Nov 29, 2012

L-Għażla Responsabbli



Gvern responsabbli ikabbar il-gid, jincentiva lil dawk li jistghu joholqu x-xoghol, iharreg ghall-impjiegi tal-gejjieni u jwiezen lil dawk l-aktar dghajfa. Fl-opinjoni tieghi dan il-Budget jirnexxielu jaghmel dan kollu. Budget ta' llum li jiprepara ghal ghada. Kif dejjem ghamel il-PN fil-Gvern. Gvern responsabbli li għax ħadem bil-għaqal illum jinsab f’posizzjoni li jkompli jsaħħaħ dak li nkiseb s’issa u jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.  Budget li joffri viżjoni u programm konkret.  
 
Budget li bilkemm temmen li qed jitressaq f’mument daqstant partikolari fejn id-dinja għadha ssofri l-konsegwenzi ta’ kriżi finanzjarja liema bħalha.  U waqt li pajjiżi ġara tagħna qishom jinsabu f’tellieqa ta’ awsterita’, f’pajjiżna nistgħu noffru pakkett li se jkompli jtejjeb il-livell tal-għixien tagħna u ta’ wliedna.  Ħaddieħor qed inaqqas il-pagi u s-servizzi soċjali u jħabbat wiċċu ma’ qagħad rekord.  Aħna nħabbru żidiet fic-children’s allowance, tnaqqis tal-income tax, miżuri oħrajn ta’ inċentivi għan-nisa li jaħdmu u għan-negozji, firxa wiesa’ ta’ proposti ta’ Gvern li hu mimli idejat ta’ kif se jkompli jigwida dan il-pajjiż ‘l quddiem anke fil-maltemp. 
 
Fir-rigward tar-responsabbiltajiet Ministerjali tiegħi, dan hu Budget li għal darb’oħra qed jinvesti miljuni ta’ Ewro f’aktar proġetti ta’ tisbihta’ spazji pubbliċi.  Miżuri li jinċentivaw l-użu ta’ prodotti li jiġġeneraw enerġija minn sorsi nodfa, għajnuna u investiment fis-setturi tal-biedja u sajd, investiment fl-immaniġġjar tal-iskart, l-konservazzjoni tal-ilma u l-ħarsien tal-annimali.  
 
Il-Budget huwa termometru tas-saħħa tal-Gvern u tal-pajjiż.  Dan Budget li jkompli jikkonferma li dan pajjiż b’saħħtu mmexxi minn Gvern li għandu l-aħjar politika għal pajjiżna.  Gvern li jagħmel għażliet responsabbli.  Fi ftit xhur oħra ser ikun il-poplu li jintalab jagħmel l-għażla tiegħu.  Fiduċjuż li anke dik tkun għażla responsabbli għalina u għal uliedna.

No comments: