzjonijiet tas-settur.  Din il-politika, flimkien mal-fatt li f’Malta hawn numru ta’ kumpaniji ta’ kwalita’ li jiprovdu servizz lil dawn l-operaturi wasslu biex Malta saret wieħed mill-pajjiżi ewlenin f’dan il-qasam.  Incidentalment Malta għandha wkoll l-akbar numru ta’ licenzji maħruga f’dan il-qasam. 
 
L-aktar data ricenti dwar il-kontribut ta’ dan il-qasam għall-Prodott Gross Domestiku (GDP) nazzjonali hija nkluża fl-istudju li ġie kkummissjonat mill-Malta Remote Gaming Council u li kien ippreżentat minn Deloitte Malta f’Lulju li għadda.  Skont dan l-istudju, il-licenzji li ħarget Malta f’dan il-qasam jiġġeneraw ‘l fuq minn €175 miljun f’nefqa diretta f’Malta u kien iħaddem mat-3,700 impjegat fl-2010.  Dawn ic-cifri certament komplew jiżdiedu minn dak iż-żmien, u ma jinkludux nefqiet ancillari bħal ma huma vjaġġi u akkomodazzjoni relatati ma’ dan it-tip ta’ xogħol.  
 
Minbarra l-kontribut ekonomiku, hemm ukoll l-aspett socjali sinifikanti li m’għandux ikun traskurat.  Mit-3,700 impjegat li jissemmew fl-istudju, 74% minnhom huma klassifikati bħala barranin, li jfisser li fl-2010 kien hawn mal-2,740 barrani jgħixu f’Malta u jaħdmu f’dan is-settur.  Dan huwa aspett li jimmerita studju apparti għaliex dan ifisser ġenerazzjoni ta’ aktar investiment u provista ta’ servizzi oħra.  
 
Malta tista’ tibqa’ pajjiż ewlieni f’dan is-settur għal ħafna snin li ġejjin.  Pero biex dan iseħħ Malta jinħtieġ li tibqa’ żżomm joperaw minn hawn lill-operaturi l-kbar.  Dan jista’ jsir billi jkompli jissaħħaħ il-process ta’ djalogu bejn l-operaturi ewlenin, l-Awtorita’ tal-Lotteriji u Gaming (LGA) u l-Gvern.  Ikun jaqbel lil kulħadd li dan iseħħ.

Dec 26, 2012

L-estremiżmu


L-estremiżmu ikraħ wisq, specjalment dak reliġjuż.  F’dawn il-ġranet ta’ ferħ u ġabra laqtuni tlett stejjer ta’ estremiżmu xokkanti.  L-ewwel waħda : Immaġini ta’ Santa Claus ġew ipprojbiti li jidhru fuq it-televiżjoni fl-Uzbekistan.  Hija l-aħħar mossa minn sensiela biex titnaqqas l-influenza kulturali Russa fuq is-socjeta’ ta’ dan il-pajjiż predominentament Islamiku, li kien jifforma parti mill-Unjoni Sovjetika.  Ġurnalist tat-televiżjoni nazzjonali ammetta li ircivew struzzjonijiet biex lanqas il-kelma Milied ma jsemmu !  
 
Fil-belt antika ta’ Timbuktu fil-Mali fundamentalisti Islamici, vicin tal-grupp al Qaeda, qed ikissru l-muzulej storici kollha ta’ din il-belt, hekk kif 3 ijiem ilu n-Nazzjonijiet Uniti ddecidiet li tagħti l-appoġġ li jintbagħat f’dan il-pajjiż armata Afrikana biex tikkontrolla s-sitwazzjoni.   Dawn il-gruppi qed jimplimentaw il-verżjoni tagħhom tal-liġi Islamika, Sharia.  “Ma jibqax mausoleum wieħed f’Timbaktu.  Alla ma jridhomx” qal wieħed mill-mexxejja Abou Dardar tal-moviment Ansar Dine, li tfisser Suldati tal-Fidi.  F’Lulju li għadda fl-istess belt dawn l-Islamici farku id-dħul ta’ moskea li nbniet aktar minn 400 sena ilu f’din il-belt li tissejjaħ ukoll “Il-Belt ta’ 333 Qaddis”.  Dan il-pajjiż, li għal ħafna snin kien meqjus bħala wieħed mill-aktar pajjiżi afrikani b’demokrazija stabbli, issa spicca b’konflitt qawwi fil-parti ta’ fuq tiegħu, liema konflitt ħalla diġa mal-400,000 refuġjat.
 
Fil-parti ta’ fuq tan-Niġerja lejliet il-Milied nies armati attakkaw u taw in-nar lill-knisja nisranija u qatlu 6 persuni. Il-moviment militant Islamiku Boko Haram mill-2010 ‘l hawn attakka diversi knejjes, inkluż sena ilu meta nqatlu 40 persuna f’Jum il-Milied. Din il-vjolenza ssemmiet anke mill-Papa Benedittu XVI fl-indirizz tiegħu ta’ Jum il-Milied fejn talab għall-armonija reliġjuża  f’dan il-pajjiż li qed jisfa vittma ta’ “atti ta’ terroriżmu salvaġġ” ħafna drabi fuq l-Insara. 
 
Qed nikteb dan mhux biex ninstiga rabja lejn l-Musulmani.  Irridu niftakru li dawn il-fundamentalisti mhumiex riflessjoni tar-reliġjon Musulmana. Il-maġġoranza l-kbira tal-Musulmani mhumiex nies fundamentalisti.  Iżda sfortunatament jidher car li f-fazzjonijiet fundamentalist fi ħdan il-komunita’ musulmana qed jerġgħu jerfgħu rashom.  Hemm bżonn ta’ djalogu akbar bejn l-Insara u l-Musulmani sabiex il-fundamentalisti miż-żewġ naħat jkunu emarġinati u iżolati.  Hija biss il-koperazzjoni li tirbaħ il-konfrontazzjoni.

Dec 15, 2012

Let's go for it !


Ninsabu resqin lejn iż-żmien li fih se nintalbu niddeċiedu min imexxi pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin.  Niddeċiedu a bażi ta’ proposti, track record u esperjenza.  Hawn toħroġ id-differenza netta bejn Lawrence Gonzi u Joseph Muscat.  Ir-riżultati waħedhom jitkellmu għal Gonzi u għall-Gvern immexxi minnu.  Bniedem li mexxa lil pajjiżna f’mumenti ta’ kriżi li qatt ma rajna bħalha.  Pajjiżi ġara tagħna għerqu u aħna għadna nsalpaw.  Studenti jipprotestaw fil-pajjiżi erorpej u tagħna jiċċelebraw.  Pagi u pensjonijiet jinqatgħu u aħna nħabbru ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema taċ-ċivil u pakkett ta’ benefiċċji fil-budget, inkluż tnaqqis fit-taxxa.  
 
F’pajjiżi qribna qed naraw numri jwaħħxuk ta’ nies qegħda.  F’Malta nħolqu 20,000 impjieg f’mument ta’ kriżi. Illum pajjiżna jista’ jiftaħar li għandu l-akbar numru ta’ nies jaħdmu full time li qat kellu mill-Indipendenza ‘l hawn.  Baqa’ ġej l-investiment f’intrapriżi ġodda, jew tkabbir ta’ dawk eżistenti. Minn 320 miljun investiment f’fabriki ġodda, 280 miljun huwa investiment minn barra pajjiżna.  Dan grazzi għal politika ta’ għaqal li forsi ma tissarrafx f’popolarita’, pero li tiggarantixxi prosperita’ u impjiegi ġodda. 
 
Fuq in-naħa l-oħra għandna lil Muscat.  Kellu biss proġett wieħed f’idejh.  Dak li jirriforma lill-Partit Laburista u jagħmlu partit alternattiv għall-gvern. Ngħid bla tlaqliq li falla.  Kellu opprtunita’ jibni l-partit mill-ġdid.  Minflok spicca jirricikla l-istess persuni li fl-imgħoddi ħamru wicc il-partit tagħhom.  Il-vojt li kien hemm imlih bihom minflok ma daħħal nies ġodda u rawwimhom.  Irnexxielu jibdel żewġ affarijiet biss.  Il-bandiera tal-partit u l-ingravata tiegħu.  Mill-bqija ma ħassejna ebda terremot minn dak li kien wiegħed li se jagħmel. 
 
Iltqajt ma’ persuna dan l-aħħar li minn dejjem kien Laburist. Fl-aħħar elezzjoni għall-ewwel darba vvota għall-PN.  Qalli car u tond li hekk ser jerġa jagħmel din id-darba propju għax ma ra ebda progress fit-tmexxija ta’ Muscat.  Fid-9 ta’ Marzu għandna għażla.  Bejn bniedem li għalih jitkellmu r-riżultati, u ieħor li kliemu maħsub biss għac-capcip.  

Dec 13, 2012

Jipruvaw itapnu t-track record posittiv


Tlaqna għall-elezzjoni. Aħna nitilqu bi track record posittiv x’nuru u ħaddieħor kampanja negattiva u wegħdi biss. It-track record tagħna fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart huwa evidenti u jkiddhom lil tal-Opposizzjoni. Qed jagħmlu l-isforzi kollha tagħhom biex jipruvaw itappnu dak li għamilna minkejja t-tfixkil kollu tagħhom. Joseph Muscat u Leo Brincat qed jipprovaw iħawwdu l-imħuħ billi jibnu argument fuq premessa żbaljata. Ġew jgħidulna li kuntratt li tat il-WasteServ minn miljun euro tela ghal 29 miljun euro. Qed jghidu l-ħmerijiet.
Il-kuntratt li qed jirreferu għalih ingħata lil kumpanija privata biex tipprovdi servizzi ta’ ħaddiema biex jaħdmu fl-impjanti tal-Wasteserv. Kuntrarjament għal dak li taw x’jifhem, il-valur tal-aġġudikazzjoni kien a bażi tal-management fee (commission) biss għal kull ħaddiem. Ma kienx jinkludi spejjeżoħra bħal pagi, bonuses u allowances. B’hekk il-valur tat-tender mhux veru li tela’ minn miljun għal 29miljun Ewro. Il-valur ta’ 29 miljun jinkludu wkoll l-ispejjeż ta’ 4 snin pagi, liema pagi ma kienux inklużi fil-valur tal-kuntratt.
U dan għamilnih għax ma ridniex li l-ħaddiema li jaħdmu mal-WasteServ ikunu suġġetti għall-pagi li joghġbu joffri l-kuntrattur privat imma l-ammont tal-paga jkun daqs dak mogħti lill-ħaddiema tal-Gvern fl-istess gradi. Biex ma jkunx hemm sfrtuttament tal-ħaddiema. Għamilna ħażin b’hekk ? Ta’ min jgħid ukoll li kull estensjoni għall-kuntratt oriġinali kellha dejjem l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan kollu ġie spjegat b’mod dettaljat mill-WasteServ lill-Awditur.
Gie spjegat ukoll lill-Awdituri Indipendenti tal-WasteServ,l-istess Awdituri li l-Onor Brincat qal li nehhejnihom, imma metanduna li qal ħmerija! Fil-Management Letter ghas-sena bazi 2011 dawn l-Awdituri qalu li dak li għamlet il-WasteServ “shows a marked improvement in the Company’s control and management and of its financial reporting systemsU jkomplu “over a brief period of time have progressively addressed all the points raised in previous management letters and together with securing the Company’s assets also achieved greater transparency.
Il-fatt li wasalna li żammejna kelmitna u se nagħtu anke tnaqqis fil-kont tad-dawl lil madwar 7,000 persuna li jgħixu vicin l-impjant ta’ Sant’Antnin, kiddithom wisq lil Joseph Muscat & Co ! Għalhekk qed jirreaġixxu hekk !

Dec 10, 2012

Entużjażmu u passjoni


Ftit tal-ġranet ilu ġejt mistieden nassisti għal żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ li saru lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji bħala parti mill-EU Robotics Week. Hemmhekk stajt nara b’għajnejja l-entużjażmu tat-tfal li kienu qed jipparteċipaw. It-tfal setgħu jibnu u jħaddmu r-robot tagħhom u jimmodifikaw il-funzjoni tiegħu permezz ta’ programming semplici li jiktbu huma stess. Gruppi oħra kienu qed jistennew bil-ħerqa sabiex jidħlu jagħmlu l-istess eżercizju ġaladabra jispiċċaw sħabhom. Tassew din hi inizjattiva ta min ifaħħarha għaliex qed tixpruna l-istudenti jkomplu jistudjaw f’settur li s-soċjeta ta’ llum tant tiddependi fuqu.  
 
Malta kienet wieħed minn dawn il-21 pajjiż li ħadu sehem f’din l-inizjattiva ewropea għat-tieni sena konsekuttiva. Matul din il-ġimgħa, ‘l fuq minn 450 student tas-sekondarja żaru wieħed minn 5 siti, l-MCAST, il-Holistic Institute of Technologies, l-STC Training Centre u l-Fakulta tal-Inġinerija kif ukoll il-Fakulta tal-Edukazzjoni ġewwa l-Universita’ ta’ Malta fejn kienu qed jiġu organizzati attivatajiet relatati ma din il-ġimgħa. Irrid nirringrazja lil Paul Cassar, il-koordinatur nazzjonali tal-EU Robotics Week, li għandu passjoni għat-teknoloġija.  Ħadt gost ninnota wkoll li l-maġġorparti ta' dawk li kienu qed jgħinu lill-istudenti kienu ta' sess feminili.  Fatt posittiv meta tikkonsidri li sa llum dan kien qasam iddominat mill-irġiel !
 
Din il-ġimgha ta’ attivitajiet relatati mar-robotika tittella għal żewg għanijiet prinċipali. L-ewwel u qabel kollox sabiex titqajjem aktar kuxjenza fost il-publiku nġenerali dwar l-importanza kbira tar-robots fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u li aktar ma jaddi ż-żmien aktar qeda tikber. It-tieni, u forsi l-aktar għan importanti, hu li tinkoraġixxi aktar studenti sabiex jistudjaw il-qasam tat-teknoloġija u oqsma oħra relatati mar-robotika. 
 
Is-sistemi hands-on huma dawk li l-aktar jecitaw lit-tfal tagħna.  Kien għalhekk li ili ninsisti li pajjiżna jkollu Hands-On Centre li jecita specjalment lit-tfal tagħna fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija.  L-esperjenzi bħal dawk organizzati mill-MCST (Malta Council for Sciences & Technology) sa mill-1995 ta’ Science Week, meta kont CEO tal-MCST, juruk bic-car li t-tfal jogħxew jiskopru meta tagħtihom opportunita’ li huma stess imiddu jdejhom.  B’sodisfazzjon kbir ninnota li l-MCST issa li ngħatat il-flus mill-Gvern centrali qed titrasforma l-binjiet mitluqa ħdejn il-Palazz ta’ Bighi f’centru ta’ hands-on science.

Dec 3, 2012

Jum il-Persuni b'dizabilita'


Illum huwa l-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilita’.  Huwa stamt li madwar 15 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja tbati minn xi forma ta’ diżabilita’.  Dan il-jum huwa ntiż biex iġiegħlna naħsbu b’mod partikolari fuq il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies u kif nistgħu nkomplu ngħinuhom iħossuhom parti mis-soċjeta’ tagħna.  
 
Irrid ngħid li pajjiżna għamel passi ta’ ġgant ‘l quddiem fil-qasam ta’ aktar aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’.  Twettaq xogħol imprezzabbli mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ li rrid insellmilhom għax-xogħol li jagħmlu.  Illum huwa obbligu legali li kwalunkwe applikazzjoni ta’ żvilupp trid tiġi kkonsultata ma’ din il-Kummissjoni biex inkomplu niżguraw li l-bżonnijiet ta’ dawn in-nies qed jiġu kkunsidrati.  
 
Sar ħafna pero għad baqa xi jsir biex flimkien inkomplu  nżarmaw l-ixkiel soċjali li għadhom jiffaċċjaw persuni b’diżabilita’.  Dan l-ixkiel huwa detrimentali mhux biss għall-persuni nfushom pero anke għas-soċjeta’ in ġenerali li għandha bżonn li jkollha ċittadini li jgawdu aċċessibilita’ biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar potenzjal tagħhom.  Dan il-Jum għandu jgħina nirriflettu fil-kontribut li nistħgu nagħtu sabiex jitwettaq dan l-għan nobbli.  
 
Jien għandi esperjenza diretta ta’ persuna b’diżabilita’ għax għext f’dar fejn ommi tilfet id-dawl t’għajnejha ta’ 54 sena u għamlet 21 sena tgħix f’dan l-istat.  Rajt lill-ommi tbati pero rajtha wkoll iżżomm l-attitudni pożittiva tagħha waqt li baqgħet iżżomm ruħha utli.  Rajtha wkoll issofri l-konsegwenzi ta’ nuqqas t’aċċessibilita’ fl-ispazji pubbliċi ta’ pajjiżna u dawn l-esperjenzi ġiegħluni nifhem kif dak li għalina jittieħed for granted għal persuni b’diżabilita’ jfisser ħafna, f’ċertu każi jfisser li jistgħu jibqgħu jgawdu mobilita’.  Ovvjament l-ixkiel fiziku huwa biss wiehed mill-forom ta' xkiel li jtellef lil dawn il-persuni milli jilhqu l-milja tagħhom.  Hemm ukoll l-ixkiel socjali li rridu niġġieldu kuljum.